LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g16 Nru. 3 pp. 8-9
  • Ignaz Semmelweis

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ignaz Semmelweis
  • Stenbaħ!—2016
  • Materjal Simili
  • Werrej
    Stenbaħ!—2016
  • Meta t-Tfal Ikollhom id-Deni
    Stenbaħ!—2003
  • Il-Battalja Kontra l-Mard u l-Mewt—Qiegħda Tiġi Mirbuħa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Għala Hawn Tant Nies li Jbatu mid-Deni tal-Ħuxlief?
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—2016
g16 Nru. 3 pp. 8-9

TITWILA LEJN IL-​PASSAT

Ignaz Semmelweis

Ignaz Semmelweis

IGNAZ SEMMELWEIS jistaʼ ma jkunx isem magħruf, iżda ħafna familji moderni bbenefikaw mix-​xogħol tiegħu. Hu twieled Buda (issa Budapest), l-​Ungerija, u ħa l-​lawrja medika tiegħu mill-​Università taʼ Vjenna fl-​1844. Meta beda x-​xogħol bħala assistent taʼ professur fil-​First Maternity Clinic of Vienna’s General Hospital fl-​1846, Semmelweis iffaċċja realtà li tkexkex—iktar minn 13 fil-​mija tan-​nisa li welldu t-​trabi hemm mietu b’marda msejħa childbed fever (deni taʼ wara l-​ħlas).

Ġew proposti diversi teoriji għall-​kaġun taʼ din il-​marda, iżda ħadd ma solva l-​misteru. L-​attentati kollha li saru biex inaqqsu r-​rata tal-​mewt kienu għalxejn. Semmelweis, li kien ikkonċernat bin-​numru inkwetanti taʼ ħafna ommijiet ittorturati b’mewta bil-​mod u agonizzanti, kien determinat li jsib il-​kaġun tal-​marda u jwaqqafha.

L-​isptar li fih kien jaħdem Semmelweis kellu żewġ kliniki tal-​maternità separati, u ħaġa tal-​iskantament, ir-​rata tal-​mewt fl-​ewwel klinika kienet ħafna ogħla mit-​tieni waħda. L-​unika differenza bejn iż-​żewġ kliniki kienet li fl-​ewwel waħda kienu jiġu mgħallmin l-​istudenti tal-​mediċina u fit-​tieni waħda l-​qwiebel. Mela, għala dik id-​differenza kollha fir-​rati tal-​imwiet? Hu u janalizza din il-​mistoqsija, Semmelweis b’mod sistematiku beda jelimina xi kaġuni li setaʼ kien hemm għall-​marda, imma l-​veru kaġun baqaʼ ma nstabx.

Kmieni fl-​1847, Semmelweis sab ħjiel kruċjali. Jakob Kolletschka, kollega u ħabib tiegħu, miet b’avvelenament tad-​demm wara li kellu ferita kkaġunata waqt li kien qed jagħmel awtopsja. Hekk kif Semmelweis qara r-​rapport tal-​awtopsja li saret fuq Kolletschka, hu rrealizza li f’xi aspetti, dak li sab kien identiku għal dak tal-​vittmi tal-​marda tad-​deni taʼ wara l-​ħlas. Għalhekk, Semmelweis ħaseb li forsi dak li sejjaħlu “velenu” mill-​katavri kien qed jinfetta lin-​nisa tqal, u b’hekk jikkaġuna l-​marda tad-​deni taʼ wara l-​ħlas. Tobba u studenti tal-​mediċina, li spiss għamlu l-​awtopsji qabel imorru fis-​sala tal-​maternità, bla ma ntebħu kienu qed jittrasmettu l-​marda lil ommijiet tqal waqt li dawn kienu jkunu qed jiġu eżaminati jew waqt it-​twelid! Il-​mortalità fit-​tieni sala kienet iktar baxxa għaliex l-​istudenti li kienu jistudjaw biex isiru qwiebel ma kinux jagħmlu awtopsji.

