Għala Hawn Tant Nies li Jbatu mid-Deni tal-Ħuxlief ?
Minn kittieb għal Stenbaħ! fi Spanja
GĦAJNEJK jibdew jikluk u jdemmgħu, tibda tagħtas il-ġurnata kollha, imnieħrek il-ħin kollu jqattar, u tħoss nifsek maqtugħ. X’inhu jiġrilek? Forsi għandek riħ. Iżda jekk jaqbduk dawn is-sintomi meta tkun fejn jinstab il-polline, jew it-trab tad-dakkir, għandek mnejn li qed tbati mid-deni tal-ħuxlief li hu magħruf iktar bħala hay fever. Jekk inhu hekk, m’intix waħdek. In-numru taʼ nies li jiskopru li għandhom il-hay fever qed jiżdied kull sena.
“Il-hay fever m’hu xejn ħlief reazzjoni esaġerata taʼ ġismek kontra sustanza li jikkunsidraha bħala li hi perikoluża,” tirrapporta r-rivista Mujer de Hoy. “Is-sistema taʼ l-immunità tan-nies li għandhom l-allerġiji tirrifjuta dawk is-sustanzi kollha li tikkunsidrahom bħala li huma barranin—inkluż it-trab tad-dakkir—avolja fir-realtà dawn m’humiex taʼ ħsara.” U meta s-sistema taʼ l-immunità tirreaġixxi żżejjed b’dan il-mod, din tikkaġuna s-sintomi irritanti li ġew deskritti fil-bidu.
Fl-1819, it-Tabib Ingliż John Bostock kien l-ewwel wieħed li ddeskriva l-hay fever. Bostock semma fid-dettall is-sintomi irritanti li hu kien ikollu fl-istaġun tal-hay fever. Hu kien jemmen li dawn is-sintomi kienu jiġu meta kien jinqataʼ l-ħuxlief, jew tiben, frisk, u għalhekk din il-kundizzjoni ġiet msejħa deni tal-ħuxlief jew bl-Ingliż hay fever. Iktar tard skoprew li r-reazzjoni allerġika kienet titqanqal minn bosta tipi differenti taʼ trab tad-dakkir. Fil-bidu tas-seklu 19, Bostock sab verament ftit każijiet madwar l-Ingilterra kollha.
Madankollu, illum il-ġurnata, għala hawn ħafna li jbatu mill-hay fever? It-Tabib Javier Subiza, direttur taċ-Ċentru għall-Ażżma u l-Allerġiji f’Madrid, Spanja, isemmi żewġ teoriji li r-riċerkaturi qegħdin jinvestigaw. Skond teorija minnhom huma l-magni li jaħdmu bid-diesel li jikkaġunaw il-hay fever. Huwa maħsub li l-partiċelli li joħorġu mid-diesel maħruq jistgħu jqanqlu l-azzjoni taʼ l-allerġeni, sustanzi li joħolqu reazzjoni allerġika. Skond it-Tabib Juan Kothny Pommer, speċjalista fl-istudju taʼ l-allerġiji, “f’pajjiżi żviluppati l-effetti tal-hay fever jeffettwaw sa 20 fil-mija mill-popolazzjoni, u l-iktar lil dawk li jgħixu fil-bliet.”
Teorija oħra tissuġġerixxi li l-kaġun jistaʼ jkun sempliċement wisq iġjene. ‘Aħna nitwieldu f’ambjent sterilizzat fi sptar, nieklu ikel ħieles mill-mikrobi, nitlaqqmu kontra ħafna mard, u meta nkunu ma nifilħux mill-ewwel nibilgħu l-antibijotiċi. Għalhekk, mit-tfulija, is-sistema taʼ l-immunità tagħna tiġi f’kundizzjoni li tiżviluppa l-allerġiji,’ jispjega t-Tabib Subiza.
Jekk int vittma taʼ din ir-reazzjoni eċċessiva taʼ l-immunità, tiddisprax! Jekk tanalizza sew x’għandek u tieħu l-kura t-tajba, tistaʼ tikkontrolla u ttaffi s-sintomi irritanti tal-hay fever, u dawn jaqbduk inqas spiss.