Ktieb li Tistaʼ Tafdah l-1 Parti
L-Eġittu fl-Istorja tal-Bibbja
Il-Bibbja nkitbet matul perijodu taʼ xi 1,600 sena. L-istorja u l-profeziji tagħha huma konnessi maʼ sebaʼ qawwiet dinjin: l-Eġittu, l-Assirja, Babilonja, il-Medo-Persja, il-Greċja, Ruma, u l-Anglo-Amerika. Kull waħda minn dawn il-qawwiet se tiġi kunsidrata f’sensiela taʼ sebaʼ artikli. B’liema mira? Biex jintwera li l-Bibbja hi taʼ min jafdaha u ispirata minn Alla u li l-messaġġ tagħha hu wieħed taʼ tama li t-tbatija kaġunata mill-ħakma ħażina tal-bniedem se tintemm.
L-EĠITTU, magħruf għall-piramidi tiegħu u għax-Xmara Nil, kien l-ewwel qawwa dinjija fl-istorja tal-Bibbja. Fi ħdanu ġie fformat il-ġens t’Iżrael. Mosè, li niżżel bil-miktub l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja, twieled u ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Eġittu. Jappoġġaw l-istorja sekulari u l-arkeoloġija dak li kiteb Mosè dwar dan il-pajjiż tal-qedem? Ikkunsidra xi eżempji.
Storja taʼ Min Jafdaha
Titli u termini. Spiss jintwera kemm l-istorja tkun eżatta mid-dettalji li jkun fiha—id-drawwiet, l-etikett, l-ismijiet u t-titli tal-uffiċjali, u affarijiet bħal dawn. Huma l-kotba tal-Ġenesi u l-Eżodu, l-ewwel żewġ kotba tal-Bibbja, eżatti f’dan? Rigward ir-rakkont tal-Ġenesi dwar Ġużeppi, wieħed mill-ulied subien tal-patrijarka Ġakobb, kif ukoll dwar il-ktieb Bibliku tal-Eżodu, J. Garrow Duncan jgħid fil-ktieb tiegħu New Light on Hebrew Origins: “[Il-kittieb Bibliku] kien familjari sew mal-lingwa, id-drawwiet, it-twemmin, il-ħajja rjali, u l-etikett u l-awtoritajiet tal-Eġittu.” Hu jżid: “[Il-kittieb] juża sew it-titlu xieraq u jużah eżatt skont il-perijodu li fih ġie użat. . . . Fil-fatt, xejn ma jagħti prova iktar konvinċenti fit-Testment il-Qadim dwar l-għarfien eżatt tal-affarijiet Eġizzjani, u dwar kemm tistaʼ tafda tassew lill-kittieba, mill-użu tal-kelma Fargħun f’perijodi differenti.” Duncan jgħid ukoll: “Meta [l-kittieb] jikteb dwar il-fatt li l-karattri involuti jmorru quddiem il-Fargħun, hu jikteb li użaw l-etikett irjali adattat u d-diskors xieraq.”
Kif kienu jagħmlu l-briks. Matul il-perijodu li l-Iżraelin kienu fil-jasar fl-Eġittu, huma għamlu l-briks mit-tafal imħallat mat-tiben, li kien iservi bħala materjal li jgħaqqad. (Eżodu 1:14; 5:6-18)a Xi snin ilu, il-ktieb Ancient Egyptian Materials and Industries kien jgħid: “Ma tantx hemm postijiet li fihom [kienu jsiru l-briks] iktar milli fl-Eġittu, fejn il-briks imnixxfin fix-xemx għadhom, bħalma dejjem kienu, il-materjal tal-bini li hu karatteristiku għall-pajjiż.” Il-ktieb isemmi wkoll “il-prattika Eġizzjana li fiha jużaw it-tiben biex jagħmlu l-briks,” u għalhekk jappoġġa dan id-dettall miżjud imniżżel bil-miktub fil-Bibbja.
Iqaxxru l-leħja. L-irġiel Ebrej tal-qedem kienu jħallu l-leħja tikber. Imma l-Bibbja tgħidilna li Ġużeppi qaxxar il-leħja u xagħru qabel ma daħal quddiem il-Fargħun. (Ġenesi 41:14) Għala għamel dan? Biex ikun fi qbil mad-drawwiet u l-etikett Eġizzjan li fihom ix-xagħar fil-wiċċ kien sinjal taʼ nuqqas taʼ ndafa. “[L-Eġizzjani] kienu jħossuhom kburin bil-fatt li jkunu qaxxru l-leħja,” jgħid il-ktieb Everyday Life in Ancient Egypt. Fil-fatt, fl-oqbra nstabu reċipjenti u settijiet kosmetiċi li kien fihom xfafar, pinzetti, u mirja. Jidher ċar li Mosè kien attent ħafna f’dak li kiteb. L-istess nistgħu ngħidu dwar kittieba Bibliċi oħrajn li niżżlu bil-miktub ġrajjiet konnessi mal-Eġittu tal-qedem.
Intrapriżi taʼ negozju. Ġeremija, li kiteb iż-żewġ kotba tas-Slaten, niżżel dettalji speċifiċi dwar in-negozju tas-Sultan Salamun taʼ żwiemel u karrijiet mal-Eġizzjani u l-Ħittin. Karru kien jiswa “sitt mitt biċċa tal-fidda, u żiemel . . . mija u ħamsin,” jew kwart mill-prezz taʼ karru, bħalma tgħid il-Bibbja.—1 Slaten 10:29.
Skont il-ktieb Archaeology and the Religion of Israel, l-istudjuż Grieg tal-istorja Erodotu u xi sejbiet arkeoloġiċi jikkonfermaw li n-negozju li kien jiffjorixxi taż-żwiemel u l-karrijiet kien iseħħ matul il-ħakma taʼ Salamun. Fil-fatt, il-ktieb jgħid li “r-rata bażika taʼ kambju t’erbaʼ . . . żwiemel għal karru Eġizzjan ġiet stabbilita,” u għalhekk jappoġġa d-dettalji msemmijin fil-Bibbja.
Il-gwerer. Ġeremija u Esdra jsemmu wkoll l-invażjoni taʼ Ġuda mill-Fargħun Sisak, u jgħidu b’mod speċifiku li din seħħet “fil-ħames sena tas-Sultan Reħobogħam” taʼ Ġuda, jew fis-sena 993 Q.E.K. (1 Slaten 14:25-28; 2 Kronaki 12:1-12) Għal żmien twil, l-unika informazzjoni dwar din l-invażjoni kienet tinsab fil-Bibbja biss. Imbagħad, instab xi tinqix fuq il-ħajt taʼ tempju Eġizzjan f’Karnak (Tebe tal-qedem).
Fit-tinqix jidher Sisak wieqaf quddiem l-alla Amon, waqt li id Sisak kienet mgħollija biex tinfed lill-ilsiera. Ukoll, hemm imniżżlin l-ismijiet taʼ rħula Iżraelin li ġew mirbuħin u ħafna minnhom ġew identifikati maʼ postijiet Bibliċi. Ukoll, id-dokument isemmi “L-Għalqa t’Abram”—l-iktar referenza bikrija tal-patrijarka Bibliku Abraham f’dokumentazzjonijiet Eġizzjani.—Ġenesi 25:7-10.
Jidher ċar li l-kittieba Bibliċi ma kitbux affarijiet fittizji. Minħabba li kienu jafu li riedu jagħtu kont lil Alla huma kitbu l-verità, anki meta dan kien umiljanti—bħal fil-każ tar-rebħiet taʼ Sisak f’Ġuda. Sinċerità bħal din żgur li hi l-oppost tar-rakkonti mżejnin u esaġerati tal-iskribi Eġizzjani tal-qedem, li ma ridux jiktbu kwalunkwe ħaġa li setgħet titfaʼ dell ikrah fuq il-ħakkiema tagħhom jew fuq nieshom.
Profeziji taʼ Min Jafdahom
Alla Ġeħova biss, l-Awtur tal-Bibbja, jistaʼ jbassar eżatt x’se jseħħ fil-futur. Pereżempju, innota x’ispira lil Ġeremija biex ibassar dwar żewġt ibliet Eġizzjani—Memfi u Tebe. Memfi, jew Nof, darba kienet ċentru prominenti tal-kummerċ, il-politika, u r-reliġjon. Però, Alla qal: “Nof se ssir oġġett taʼ stagħġib u tingħata n-nar, u ħadd ma jgħammar fiha.” (Ġeremija 46:19) U hekk seħħ. Il-ktieb In the Steps of Moses the Lawgiver jgħid li “l-fdal enormi tal-qerda taʼ Memfi” nsteraq mill-konkwistaturi Għarab, li użawh bħala barriera. Ikompli jgħid li llum “fl-inħawi tal-belt tal-qedem lanqas ġebla waħda ma tinsab wieqfa ’l barra mill-ħamrija sewda.”
It-Tebe, li qabel kienet imsejħa No-amon jew sempliċement No, ġarrbet riżultat simili, flimkien mal-allat bla qawwa li kellha. Dwar din li darba kienet il-belt kapitali tal-Eġittu u ċentru prinċipali tal-qima tal-alla Amon, Ġeħova qal: “Ara, se nitlob kont minn Amon . . . u mill-Fargħun u mill-Eġittu u mill-allat tiegħu . . . U nagħtihom . . . f’idejn Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja.” (Ġeremija 46:25, 26) Bħalma ġie profetizzat, il-monarka Babiloniż rebaħ fuq l-Eġittu u l-belt prominenti No-amon. Imbagħad, wara li l-ħakkiem Persjan Kambise II attakka l-belt fis-sena 525 Q.E.K., din waqgħet b’pass konsistenti, biex finalment ir-Rumani ħarbtuha għalkollox. Iva, il-Bibbja hija unika għax fiha profeziji eżatti, u dan jagħtina l-fiduċja f’dak li tgħid dwar il-futur tagħna.
Tama taʼ Min Jafdaha
L-ewwel profezija li qatt ġiet imniżżla fil-Bibbja kienet miktuba minn Mosè matul iż-żmien tal-qawwa dinjija Eġizzjana.b Din il-profezija li tinsab f’Ġenesi 3:15 tgħid li Alla kellu jipproduċi ‘nisel’ li kellu jfarrak lil Satana u lil ‘nislu’—lil dawk li jadottaw il-mogħdijiet mill-agħar taʼ Satana. (Ġwanni 8:44; 1 Ġwanni 3:8) In-‘nisel’ primarju t’Alla wera li kien il-Messija, Ġesù Kristu.—Luqa 2:9-14.
It-tmexxija taʼ Kristu se tkopri l-art kollha, u hu se jneħħi minnha l-ħażen kollu u l-gvernijiet umani ħorox. Qatt iktar “il-bniedem [ma se jiddomina] lill-bniedem bi ħsara għalih.” (Ekkleżjasti 8:9) Iktar minn hekk, bħal Ġożwè tal-qedem li mexxa lil Iżrael għal ġo l-Art Imwiegħda, Ġesù se jmexxi fis-sigurtà lil “folla kbira” taʼ bnedmin li jibżgħu minn Alla għal ġo “Art Imwiegħda” ħafna akbar—art imnaddfa li se tiġi mibdula f’ġenna.—Rivelazzjoni 7:9, 10, 14, 17; Luqa 23:43.
Din it-tama prezzjuża tfakkarna saħansitra fi profezija oħra mniżżla bil-miktub fiż-żmien tal-Eġittu tal-qedem. Misjuba f’Ġob 33:24, 25, il-profezija tgħid li Alla se jeħles lill-bnedmin saħansitra mill-“ħofra,” jew mill-qabar, permezz tal-irxoxt. Iva, minbarra dawk li se jkunu nħelsu mill-qerda li riesqa taʼ wħud mill-agħar, ħafna miljuni li issa huma mejtin se jiġu rxoxtati għall-ħajja bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-art. (Atti 24:15) Il-ktieb tar-Rivelazzjoni 21:3, 4 jgħid li “t-tinda t’Alla hi mal-bnedmin.” Hu se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”
Storja u profeziji taʼ min jafdahom—din it-tema se tkompli fl-artiklu li jmiss f’din is-sensiela li se tiffoka fuq l-Assirja tal-qedem, il-qawwa dinjija li kien hemm wara l-Eġittu.
[Noti taʼ taħt]
a Jekk m’għandekx Bibbja imma għandek aċċess għall-Internet, tistaʼ tiċċekkja l-iskritturi bl-Ingliż minn fuqu fuq dan l-indirizz www.watchtower.org. Hemmhekk se ssib kaxxa intitolata “Read the Bible Online” (Aqra l-Bibbja Online).
b Il-profezija mniżżla f’Ġenesi 3:15 qalha Alla fil-ġnien tal-Għeden u iktar tard ġiet imniżżla bil-miktub minn Mosè.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 18]
IL-ĠEBLA TAʼ MERNEPTA
Fl-1896, f’tempju funebri Eġizzjan, xi arkeoloġi sabu dik li ssejħet il-Ġebla taʼ Mernepta. Din il-kolonna tal-granit iswed fiha informazzjoni dwar dak li wettaq is-sultan Eġizzjan Mernepta li hu maħsub li ħakem lejn l-aħħar tas-seklu 13 Q.E.K. Imnaqqax fuq il-ġebla hemm innu, li parti minnu tgħid: “Iżrael ġie mħarbat, nislu m’għadux.” Din hija l-unika referenza għal Iżrael f’kitba Eġizzjana tal-qedem u hi l-iktar referenza bikrija minbarra dik li hemm fil-Bibbja.
Il-ġebla tnaqqxet matul il-perijodu Bibliku tal-Imħallfin, żmien dokumentat fil-ktieb Bibliku li jġorr dan l-isem. Però, kuntrarju għad-dokumentazzjoni tal-fargħunijiet li fihom biss stejjer tas-suċċessi tagħhom, il-ktieb tal-Imħallfin isemmi kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin t’Iżrael. Dwar nuqqas minn tagħhom, Imħallfin 2:11, 12 jgħid: “Ulied Israel intefgħu jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u jaqdu lill-Bagħalim [allat Kangħanin]. Għalhekk, huma abbandunaw lil Ġeħova . . . , li kien ħariġhom mill-art taʼ l-Eġittu.” Din is-sinċerità tispikka fil-Bibbja kollha kemm hi.
[Sors]
Todd Bolen/Bible Places.com
[Stampi f’paġna 16]
Briks imnixxfin fix-xemx magħmulin mit-tiben għadhom jintużaw fl-Eġittu llum
[Stampa f’paġna 16]
Parti minn sett tat-tqaxxir tal-leħja t’Eġizzjan—xafra u mera
[Stampa f’paġna 16]
L-ismijiet taʼ rħula Iżraelin li ntrebħu huma mniżżlin f’dan it-tinqix f’Karnak
[Stampa f’paġna 16, 17]
Din l-istatwa enormi mwaqqgħa li tinsab ħdejn Memfi, darba kienet wieqfa u għolja xi 12-il metru
[Sorsi tal-Istampa f’paġna 15]
L-Eġittu, il-Fargħun; u Ruma, Neruni: Photograph taken by courtesy of the British Museum; Medo-Persja, tpinġija fuq il-ħajt: Musée du Louvre, Paris
[Sorsi tal-Istampa f’paġna 16]
Sett tat-tqaxxir tal-leħja: © The Metropolitan Museum of Art/Art Resource, NY; tpinġija f’Karnak: Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.; statwa f’Memfi: Courtesy Daniel Mayer/Creative Commons