Kemm Huwa Mingħajr Periklu l-Ikel Tiegħek?
TIEKOL tliet ikliet kuljum? Jekk iva, sakemm ikollok 70 sena, int tkun kilt iktar minn 75,000 ikla. Għal xi Ewropew tipiku, dan ikun ifisser li jiekol—fost affarijiet oħra—xi 10,000 bajda, 5,000 ħobża, 100 xkora patata, 3 baqriet, u 2 nagħġiet. Insibuha diffiċli li nieklu dan l-ikel kollu? ’Il bogħod minn hekk! Kemm nieħdu pjaċir meta nisimgħu l-espressjonijiet bħal “l-ikla t-tajba” jew “buon appetito” jew “bon appétit”! Kap taʼ skola tat-tisjir saħansitra qalet: “L-ikel huwa l-essenza tal-ħajja.”
Fil-biċċa l-kbira, aħna forsi għandna t-tendenza li ninjoraw il-fatt li l-ikel li nieklu jkun bnin u sustanzjuż. Imma jekk sempliċement ikla minn dawk il-75,000 ikollha xi ħaġa li tagħmel il-ħsara, nistgħu nimirdu serjament. Nistgħu nkunu żguri li dak li qed nieklu huwa mingħajr periklu? F’dan iż-żmien, mid-dehra hemm iktar u iktar nies li qed jiddubitaw dan. F’xi pajjiżi, ħafna saru jitħassbu jekk l-ikel huwiex mingħajr periklu. Għala?
Kaġuni għal Dan it-Tħassib
Kull sena, il-mard mill-ikel jeffettwa lil madwar 15 fil-mija tal-popolazzjoni fl-Ewropa. Per eżempju, kmieni fis-snin 80 tas-seklu l-ieħor, żejt tat-tisjir tossiku fi Spanja qatel madwar 1,000 ruħ u lil xi 20,000 oħra marradhom serjament. Fl-1999, il-popolazzjoni fil-Belġju baqgħet ixxokkjata meta ġie rapportat li affarijiet bħal bajd, tjur, ġobon, u butir x’aktarx kienu kontaminati minn velenu msejjaħ dioxin. Iktar reċenti, il-konsumaturi Britanniċi xxokkjaw ruħhom meta l-bhejjem, bħall-baqar, spiċċaw infettati bil-mad cow disease (bovine spongiform encephalopathy). Fil-fatt, l-industrija taċ-ċanga fil-Britannja ġiet rovinata. Imbagħad kien hemm it-tixrid tal-marda taʼ l-ilsien u d-dwiefer, li minħabba fiha kellhom jinqatlu u jintremew miljuni taʼ baqar, nagħaġ, ħnieżer, u mogħoż.
Għalkemm dawn ir-riskji huma serji, hemm fatturi oħrajn rigward l-ikel li qed jinkwetaw lin-nies. Il-konsumaturi huma mħassbin dwar il-metodi ġodda li issa qed jintużaw fit-tkabbir u l-proċess tal-prodotti taʼ l-ikel. Il-Kummissjoni Ewropea kitbet fl-1998: “It-teknoloġiji ġodda [bħall-proċess bir-radjazzjoni] u l-inġinerija ġenetika tal-prodotti taʼ l-ikel ħolqu ħafna kontroversji.” Dawn il-metodi xjentifiċi moderni jtejbuh l-ikel tagħna jew jikkontaminawh? U x’nistgħu nagħmlu aħna biex innaqqsu l-periklu taʼ l-ikel tagħna stess?