Semmelweis fil-​pront introduċa regola stretta taʼ ħasil tal-​idejn, li inkludiet l-​isterilizzazzjoni tal-​idejn f’taħlita taʼ trab tal-​bliċ (chlorinated lime) qabel jinbdew l-​eżamijiet mediċi fuq nisa tqal. Ir-​riżultati kienu drammatiċi: ir-​rati tal-​imwiet niżlu malajr minn 18.27 fil-​mija f’April għal 0.19 fil-​mija sal-​aħħar tas-​sena.

“It-​twemmin tiegħi jgħidli li l-​isptarijiet tal-​maternità għandhom jinħelsu mill-​orrur li fihom, biex tiġi salvata l-​mara għal żewġha, u l-​omm għal binha.”—Ignaz Semmelweis

Mhux kulħadd ħa pjaċir bis-​suċċess taʼ Semmelweis. Ir-​riżultati miksubin sfidaw it-​teoriji dwar id-​deni taʼ wara l-​ħlas li kien jemmen fihom is-​superjur tiegħu, li wkoll sab l-​insistenza taʼ Semmelweis irritanti. Semmelweis fl-​aħħar tilef l-​impjieg tiegħu fi Vjenna u mar lura l-​Ungerija. Hemm ħa ħsieb id-​dipartiment ostetriku (li għandu x’jaqsam mat-​twelid tat-​tfal) f’St. Rochus Hospital f’Pest, fejn il-​metodi tiegħu baxxew ir-​rata tal-​mewt minħabba d-​deni taʼ wara l-​ħlas għal inqas minn wieħed fil-​mija.

Fl-​1861, Semmelweis ippubblika x-​xogħol li għamel f’ħajtu, The Cause, Concept, and Prophylaxis of Childbed Fever. Sfortunatament, l-​importanza tas-​sejbiet tiegħu ma ġietx rikonoxxuta qabel xi snin wara. Sadanittant, ħajjiet bla għadd li setgħu ġew salvati ntilfu traġikament.

Ignaz Semmelweis inforza miżuri dwar l-iġjene

Semmelweis inforza miżuri dwar l-iġjene f’faċilitajiet mediċi li kienu taħt is-superviżjoni tiegħu.—Pittura taʼ Robert Thom

Semmelweis fl-​aħħar ġie rikonoxxut bħala wieħed mill-​fundaturi tat-​teknika moderna tal-​iġjene. Xogħlu għen biex jiġi stabbilit li materjal li hu ċkejken wisq biex tarah jistaʼ jikkaġuna l-​mard. Semmelweis hu parti mill-​istorja tat-​teorija tal-​mikrobi li jġibu l-​mard u li ssejħet “l-​iktar kontribut importanti għax-​xjenza u l-​prattika medika.” Hu interessanti li iktar minn 3,000 sena qabel, il-​Liġi li Alla ta lil Mosè, li iżjed tard ġiet inkluża fil-​Bibbja, kienet diġà tat gwida għaqlija fuq it-​trattament xieraq taʼ nies mejtin.

FATTI FIL-​QOSOR

  • Fl-​Ewropa, fis-​seklu dsatax, ħafna nisa mietu bid-​deni taʼ wara l-​ħlas, flaġell b’rati taʼ mwiet sa 30 fil-​mija.

  • Sa mill-​1674, il-​mikrobi kienu qed jiġu osservati b’mikroskopju, imma l-​perikli tagħhom ma ġewx mifhumin għalkollox. Kienet ħaġa komuni għat-​tobba biex jgħinu lill-​ommijiet iwelldu t-​trabi eżatt wara li jkunu għamlu l-​awtopsji, mingħajr ma jkunu sterilizzaw idejhom qabel.

  • Semmelweis introduċa l-​ħasil tal-​idejn fil-​prattika medika, u b’hekk ġew salvati ħafna ħajjiet.

Dak li qalet il-​Bibbja

Skont il-​Liġi li Alla ta lil Mosè, li tmur lura sas-​seklu sittax QK, kull min imiss ġisem mejjet kien isir mhux nadif għal sebat ijiem u kellu jgħaddi minn proċedura taʼ tindif li inkludiet il-​ħasil tiegħu u taʼ ħwejġu. Matul dan il-​perijodu, l-​individwu kellu jevita kuntatt fiżiku maʼ oħrajn.—Numri 19:11-​22.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja