LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 4/8 pp. 25-27
  • Xi Tfisser l-Intolleranza għal-Lattosju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Xi Tfisser l-Intolleranza għal-Lattosju
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Hija Din Xi Allerġija?
  • L-​Effett fuq it-​Tfal Żgħar
  • Kemm Hija Serja l-​Intolleranza għal-​Lattosju?
  • Allerġija għall-ikel u intolleranza għall-ikel—X’inhi d-differenza?
    Stenbaħ!—2016
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2005
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2004
  • Bilanċ Xieraq Jistaʼ Jagħti Ħlewwa Lil Ħajtek
    Stenbaħ!—1997
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 4/8 pp. 25-27

Xi Tfisser l-​Intolleranza għal-​Lattosju

GĦADDIET kważi siegħa minn x’ħin kilt il-​ġelat jew il-​ġobon favorit tiegħek. Qed tħoss l-​istonku iebes u rritat, u għandek il-​gass. Għal darb’oħra tieħu ftit mill-​mediċina li sirt tixtri dan l-​aħħar biex tikseb ftit serħan. Minn moħħok tgħaddilek il-​mistoqsija, ‘Għala għandi l-​istonku daqshekk sensittiv?’

Jekk tbati minn dardir, uġigħ fl-​istonku, okkupazzjoni, gass, jew dijarea wara li tixrob il-​ħalib jew tiekol prodotti tal-​ħalib, jistaʼ jkun li int intolleranti għal-​lattosju. L-​intolleranza għal-​lattosju hija reazzjoni komuni għall-​prodotti tal-​ħalib. L-​Istitut Nazzjonali tad-​Dijabete u tal-​Mard Diġestiv u tal-​Kliewi jirrapporta li “bejn 30 u 50 miljun Amerikan huma intolleranti għal-​lattosju.” Skond il-​ktieb The Sensitive Gut, pubblikat mill-​Iskola Medika taʼ Harvard, ġie kalkulat li “sa 70 fil-​mija mill-​popolazzjoni tad-​dinja jbatu minn xi tip taʼ problema minħabba l-​lattosju.” Allura, x’inhi l-​intolleranza għal-​lattosju?

Il-lattosju huwa z-​zokkor li jinsab fil-​ħalib. Il-​musrana l-​irqiqa tipproduċi enzima li tissejjaħ lactase. Xogħolha huwa li tifred il-​lattosju f’żewġ tipi taʼ zokkor iktar sempliċi li jissejħu glukosju u galaktosju. Dan jippermetti li l-​glukosju jidħol fis-​sistema tad-​demm. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed lactase biex dan isir, il-​lattosju mhux maħdum jgħaddi għal ġol-​musrana l-​ħoxna u jibda jiffermenta u jipproduċi aċidi u gassijiet.

Din il-​kundizzjoni, li tissejjaħ intolleranza għal-​lattosju, tipproduċi xi ftit mis-​sintomi jew is-​sintomi kollha li ssemmew fil-​bidu. Matul l-​ewwel sentejn taʼ ħajja, il-​ġisem jipproduċi kwantitajiet kbar taʼ lactase imma mbagħad jibda jnaqqas mill-​produzzjoni b’rata stabbli. Għaldaqstant, ħafna nies jistgħu jiżviluppaw din il-​kundizzjoni u lanqas biss jindunaw.

Hija Din Xi Allerġija?

Xi wħud jikkonkludu li huma allerġiċi għall-​ħalib minħabba l-​effetti li jħossu malli jikkonsmaw xi prodott tal-​ħalib. Allura din xi tkun, allerġijaa jew intolleranza? Skond xi speċjalisti taʼ l-​allerġiji, l-​allerġiji ġenwini mill-​ikel huma rari, u minn 1 sa 2 fil-​mija biss mill-​popolazzjoni ġenerali jiġu effettwati. Fit-​tfal, dan l-​ammont huwa ogħla imma ma jaqbiżx it-​8 fil-​mija. Għalkemm is-​sintomi t’allerġija u taʼ intolleranza għal-​lattosju jistgħu jkunu simili, hemm differenza bejniethom.

Is-sintomi t’allerġija mill-​ikel huma riżultat tad-​difiża​—istamina​—li tipprovdi s-​sistema taʼ l-​immunità fil-​ġisem kontra xi ħaġa li tkun kilt jew xrobt. Xi sintomi jinvolvu nefħa fix-​xofftejn jew il-​ħalq, urtikarja (raxx), jew ażżma. L-​intolleranza għal-​lattosju ma tikkaġunax dawn is-​sintomi għax is-​sistema taʼ l-​immunità ma tiġix effettwata. Fil-​każ taʼ l-​intolleranza għal-​lattosju, li jiġri hu li l-ġisem ma jkunx kapaċi jiddiġerixxi sew ċertu tip taʼ ikel, u għalhekk ikun hemm reazzjoni.

X’jistaʼ jgħinek tagħraf id-​differenza? Il-​ktieb The Sensitive Gut iwieġeb: “Reazzjonijiet allerġiċi ġenwini . . . iseħħu wara ftit minuti li tkun kilt xi ikel li ma jaqbilx miegħek. Sintomi li jidhru iktar minn siegħa wara wisq probabbli jindikaw intolleranza.”

L-​Effett fuq it-​Tfal Żgħar

Meta t-​trabi jew it-​tfal żgħar ibatu minn xi reazzjoni meta jixorbu l-​ħalib, dan jistaʼ jkun taʼ dwejjaq kemm għat-​tfal u kemm għall-​ġenituri. Jekk it-​tfal taqbadhom id-​dijarea jistgħu jinxfu mill-​ilma. Forsi jkun għaqli li l-​ġenituri jfittxu l-​parir taʼ tabib tat-​tfal. Meta tinstab xi intolleranza, ċerti tobba jirrikkmandaw li tittieħed xi ħaġa oħra minfloku. Meta għamlu dan, ħafna wħud taffew is-​sintomi taʼ dwejjaq li kien ikollhom.

Fil-każ t’allerġija, is-​sitwazzjoni hija iktar serja. Xi tobba jipprovdu l-​anti-istamina. Madankollu, jekk il-​pazjent ma jkunx jistaʼ jieħu nifs sewwa, it-​tabib irid jagħmel iktar minn hekk biex itaffi s-​sitwazzjoni. F’każijiet rari, tistaʼ sseħħ anafilassi, kundizzjoni serja ħafna li tistaʼ tkun fatali.

Jekk it-​tfal jibdew jirremettu, problema oħra hija kundizzjoni rari msejħa galactosemia. Bħalma diġà ntqal, il-​galaktosju jiġi mifrud mil-​lattosju permezz tal-​lactase, imma l-​galaktosju jrid jinbidel fi glukosju. Jekk jinġemaʼ ħafna galaktosju, ir-​riżultat jistaʼ jkun ħsara gravi fil-​fwied, difetti fil-​kliewi, ritardazzjoni mentali, nuqqas taʼ zokkor fid-​demm (ipoglikimja), u anki katarretti. Għaldaqstant, huwa vitali li l-​lattosju jitneħħa mid-​dieta tat-​tfal kmieni u għalkollox.

Kemm Hija Serja l-​Intolleranza għal-​Lattosju?

Mara żagħżugħa kienet ilha żmien twil tbati b’mod kroniku bil-​gass u ġbid u wġigħ fl-​istonku. Tant marret għall-​agħar li kellha tieħu kura medika. Wara serje taʼ testijiet, sabu li kellha marda li tikkaġuna infjammazzjoni fil-​bużżieqa taʼ l-​awrina (inflammatory bowel disease [IBD]).b Hi ngħatat xi mediċina biex tikkontrolla din il-​marda. Madankollu, hi ma neħħietx il-​prodotti tal-​ħalib mid-​dieta taʼ kuljum, allura s-​sintomi baqgħu hemm. Wara li għamlet riċerka persunali, hi rrealizzat li l-​kaġun tal-​problema setaʼ kien l-​ikel fid-​dieta tagħha, u għalhekk bdiet tevita ċertu ikel wieħed wieħed. Eventwalment, hi waqfet tieħu l-​prodotti tal-​ħalib, u s-​sintomi bdew jgħibu! Fi żmien sena​—u wara li għamlet iktar testijiet—it-​tabib qalilha li ma kellhiex il-​marda li kienu ħasbu. Hi kienet intolleranti għal-​lattosju. Tistaʼ timmaġina kif ħadet ir-​ruħ!

Sa llum, ma teżisti ebda kura li tistaʼ tqanqal il-​produzzjoni tal-​lactase fil-​ġisem uman. Madankollu, l-​intolleranza għal-​lattosju ma nstabitx li hija taʼ periklu għall-​ħajja. Għaldaqstant, x’tistaʼ tagħmel biex tkampa mas-​sintomi taʼ l-​intolleranza għal-​lattosju?

Xi wħud esperimentaw biex jaraw x’inhu tajjeb u ħażin għalihom, u b’hekk skoprew kemm jistgħu jittolleraw ammonti taʼ prodotti tal-​ħalib. Jekk toqgħod attent kemm qed tieħu prodotti tal-​ħalib u kif ġismek jirreaġixxi għal dak l-​ammont, int tistaʼ tiddetermina kemm tiflaħ tiddiġerixxi.

Xi wħud għażlu li jaqtgħu għalkollox il-​prodotti tal-​ħalib. Permezz taʼ riċerka persunali jew pariri minn espert tad-​dieta, xi wħud sabu modi oħra kif jieħdu l-​kalċju li jeħtieġu. Ċerti ħxejjex ħodor u xi tip taʼ ħut u lewż fihom ħafna kalċju.

Min jixtieq ikompli jgawdi l-​prodotti tal-​ħalib jistaʼ jsib jixtri prodotti f’għamla taʼ pilloli jew likwidu li jistgħu jgħinuh. Dawn il-​prodotti fihom il-​lactase u jittieħdu biex jgħinu lill-​imsaren iħaddmu l-​lattosju. Jekk individwu jiħodhom ikun jistaʼ jevita s-​sintomi konnessi maʼ l-​intolleranza għal-​lattosju.

Fid-dinja taʼ llum, huwa taʼ sfida li tieħu ħsieb saħħtek. Imma grazzi għar-​riċerka medika u għall-​ħila li ġisimna għandu biex jirkupra, aħna nistgħu nkampaw sakemm jasal iż-​żmien meta “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’”​—Isaija 33:24; Salm 139:14.

[Noti taʼ taħt]

a Tissejjaħ ukoll sensittività eċċessiva (hypersensitivity).

b Hemm żewġ tipi taʼ mard li jikkaġuna l-​infjammazzjoni fil-​bużżieqa taʼ l-​awrina​—il-​marda taʼ Crohn u l-​kolite li tikkaġuna l-​ulċeri. Dan il-​mard serju ħafna jistaʼ jwassal għal operazzjoni biex titneħħa parti mill-​imsaren. Il-​komplikazzjonijiet li jqumu minn dan il-​mard jistgħu jkunu fatali.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 26]

DAWN UKOLL JISTAʼ JKOLLHOM IL-​LATTOSJU:

◼ Ħobż u prodotti tal-​ħobż

◼ Kejkijiet u gallettini

◼ Ħelu

◼ Patata maxx tal-​pakkett

◼ Marġerina

◼ Ħafna mediċini bir-​riċetta tat-​tabib

◼ Mediċini mingħajr riċetta tat-​tabib

◼ Taħlita lesta u f’għamla taʼ trab għall-​pancakes u l-​gallettini

◼ Ċereali proċessati għall-​kolazzjon

◼ Kondiment għal maʼ l-​insalata

◼ Laħam proċessat

◼ Sopop

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja