LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g16 Nru. 2 pp. 8-9
  • Għin lil uliedek jgħaddu mill-pubertà

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għin lil uliedek jgħaddu mill-pubertà
  • Stenbaħ!—2016
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​ISFIDA
  • X’GĦANDEK TKUN TAF?
  • DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
  • Kif nistaʼ nkampa mal-pubertà?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • ‘X’Qed Jiġrili?’
    Stenbaħ!—2004
  • Komunikazzjoni maʼ l-Adoloxxenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • L-Adoloxxenza Preparazzjoni Biex Isiru Adulti
    Stenbaħ!—2011
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2016
g16 Nru. 2 pp. 8-9
Missier jitkellem maʼ ibnu

GĦAJNUNA GĦALL-​FAMILJA | IT-​TROBBIJA TAT-​TFAL

Għin lil uliedek jgħaddu mill-​pubertà

Missier u iben iħarsu lejn tabella li turi l-pubertà li hi t-triq li mit-tfulija wieħed isir adult

L-​ISFIDA

Qisu lbieraħ li żammejt it-​tarbija tiegħek f’idejk. Issa quddiemek għandek lil xi ħadd li għadu ma sarx adoloxxent—għadu tifel, veru, imma wieħed li għandu mnejn dalwaqt se jaqbad it-​triq li twassal biex isir adult u li tissejjaħ il-​pubertà.

Kif tistaʼ tgħin lil ibnek jew bintek tgħaddi minn din il-​bidla, li tistaʼ tkun trawmatika u tħawwadha fi triqitha għal maturità sesswali?

X’GĦANDEK TKUN TAF?

Il-​pubertà tiġi meta trid hi. Tistaʼ tibda kmieni sa mill-​età taʼ tmien snin jew sa tard f’nofs is-​snin tal-​adoloxxenza. “L-​età taʼ pubertà normali tvarja,” jgħid il-​ktieb Letting Go With Love and Confidence.

Il-​pubertà tistaʼ ġġib l-​inċertezza. L-​adoloxxenti jistgħu jkunu sensittivi ħafna dwar l-​impressjoni li jħallu fuq ħaddieħor. “Sirt konxju taʼ kif kont nidher u naġixxi,” jiftakar żagħżugħ jismu Jared.a “Meta kont inkun m’oħrajn, kont naħseb jekk jaħsbunix stramb.” In-​nuqqas taʼ fiduċja jistaʼ jiżdied iżjed jekk tiżviluppa l-​akne. “Ħassejtni bħallikieku wiċċi kien ġie attakkat!” tiftakar Kellie, taʼ 17-​il sena. “Niftakarni nibki u ngħid li kont kerha.”

Min jibda l-​pubertà kmieni jiffaċċja sfidi speċjali. Dan hu minnu partikularment fil-​każ tat-​tfajliet, peress li jistgħu jiġu mgħajrin meta jiżviluppaw is-​sider. “Ukoll, qegħdin fir-​riskju li jiġbdu l-​attenzjoni taʼ subien ikbar li huma iżjed lesti biex jiksbu esperjenza sesswali,” jgħid il-​ktieb A Parent’s Guide to the Teen Years.

Il-​pubertà ma tfissirx maturità. “Il-​bluha hi marbuta maʼ qalb taʼ tifel,” jgħid Proverbji 22:15. Il-​pubertà ma tbiddilx dan. Żagħżugħ jistaʼ jidher li kiber, imma dan “ma jgħidlek xejn dwar l-​abbiltà tiegħu li jieħu deċiżjonijiet intelliġenti, li jġib ruħu bir-​responsabbiltà, li jeżerċita kontroll fuqu nnifsu, jew [li juri] maturità mod ieħor,” jgħid il-​ktieb You and Your Adolescent.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Tkellem dwar il-​pubertà qabel ma tibda. Ħalli t-​tfal tiegħek ikunu jafu x’jistennew, speċjalment dwar mestrwazzjoni (għat-​tfajliet) u tixrid (tas-​semen) involontarju bil-​lejl (għas-​subien). Dawn l-​affarijiet, differenti mill-​bidliet gradwali tal-​pubertà, jibdew f’daqqa u jistgħu jħawdu u anki jbeżżgħu lit-​tfal. Waqt li tiddiskuti affarijiet bħal dawn, kun pożittiv—li l-​pubertà tagħti bidu għal bidla taʼ benefiċċju li tipprepara lil dak li jkun biex isir adult.—Prinċipju Bibliku: Salm 139:14.

