LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g16 Nru. 3 pp. 14-15
  • Allerġija għall-ikel u intolleranza għall-ikel—X’inhi d-differenza?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Allerġija għall-ikel u intolleranza għall-ikel—X’inhi d-differenza?
  • Stenbaħ!—2016
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’inhi l-​allerġija għall-​ikel?
  • X’inhi l-​intolleranza għall-​ikel?
  • X’inhuma s-​sintomi?
  • Dijanjosi u kura
  • Xi Tfisser l-Intolleranza għal-Lattosju
    Stenbaħ!—2004
  • Werrej
    Stenbaħ!—2016
  • X’Qed Nagħmlulu l-Ikel Tagħna?
    Stenbaħ!—2002
  • Kif Tistaʼ Tnaqqas il-Periklu fl-Ikel
    Stenbaħ!—2002
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2016
g16 Nru. 3 pp. 14-15
Ikel li ġeneralment jikkawża reazzjoni allerġika jew intolleranza

Allerġija għall-​ikel u intolleranza għall-​ikel—X’inhi d-​differenza?

Emily: “Waqaft niekol u ma bdejtx inħossni tajba. Kelli bħal ħakk f’ħalqi, u lsieni beda jintefaħ. Bdejt inħossni storduta u ma stajtx nieħu nifs sew. Beda tielaʼ raxx maʼ jdejja u għonqi. Ipprovajt ma nippanikjax, imma kont naf li kelli bżonn immur l-​isptar—u malajr!”

GĦALL-​biċċa l-​kbira tan-​nies, l-​ikel huwa esperjenza pjaċevoli. Però, hemm nies li bilfors iridu jqisu ċertu ikel bħala “għedewwa.” Bħal Emily, li diġà ssemmiet, huma jbatu minn allerġiji għall-​ikel. Ir-​reazzjoni allerġika qawwija taʼ Emily tissejjaħ anafilassi, kundizzjoni perikoluża ferm. B’ferħ, ħafna allerġiji għall-​ikel mhumiex daqshekk gravi.

Fi snin reċenti, ġew rapportati iżjed allerġiji u intolleranzi għall-​ikel. Madankollu, xi studji jindikaw li ftit biss minn dawk li jaħsbu li għandhom allerġija għall-​ikel saru jafu x’għandhom eżatt mingħand tabib.

X’inhi l-​allerġija għall-​ikel?

“L-​allerġija għall-​ikel m’għandhiex definizzjoni aċċettata b’mod ġenerali,” skont grupp taʼ xjentisti mmexxijin minn Dr. Jennifer J. Schneider Chafen fir-​rapport tagħhom ippubblikat f’The Journal of the American Medical Association. Madankollu, il-​biċċa l-​kbira tal-​esperti jemmnu li reazzjonijiet allerġiċi huma kkaġunati primarjament mis-​sistema tal-​immunità.

Reazzjoni allerġika għal ċertu ikel hija ġeneralment respons għal proteina f’dak l-​ikel. Is-​sistema tal-​immunità b’mod żbaljat tidentifika din il-​proteina bħala xi ħaġa li tagħmel il-​ħsara. Meta proteina partikulari tidħol fil-​ġisem, is-​sistema tal-​immunità għandha mnejn toħloq tip taʼ antibody magħruf bħala IgE biex tinnewtralizza dik il-​proteina li tqis bħala għadu. Meta jerġaʼ jittiekel l-​ikel li fih is-​sustanza li tikkaġuna allerġija, l-​antibodies li nħolqu qabel jistgħu jikkaġunaw li joħorġu sustanzi kimiċi, inkluż l-​istamina (histamine).

F’ċirkustanzi normali, l-​istamina għandha l-​benefiċċji tagħha fis-​sistema tal-​immunità. Imma għal raġunijiet li mhumiex mifhumin sew, il-​preżenza tal-​antibodies tal-​IgE flimkien mal-​ħruġ tal-​istamina li jseħħ wara jipproduċu reazzjoni allerġika f’nies li jinzertaw ikunu sensittivi żżejjed għal proteina partikulari fl-​ikel.

Dan jispjega għala tistaʼ tiekol ikel li qatt ma kilt qabel mingħajr ebda reazzjoni li tidher imma meta terġaʼ tiekol l-​istess ikel tesperjenza reazzjoni allerġika.

X’inhi l-​intolleranza għall-​ikel?

L-​intolleranza għall-​ikel, bħall-​allerġija għall-​ikel, tistaʼ tkun reazzjoni kuntrarja għal tip taʼ ikel. Imma b’differenza għall-​allerġija għall-​ikel (ikkaġunata direttament mis-​sistema tal-​immunità), l-​intolleranza għall-​ikel hija reazzjoni tas-​sistema diġestiva, u b’hekk l-​antibodies mhumiex involuti. Bażikament, persuna tistaʼ ssibha diffiċli biex tiddiġerixxi xi ikel, forsi minħabba nuqqas taʼ enzimi jew minħabba kimiki misjubin fl-​ikel li huma diffiċli biex jiġu diġeriti. Pereżempju, meta s-​sistema diġestiva ma tipproduċix l-​enzimi meħtieġa biex tiddiġerixxi t-​tip taʼ zokkor misjub fi prodotti tal-​ħalib ikun hemm intolleranza għal-​lattosju.

Intolleranza għall-​ikel tistaʼ toħroġ mal-​ewwel darba li jittiekel l-​ikel, peress li mhijiex kwistjoni taʼ produzzjoni taʼ antibodies. Il-​kwantità tistaʼ tkun il-​fattur li jiddetermina—ammont żgħir taʼ ċertu ikel jistaʼ jkun tollerat, iżda tistaʼ ssir problema meta jittieklu ammonti ikbar. Dan hu differenti minn allerġiji gravi għall-​ikel meta anki ammont żgħir taʼ ikel jistaʼ jikkawża reazzjoni li tipperikola l-​ħajja.

Ħalib, bajd, krustaċej, fażola tas-sojja, ħut, karawett, ġewż, u qamħ

X’inhuma s-​sintomi?

Jekk tbati minn allerġija għall-​ikel, jistaʼ jkollok ħakk; raxx; nefħa fil-​gerżuma, l-​għajnejn jew l-​ilsien; dardir; rimettar; jew dijarea. U f’każ agħar li jistaʼ jiġri, tistaʼ titbaxxielek il-​pressjoni tad-​demm, stordament, ħass ħażin, u anki attakk tal-​qalb. Reazzjoni anafilattika, bħal xi waħda minn dawk li semmejna, tistaʼ tiggrava malajr u tkun fatali.

Aktarx, kwalunkwe ikel jistaʼ jikkawża allerġija. Madankollu, l-​iktar allerġiji gravi għall-​ikel ħafna drabi huma kkaġunati minn ftit tipi t’ikel li huma: il-​ħalib, il-​bajd, il-​ħut, il-​krustaċej, il-​karawett, il-​fażola tas-​sojja, il-​ġewż, u l-​qamħ. Persuna tistaʼ tiżviluppa allerġija fi kwalunkwe età. Studji juru li l-​ġenetika għandha rwol importanti, u hemm iktar ċans li tifel jiżviluppa allerġija jekk ġenitur wieħed jew it-​tnejn ikollhom l-​allerġiji. Huwa komuni li t-​tfal ma jibqgħux ibatu bl-​allerġiji meta jikbru.

Sintomi taʼ intolleranza għall-​ikel huma ġeneralment inqas allarmanti minn dawk taʼ reazzjonijiet estremi t’allerġija. L-​intolleranza għall-​ikel tistaʼ tikkawża wġigħ fl-​istonku, okkupazzjoni, gass, bugħawwieġ, uġigħ taʼ ras, raxx fil-​ġilda, għeja, jew telqa mal-​ġisem kollu. Intolleranza tistaʼ tkun relatata maʼ varjetà t’ikel—prodotti tal-​ħalib, qamħ, glutina, alkoħol, u ħmira huma fost l-​iktar komuni.

Dijanjosi u kura

Jekk taħseb li għandek mnejn tbati minn allerġija jew intolleranza għall-​ikel, forsi tiddeċiedi li tmur tagħmel viżta għand speċjalista tas-​saħħa. Li tkun tabib tiegħek innifsek u b’mod indipendenti tiddeċiedi li telimina ċertu ikel kultant jistaʼ jkun taʼ ħsara, għax tistaʼ bla ma tkun taf iċċaħħad lill-​ġisem minn nutrimenti neċessarji.

M’hemmx trattament magħruf aċċettat għall-​allerġiji gravi għall-​ikel ħlief li jiġi evitat għalkollox l-​ikel partikulari li jikkaġuna l-​allerġija.a Mill-​banda l-​oħra, jekk l-​allerġiji għall-​ikel jew l-​intolleranza għall-​ikel li għandek mhumiex gravi, għandek mnejn tara xi benefiċċji milli sempliċiment tiekol inqas spiss minn ċertu ikel u tnaqqas l-​ammont tiegħu. F’xi każi, madankollu dawk li jbatu b’dawn l-​affarijiet għandhom jeliminaw l-​ikel partikulari għalkollox, jew almenu għal ċertu żmien, jiddependi minn kemm hi severa l-​intolleranza.

Għalhekk jekk għandek xi allerġija għall-​ikel jew intolleranza għall-​ikel, għandek mnejn tħossok aħjar meta tkun taf li ħafna li jbatu bl-​allerġiji u bl-​intolleranzi tgħallmu jkampaw mal-​kundizzjoni tagħhom waqt li xorta jgawdu varjetà kbira t’ikel nutrittiv u delizzjuż.

a Ħafna drabi huwa rikkmandat li dawk li jbatu minn allerġiji gravi jġorru l-​adrenalina magħhom, li tistaʼ tiġi injettata mill-​persuna stess f’każ t’emerġenza. Xi speċjalisti tas-​saħħa jissuġġerixxu li tfal b’allerġiji jġorru magħhom jew jilbsu indikazzjoni viżibbli li tistaʼ tavża lill-​għalliema jew lil dawk li jieħdu ħsiebhom bil-​kundizzjoni tagħhom.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja