X’Qed Nagħmlulu l-Ikel Tagħna?
LI JSIR tibdil lill-ikel tagħna m’hijiex xi aħbar ġdida. Fil-fatt, għall-ġenerazzjonijiet sħaħ il-bniedem tgħallem ibiddel l-ikel b’sengħa kbira. Metodi taʼ tnissil bir-reqqa rriżultaw f’ħafna varjetajiet ġodda taʼ wċuħ tar-rabaʼ, bhejjem, u nagħaġ. Fil-fatt, rappreżentant taʼ l-Amministrazzjoni taʼ l-Ikel u l-Mediċina fl-Istati Uniti stqarr li “kważi kull ikel li tixtri ġie mibdul bi tnissil tradizzjonali.”
It-tnissil m’huwiex l-uniku mod li bih l-ikel jiġi mibdul. L-industrija taʼ l-ikel żviluppat ħafna proċeduri biex tbiddel u tipproċessa l-ikel, kemm biex iżżid it-togħma jew il-kulur tiegħu u kemm biex tagħmlu fi qbil mal-livell taʼ kwalità u tippreservah. In-nies huma mdorrijin jieklu ikel li jkun ġie mibdul b’xi mod jew ieħor.
Imma numru akbar taʼ konsumaturi huma mbeżżgħin dwar dak li qed isir lill-ikel tagħna. Għala? Xi wħud jibżgħu li l-metodi moderni li qed jintużaw bħalissa huma iktar taʼ periklu għall-ikel. Huwa raġunevoli dan il-biżaʼ? Ejja neżaminaw tliet oqsma li jqanqlu tħassib.a
Ormoni u Antibijotiċi
Sa mill-1950 ’l hawn, f’xi pajjiżi ġew miżjuda xi dożi żgħar taʼ antibijotiċi fl-għalf tat-tjur, tal-ħnieżer, u taʼ bhejjem oħra. L-iskop hu biex inaqqsu r-riskju taʼ mard, speċjalment fejn l-annimali jinżammu flimkien fid-djuq. F’xi pajjiżi jiġu miżjuda wkoll ormoni fl-għalf taʼ l-annimali biex jikbru iktar malajr. Jintqal li l-ormoni u l-antibijotiċi jipproteġu lill-annimali kontra l-infezzjoni u li jagħmlu t-trobbija tagħhom waħda li trendi profitt akbar, bi gwadann għall-konsumatur għax il-prezzijiet ikunu orħos.
S’issa kollox sew. Imma għandu xi riskju għall-konsumatur il-laħam mill-annimali li jiġu mitmugħin dawn l-addittivi jew sustanzi miżjudin? Rapport mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-Komunitajiet Ewropej ikkonkluda li hemm ċans li l-batterji ma jinqerdux mill-antibijotiċi u jiġu trasmessi lill-konsumatur. “Xi ftit minn dawn il-batterji, bħas-Salmonella u l-Campylobacter, jistgħu jkunu kaġun dirett taʼ mard serju fil-bniedem minħabba l-ikel li jieklu dawn l-annimali,” sab ir-rapport. Barra minn hekk, xi ngħidu jekk l-ikel li jieklu dawn l-annimali ma jkunx fih il-batterji biss imma xi fdal taʼ xi antibijotiċi wkoll? Inħoloq biżaʼ li bħala riżultat taʼ dan, il-mikrobi li jikkaġunaw il-mard fil-bniedem jistgħu bil-mod il-mod jiżviluppaw reżistenza għall-antibijotiċi.
Xi ngħidu dwar il-laħam li jkun fih l-ormoni? Professur fi Munich, il-Ġermanja, Dr. Heinrich Karg, jikkummenta: “L-esperti kollha jaqblu li l-laħam taʼ l-annimali li jingħataw l-ormoni m’huwiex taʼ ħsara għas-saħħa, sakemm [l-ormoni] jingħataw fi qbil mal-linji taʼ gwida.” Madankollu, il-gazzetta Die Woche tirrapporta li dwar il-kwistjoni jekk il-laħam mill-annimali mitmugħin l-ormoni huwiex mingħajr periklu, “għal dawn l-aħħar 15-il sena, ir-riċerkaturi ma setgħux jaqblu u jaslu għal fehma komuni.” U fi Franza l-mistoqsija dwar l-ormoni fil-laħam ġiet imwieġba b’sodizza ‘Le! M’għandhomx jintużaw l-ormoni!’ B’mod ċar, il-kontroversja żgur li għadha ma ġietx solvuta.
Il-Proċess bir-Radjazzjoni
Minn mindu bdew l-esperimenti fl-Isvezja fl-1916, għallinqas 39 pajjiż approvaw il-prattika li jesponu prodotti taʼ l-ikel bħall-patata, il-qamħirrum, il-frott, u l-laħam għal livelli baxxi taʼ radjazzjoni. Għala? Jintqal li l-proċess bir-radjazzjoni joqtol il-biċċa l-kbira tal-batterji, insetti, u parassiti, u b’hekk inaqqas ir-riskju tal-konsumatur li jieħu xi mard mill-ikel. B’dan il-metodu l-prodott jibqaʼ tajjeb avolja jkun ilu tul taʼ żmien maħżun.
M’għandniex xi ngħidu, l-esperti jgħidu li l-aħjar ħaġa hi li l-ikel li nieklu għandu jkun nadif u frisk. Imma min joqgħod jieħu l-ħin biex jipprepara l-ikel frisk regolarment? “Għaxar minuti għall-kolazzjon u kwarta għall-ikel taʼ nofs in-nhar u taʼ fil-għaxija” huwa, skond ir-rivista Test, it-tul taʼ ħin li bejn wieħed u ieħor persuna tqattaʼ għall-ikliet. Mela, m’għandniex għalfejn nistagħġbu li ħafna konsumaturi jippreferu l-ikel li jkun diġà preparat u li jistaʼ jinħażen għal tul taʼ żmien. Imma huwa l-ikel li jgħaddi mill-proċess bir-radjazzjoni mingħajr periklu?
Fl-1999, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ppubblikat studju li sar minn diversi esperti internazzjonali. Huma kkonkludew li l-ikel li jgħaddi mill-proċess bir-radjazzjoni “huwa mingħajr periklu biex tieklu kif ukoll għandu biżżejjed nutriment.” Dawk li jaqblu maʼ dan iqabblu l-proċess bir-radjazzjoni li jsir fuq l-ikel maʼ li wieħed jisterilizza l-faxex mediċi—proċess li jsir ukoll bir-radjazzjoni—jew mal-bagalji li jiġu ċekkjati permezz t’apparat elettroniku fl-ajruport. Madankollu, il-kritiċi jinsistu li l-proċess bir-radjazzjoni jnaqqas in-nutriment naturali taʼ l-ikel u jistaʼ jinvolvi riskji li għadhom m’humiex magħrufin.
Ikel Mibdul Ġenetikament
Il-ġenetisti rnexxielhom għal xi żmien jittrasferixxu ġene mid-DNA taʼ organiżmu għal ġo DNA taʼ ieħor taʼ l-istess speċi. Madankollu, illum il-ġenetisti jistgħu jmorru ferm ’il bogħod minn hekk. Per eżempju, hemm frawli u tadam li ġew mibdulin b’ġene meħud minn ħuta, biex b’hekk jintgħamlu inqas sensittivi għat-temperaturi baxxi.
Intqal ħafna dwar l-ikel mibdul ġenetikament, kemm favur u kemm kontra.b Dawk li huma favur dan it-tip taʼ bijoteknoloġija qalu li dan huwa iktar taʼ min joqgħod fuqu u jistaʼ jiġi kontrollat iktar mill-metodi tradizzjonali tat-tnissil tal-pjanti, u qalu wkoll li se jżid l-uċuħ tar-rabaʼ u jnaqqas il-ġuħ taʼ l-umanità. Imma tistaʼ l-ikel mibdul ġenetikament tieklu mingħajr periklu taʼ xejn?
Ġie preparat rapport dwar dan is-suġġett minn tim taʼ xjenzati li jirrappreżentaw l-akkademji fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti kif ukoll fil-Brażil, fiċ-Ċina, fl-Indja, fil-Messiku, u fi ġnus oħra tad-dinja li qed tiżviluppa. Ir-rapport, pubblikat f’Lulju tas-sena 2000, stqarr: “S’issa, ġew imkabbrin ’il fuq minn 30 miljun ettaru [300,000 kilometru kwadru] taʼ wċuħ tar-rabaʼ trasġeniċi [mibdulin ġenetikament] u ma ġiet identifikata l-ebda problema fis-saħħa tal-bniedem assoċjata speċifikament [mal-fatt li wieħed ikun kiel] uċuħ tar-rabaʼ trasġeniċi jew il-prodotti tagħhom.” F’xi reġjuni l-prodotti mibdulin ġenetikament huma kunsidrati li huma mingħajr periklu l-istess bħall-ikel tas-soltu.
Iżda, f’postijiet oħra ħafna nies għadhom m’humiex ċerti dwar dan. Fl-Awstrija, fil-Britannja, u fi Franza, xi wħud huma suspettużi dwar l-ikel mibdul ġenetikament. Politikant Olandiż qal dwar l-ikel mibdul ġenetikament: “Hemm ċerti tipi taʼ ikel li sempliċement ma nħobbuhomx.” Dawk li jikkritikaw ikel bħal dan jippontaw ukoll lejn kwistjonijiet morali u lejn il-perikli li jistaʼ jkun hemm għall-ambjent.
Xi xjenzati jħossu li dan l-ikel mibdul ġenetikament għadu qed jiżviluppa u li għandhom isiru iktar testijiet dwar ir-riskji li jistaʼ jkun hemm għall-konsumaturi. Per eżempju, l-Assoċjazzjoni Medika Britannika tħoss li l-inġinerija ġenetika twiegħed benefiċċji kbar għall-popolazzjoni umana. Madankollu, din tistqarr li “hemm bżonn taʼ iktar riċerki” f’xi oqsma li jqanqlu tħassib—bħall-kwistjoni dwar ir-reazzjonijiet t’allerġija għall-ikel mibdul ġenetikament.
Kif Nagħmlu Għażliet Persunali Bilanċjati
F’xi pajjiżi, daqs 80 fil-mija taʼ l-ikel li jittiekel huwa proċessat. Taʼ spiss jintużaw addittivi biex iġibu t-togħma u l-kulur fl-istess livell jew biex jagħmluhom iktar qawwijin, kif ukoll biex itawlu ż-żmien li l-prodott jibqaʼ tajjeb avolja jkun ilu tul taʼ żmien maħżun. Fil-fatt, xogħol taʼ referenza jinnota li ħafna prodotti moderni, bħall-ikel bi ftit kaloriji, ikel f’porzjonijiet żgħar, u ikel li ma jridx żmien twil biex jiġi preparat, ma jistax jeżisti mingħajr l-addittivi. Ikel bħal dan x’aktarx li jkun fih ukoll ingredjenti mibdulin ġenetikament.
Għal snin sħaħ, l-agrikultura mad-dinja kollha ilha tiddependi minn prattiċi normali li ħafna nies iqisuhom taʼ ħsara. L-użu tal-pestiċidi tossiċi huwa eżempju minnhom. Iktar minn hekk, l-industrija taʼ l-ikel ilha xi ftit tuża l-addittivi li setgħu kkaġunaw reazzjonijiet t’allerġija lil xi konsumaturi. Huma t-teknoloġiji ġodda taʼ l-ikel ħafna iktar taʼ periklu minn dawn il-prattiċi? Saħansitra l-esperti ma jaqblux. Fil-fatt, diversi rapporti xjentifiċi importanti jagħtu appoġġ kbir liż-żewġ naħat taʼ l-argument u mid-dehra jgħinu iktar biex ikun hemm frid t’opinjoni.
Peress li ħafna nies illum iqisu li hu diffiċli li jevitaw l-ikel bit-teknoloġija moderna jew minħabba li jqisu affarijiet oħrajn bħala iktar urġenti, allura jiddeċiedu li ma jinkwetawx rigward din il-kwistjoni. Iżda hemm oħrajn li huma ferm inkwetati. X’tistgħu tagħmlu jekk int u l-familja tiegħek tħossukom inċerti rigward li tieklu ikel proċessat li jidher li ġie komplikat wisq mit-teknoloġija moderna? Hemm xi passi prattiċi li tistaʼ tagħżel li tieħu, u xi ftit minnhom huma diskussi fl-artiklu li jmiss. Iżda, l-ewwelnett ikun għaqli li nkunu ċerti li għandna ħarsa bilanċjata dwar il-kwistjoni.
Il-kwistjoni taʼ l-ikel mingħajr periklu hija bħas-saħħa. Bħalissa m’hemm l-ebda mod kif nilħqu l-perfezzjoni. Skond ir-rivista Ġermaniża natur & kosmos, saħansitra fost in-nies li huma magħrufin li joqogħdu attenti ferm fl-għażla u l-preparazzjoni taʼ l-ikel, huwa dejjem diffiċli li jiksbu bilanċ perfett fin-nutriment. Dak li jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għal wieħed jistaʼ jkun taʼ ħsara għal ħaddieħor. Mela, m’huwiex iktar għaqli li nikkultivaw attitudni bilanċjata u nevitaw l-estremi?
M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja ma tgħidilniex liema deċiżjoni rridu nieħdu rigward l-ikel bit-teknoloġija moderna taʼ llum. Imma tgħallimna dwar kwalità li għandna nikkultivaw biex tgħinna f’din il-kwistjoni. Filippin 4:5 jgħid: “Il-ħlewwa [“raġunevolezza,” NW] tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha.” Ir-raġunevolezza tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjonijiet bilanċjati u nevitaw l-estremi. Tistaʼ żżommna lura milli nikkmandaw lil oħrajn x’għandhom jew x’m’għandhomx jagħmlu dwar il-kwistjoni. U tistaʼ żżommna milli jkollna dibattiti bla skop u li jifirdu maʼ dawk li jaħsbuha b’mod differenti minna dwar is-suġġett.
Iżda, irridu nammettu li ħafna mir-riskji li għandhom x’jaqsmu maʼ l-ikel m’humiex daqshekk kontroversjali. X’inhuma xi ftit minn dawn, u liema prekawzjonijiet tistaʼ tieħu biex tipproteġi lilek innifsek u lill-familja tiegħek mill-periklu?
[Noti taʼ taħt]
a Fil-biċċa l-kbira, dak li nieklu huwa kwistjoni taʼ preferenza persunali. Stenbaħ! ma jirrikkmandax lil dak li jkun biex jiekol jew jevita xi wieħed mid-diversi tipi taʼ ikel diskussi hawnhekk, minkejja t-teknoloġiji użati fil-preparazzjoni tagħhom. Dawn l-artikli huma magħmulin biex jinformaw lill-qarrejja dwar il-fatti kif inhuma magħrufin bħalissa.
b Jekk jogħġbok ara l-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Mejju, 2000.
[Stampa f’paġna 4]
Huwa l-konsumatur effettwat mill-ormoni u l-antibijotiċi li jiġu mitmugħin lill-bhejjem?
[Stampa f’paġna 6]
Huwa għaqli li taqra bir-reqqa t-tabelli li jkun hemm fuq il-prodotti taʼ l-ikel
[Stampa f’paġna 7]
Hemm vantaġġi meta wieħed jikseb ikel frisk regolarment