Spjega sew u kun ċar. “Meta l-​ġenituri tiegħi għamluli ‘l-​prietka,’ ipprovaw jaħarbu minnha,” jiftakar żagħżugħ jismu John. “Xtaqt li kienu iżjed ċari fi kliemhom.” Alana, taʼ 17-​il sena, tħossha l-​istess. “Ommi għenitni nifhem x’kien qed jiġri fiżikament,” hi tgħid, “imma xtaqt li għenitni nkampa aħjar emozzjonalment.” Il-​lezzjoni? Skomdu kemm hu skomdu, tkellem maʼ wliedek dwar l-​aspetti kollha tal-​pubertà.—Prinċipju Bibliku: Atti 20:20.

Staqsi mistoqsijiet li jwasslu għal diskussjoni. Biex it-​tfal iħossuhom komdi, ibda tkellem dwar l-​esperjenzi li kellu ħaddieħor dwar il-​pubertà. Pereżempju, tistaʼ tistaqsi lil bintek, “Hemm xi tfajliet mill-​klassi tiegħek li bdew jitkellmu dwar il-​pirjid?” “It-​tfal iwaqqgħu għaċ-​ċajt lit-​tfajliet li jiżviluppaw kmieni?” Tistaʼ tistaqsi lil ibnek, “It-​tfal jirridikolaw lil dawk li jdumu biex jiżviluppaw fiżikament?” Meta l-​adoloxxenti jibdew jitkellmu dwar kif il-​pubertà teffettwa lil oħrajn, jistaʼ jkun eħfef għalihom biex jiftħu qalbhom dwar is-​sentimenti u l-​esperjenzi tagħhom stess. Meta jagħmlu dan, segwi l-​parir tal-​Bibbja: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’—Ġakbu 1:19.

Għin lill-​adoloxxent jiżviluppa ‘l-​għaqal u l-​abbiltà li jaħseb.’ (Proverbji 3:21) Il-​pubertà ma tinkludix biss bidliet fiżiċi u emozzjonali. Matul dan l-​istadju, l-​adoloxxent tiegħek jiżviluppa wkoll abbiltajiet taʼ raġunar li se jgħinuh jieħu deċiżjonijiet tajbin la jikber. Ħu vantaġġ minn din l-​opportunità biex trawwem valuri tajbin fl-​adoloxxent tiegħek.—Prinċipju Bibliku: Ebrej 5:14.

Taqtax qalbek. Ħafna żgħażagħ donnhom iżommu lura milli jitkellmu mal-​ġenituri tagħhom dwar il-​pubertà, imma titqarraqx. Il-​ktieb You and Your Adolescent jgħid: “L-​adoloxxent li jippretendi li mhux interessat, imdejjaq, diżgustat, jew ma jridx jismaʼ jistaʼ jkun qed jimmemorizza kull kelma.”

a L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

SKRITTURI PRINĊIPALI

  • “Tal-​biżaʼ l-​mod taʼ l-​għaġeb kif jien magħmul.”—Salm 139:14.

  • “Ma żammejtx lura milli ngħidilkom kulma kien taʼ benefiċċju.”—Atti 20:20.

  • “Nies maturi . . . għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.”—Ebrej 5:14.

“Il-​ġenituri tiegħi kienu taʼ sapport kbir meta għaddejt mill-​pubertà, speċjalment ommi. Hi ħadet il-​ħin biex tispjegali kollox. Kont naf eżatt x’kien se jiġri u x’kelli nistenna, allura ma xxokkjajtx ruħi meta wasal dak iż-​żmien. Barra minn hekk, ommi għamlet ċert li jien dejjem ħassejtni komda nitkellem magħha. Il-​ġenituri tiegħi għamluli din is-​sitwazzjoni skomda iktar faċli għalija.”—Marie, taʼ 16-​il sena.

“Il-​ġenituri ħadmu id f’id miegħi. Pereżempju, huma pprovaw jirrispettaw il-​privatezza tiegħi għax kienu jafu li din l-​esperjenza kienet imbarazzanti għalija. Il-​fatt li ma kinux qed ixandruha m’oħrajn kien t’għajnuna wkoll. U huma kellmuni dwar x’kien ġej qabel esperjenzajtu.”—Joan, taʼ 18-​il sena.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja