Ikel Mibdul Ġenetikament—Huwa Dan Perikoluż Għalik?
SKOND f’liema pajjiż tgħix, għandek mnejn li jew mal-kolazzjon, jew maʼ l-ikla taʼ nofsinhar jew maʼ dik taʼ fil-għaxija ġieli kilt xi ikel mibdul ġenetikament.a Setgħet kienet xi patata li għamluha tiflaħ għall-insetti, jew xi tadam li jibqaʼ sabiħ anki wara li jkun ilu li nqataʼ. Kien x’kien, dan l-ikel jew ingredjent għandu mnejn ma deherx fuq it-tikketta, u forsi meta doqtu ma ndunajtx li kien differenti minn dak naturali.
Saħansitra waqt li qed taqra dan l-artiklu, dawn il-prodotti mibdulin ġenetikament, bħas-soja, il-qamħirrum, iż-żerriegħa tal-kolza (rapeseed), u l-patata qed jiġu mkabbrin fl-Arġentina, fil-Brażil, fiċ-Ċina, fl-Istati Uniti, fil-Kanada, u fil-Messiku. Ċertu rapport spjega li “sa l-1998, 25 fil-mija tal-qamħirrum, 38 fil-mija tas-soja, u 45 fil-mija tal-qoton li jiġu mkabbrin fl-Istati Uniti kienu mibdulin ġenetikament, jew biex dawn il-prodotti ma jmutux bil-bexx jew inkella biex jipproduċu l-pestiċidi minnhom infushom.” Skond kalkolu li sar, sat-tmiem taʼ l-1999, kien hemm iktar minn 400 elf miljun metru kwadru mimlijin bi prodotti mibdulin ġenetikament li kienu qed jiġu kultivati mad-dinja kollha b’mod kummerċjali, għalkemm mhux kollha kienu prodotti taʼ l-ikel.
Huwa perikoluż li tiekol ikel mibdul ġenetikament? Huma l-metodi xjentifiċi wżati biex jintgħamlu dawn il-prodotti taʼ xi periklu għall-ambjent? Fl-Ewropa l-argument dwar l-ikel mibdul ġenetikament qiegħed jisħon. Wieħed minn dawk li qed jipprotestaw fl-Ingilterra qal: “Jien noġġezzjona biss għall-ikel mibdul ġenetikament minħabba li dan huwa perikoluż, ħadd ma jridu, u m’huwiex bżonnjuż.”
L-Ikel Kif Jinbidel Ġenetikament?
Ix-xjenza li tibdel l-ikel ġenetikament tissejjaħ il-bijoteknoloġija taʼ l-ikel. Il-bijoteknoloġija taʼ l-ikel hija meta tintuża l-ġenetika moderna biex isir titjib fil-pjanti, fl-annimali, u fil-forom taʼ ħajja l-iktar żgħar għall-produzzjoni taʼ l-ikel. M’għandniex xi ngħidu, l-idea li jsiru esperimenti b’affarijiet ħajjin kważi għandha żmien daqs kemm għandha żmien il-biedja. Nistgħu ngħidu li l-ewwel bidwi li għammar l-aħjar barri maʼ l-aħjar baqra mill-merħla tiegħu biex ikollu bhejjem taʼ l-aqwa kwalità, minflok ma ħalliehom jitgħammru waħedhom, kien qed juża l-bijoteknoloġija fil-forma bikrija tagħha. Bl-istess mod, l-ewwel furnar li uża l-proteini tal-ħmira biex il-ħobż jogħla kien qed juża xi ħaġa ħajja biex jipproduċi prodott aqwa. Dawn il-metodi tradizzjonali kienu jixbhu lil xulxin għax fihom kienu jintużaw proċessi naturali biex isir xi tibdil fl-ikel.
Il-bijoteknoloġija moderna bl-istess mod tuża forom taʼ ħajja biex tipproduċi xi prodotti jew biex tibdilhom. Id-differenza hi li l-bijoteknoloġija moderna ma tużax metodi tradizzjonali imma tippermetti li jsir tibdil dirett u preċiż fil-materjal ġenetiku tal-forom taʼ ħajja. B’dan il-mod, il-ġeni minn forma taʼ ħajja waħda jkunu jistgħu jiddaħħlu f’forma oħra taʼ ħajja li ma jkollha x’taqsam xejn maʼ taʼ l-ewwel. B’hekk, isir taħlit li normalment ma jkunx possibbli b’mezzi tradizzjonali. Dawk li jkabbru l-pjanti issa jistgħu jieħdu xi karatteristiċi minn forom oħrajn taʼ ħajja u jqegħduhom fil-materjal ġenetiku tal-pjanta. Per eżempju, mill-ħut jistgħu jieħdu dik il-karatteristika li tippermettilu li ma jiffriżax fl-ilma kiesaħ, mill-viruses jistgħu jieħdu l-karatteristika li tirreżisti l-mard, u mill-batterja tal-ħamrija jistgħu jieħdu l-karatteristika li tiflaħ għall-insetti.
Ejja ngħidu li bidwi ma jridx li l-patata jew it-tuffieħ tiegħu jsiru kannella kulfejn ikun hemm xi qasma jew selħa. Dawk li jagħmlu r-riċerki jgħinuh jagħmel dan, billi jneħħu l-ġene li jġiegħel lil dawn il-prodotti jsiru kannella, u minfloku jqegħdu verżjoni oħra mibdula li ma tħallihomx isiru kannella. Jew nagħtu każ li bidwi jixtieq iħawwel il-pitravi iktar kmieni mis-soltu biex ikollu ħsad aħjar. Normalment ma jkunx jistaʼ għax il-pitravi jiffriżaw f’temp kiesaħ. Hawnhekk tidħol il-bijoteknoloġija, fejn fil-pitravi jitpoġġew il-ġeni minn ħut li jiflaħ sew għall-ilma kiesaħ. Dan jirriżulta f’pitravi mibdulin ġenetikament li jkunu jifilħu għal temperaturi baxxi sa 6.5°C taħt iż-żero, iktar mid-doppju tal-kesħa li jkunu jifilħu l-pitravi s-soltu.
Madankollu, dawn il-karatteristiċi li jirriżultaw meta jiġu trasferiti ġeni partikulari biss m’humiex effettivi għalkollox. Hemm iktar xogħol involut biex jinbidlu karatteristiċi iktar komplikati, bħar-rata li l-pjanti jikbru biha jew kemm dawn ikunu jifilħu għan-nuqqas taʼ xita. Ix-xjenza moderna għadha mhix kapaċi tikkontrolla gruppi sħaħ taʼ ġeni. Fuq kollox, ħafna minn dawn il-ġeni lanqas biss għadhom skoprewhom.
Il-Produzzjoni fl-Agrikultura Se Terġaʼ Tieħu Spinta?
Dawk li huma favur il-bijoteknoloġija jħarsu b’ottimiżmu lejn it-tibdil ġenetiku tal-prodotti avolja dan għadu limitat. Huma jgħidu li l-prodotti mibdulin ġenetikament żgur se jerġgħu jżidu l-produzzjoni fl-agrikultura. Kumpanija li hija minn taʼ quddiem fil-bijoteknoloġija qalet li l-inġinerija ġenetika hija għodda li tistaʼ tintuża b’suċċess sabiex jiġi provdut iktar ikel lill-popolazzjoni globali. Din qed tiżdied b’xi 230,000 ruħ kuljum.
Dawn il-prodotti diġà għenu biex jorħos il-prezz tal-produzzjoni taʼ xi ikel. Ix-xitel taʼ l-ikel ġie msaħħaħ b’ġene li jipproduċi pestiċida naturali. Minħabba f’hekk, ma jkunx hemm bżonn li jbexxu ħafna kimiċi velenużi fuq uċuħ kbar tar-rabaʼ. Prodotti li bħalissa għaddejjin minn dan il-proċess taʼ tibdil jinkludu l-fażola u l-qamħ b’livelli ferm ogħla taʼ proteini. Dan se jkun taʼ benefiċċju kbir għall-pajjiżi foqra fid-dinja. Dawn il-pjanti superjuri jistgħu jgħaddu l-ġeni u l-karatteristiċi ġodda tagħhom tant bżonnjużi, lill-ġenerazzjonijiet taʼ warajhom. B’hekk, il-pajjiżi foqra u b’popolazzjoni kbira żżejjed ikollhom ħsad akbar minkejja li r-rabaʼ ma tantx ikun fertili.
Skond il-president taʼ waħda mill-kumpaniji ewlenin tal-bijoteknoloġija, huwa taʼ siwi li titjieb il-ħajja tal-bdiewa madwar id-dinja. Hu qal li huma se jtejbuhielhom billi jużaw il-bijoteknoloġija. Din il-ħaġa se tagħmel dak li l-bdiewa ilhom jagħmlu għal sekli sħaħ bi pjanti sħaħ, imma issa huma se jagħmluh billi jidħlu ġol-molekula u ġol-ġene. Hu żied li se joħolqu prodotti aħjar li jissodisfaw bżonnijiet speċifiċi, u dan se jagħmluh b’ħeffa akbar minn qatt qabel.
Madankollu, skond ix-xjenzati taʼ l-agrikultura, peress li hemm ġenn sħiħ biex tintuża l-inġinerija ġenetika bħala s-soluzzjoni għan-nuqqas taʼ ikel fid-dinja, ir-riċerka li għaddejja bħalissa dwar il-prodotti tar-rabaʼ qed titwarrab fil-ġenb. Għalkemm m’hijiex daqshekk eċċitanti, din ir-riċerka hija iktar effettiva u tistaʼ tkun taʼ benefiċċju wkoll għall-partijiet tad-dinja li huma iktar foqra. “M’għandniex nimxu skond din it-teknoloġija li għadha mhix ċerta, meta hemm ħafna iktar modi effiċjenti kif tissolva din il-problema taʼ l-ikel,” jgħid Hans Herren, espert fil-metodi wżati biex jinqered il-mard fl-uċuħ tar-rabaʼ.
Tħassib Dwar x’Inhu Tajjeb u Ħażin
Xi wħud iħossu li dan it-tibdil ġenetiku fl-uċuħ tar-rabaʼ u f’forom oħra taʼ ħajja, minbarra li jistaʼ jkun perikoluż għas-saħħa u għall-ambjent, jistaʼ jaqlaʼ l-inkwiet dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Douglas Parr, xjenzat u attivista, osserva li bl-inġinerija ġenetika, il-bniedem se jibda jbagħbas fil-pjaneta tagħna, billi jibdel in-natura stess tal-ħajja. Jeremy Rifkin, fil-ktieb tiegħu, innota li malli nkunu nistgħu naqbżu l-limiti kollha li jeżistu fil-bijoloġija, nibdew inqisu lil ċerta speċi sempliċement bħala informazzjoni ġenetika li nistgħu nibdluha kif irridu. Hu jżid li minħabba f’hekk, nibdew naħsbuha differenti għalkollox mhux biss dwar ir-relazzjoni tagħna man-natura, imma wkoll dwar kif nużawha. Il-mistoqsija li qajjem kienet jekk il-ħajja hix prezzjuża minnha nfisha jew hijiex prezzjuża biss minħabba l-użu li għandha. Staqsa wkoll jekk għandniex xi obbligi lejn il-ġenerazzjonijiet fil-futur, u liema responsabbiltà nħossu lejn il-ħlejjaq l-oħra li ngħixu magħhom.—The Biotech Century.
Oħrajn, inkluż il-Prinċep Karlu taʼ l-Ingilterra, jargumentaw li jekk naqbdu l-ġeni taʼ speċi waħda u npoġġuha fi speċi oħra li m’għandha x’taqsam xejn magħha, “inkunu qed nindaħlu f’affarijiet li jappartjenu lil Alla, u lilu biss.” L-istudenti tal-Bibbja jemmnu b’mod sod li Alla hu “l-għajn tal-ħajja.” (Salm 36:10 [36:9, NW]) Madankollu, m’hemm ebda evidenza soda li Alla ma japprovax il-metodi li n-nies jagħżlu biex inisslu l-annimali u l-pjanti. Fuq kollox, dan il-metodu serva biex eluf taʼ miljuni taʼ nies ikunu jistgħu jgħixu fuq il-pjaneta tagħna. Iż-żmien biss se jagħtina parir jekk il-bijoteknoloġija moderna hix taʼ ħsara għall-bnedmin u għall-ambjent. Jekk il-bijoteknoloġija tassew tidħol “f’affarijiet li jappartjenu lil Alla,” allura—minħabba li Alla jħobb u jimpurtah mill-bnedmin—hu jistaʼ jirranġa dawn l-affarijiet mill-ġdid.
[Kaxxa f’paġna 26]
Jistaʼ Jkun Hemm Riżultati Perikolużi?
Il-bijoteknoloġija tant imxiet ’il quddiem b’ħeffa kbira li la l-liġijiet u lanqas l-organizzazzjonijiet governattivi ma jistgħu jlaħħqu magħha. Ir-riċerka li ssir m’hijiex biżżejjed biex jiġu evitati l-konsegwenzi mhux mistennijin. L-uħud li jikkritikaw din il-biċċa tax-xogħol qegħdin dejjem jiżdiedu u dawn iwissu dwar ir-riżultati li jistaʼ jkollna bla ħsieb. Dawn jistgħu jvarjaw minn taħwid kbir fl-ekonomija tal-bdiewa mad-dinja kollha sa qerda taʼ l-ambjent u ħsara kbira lis-saħħa tan-nies. Dawk li jagħmlu ħafna riċerki dwar is-suġġett iwissu li ma sarux testijiet fuq affarijiet biżżejjed u għal tul taʼ żmien biżżejjed biex juru li l-ikel mibdul ġenetikament m’huwiex perikoluż. Huma jiġbdu l-attenzjoni lejn x’jistgħu jkunu r-riżultati perikolużi:
● Allerġija. Ċerti ġeni jipproduċu proteina li tikkaġuna l-allerġiji. Jekk wieħed minn dawn il-ġeni jispiċċa per eżempju fil-qamħ, in-nies li jbatu mill-allerġiji taʼ l-ikel jistgħu jsibu ruħhom f’periklu kbir. Veru li l-aġenziji li jagħmlu r-regoli dwar l-ikel jordnaw lill-kumpaniji biex jirrapportawlhom meta xi ikel li ġie mibdul ikun fih xi proteini li jistgħu jikkaġunaw problema t’allerġija. Minkejja dan, xi riċerkaturi jibżgħu li fit-testijiet jistgħu ma jinqabdux is-sustanzi kollha li jwasslu għall-allerġiji.
● Iżjed sustanzi tossiċi. Xi esperti jemmnu li t-tibdil ġenetiku jistaʼ jagħmel lill-pjanti iktar tossiċi minn kemm huma fil-mod naturali tagħhom. Meta ġene jibda jaħdem fi pjanta, minbarra li jkollu l-effett mixtieq, dan jistaʼ jġiegħel ukoll lill-pjanta tibda tipproduċi sustanzi tossiċi naturali.
● Reżistenza għall-antibijotiċi. Biex jibdlu l-pjanti ġenetikament, ix-xjenzati jużaw l-hekk imsejħa ġeni li jimmarkaw. Dawn jużawhom sabiex jiddeterminaw jekk xi ġene partikulari jkunx irnexxielu jiġi aċċettat mill-pjanta b’suċċess. Peress li l-biċċa l-kbira tal-ġeni li jimmarkaw jipprovdu reżistenza għall-antibijotiċi, il-kritiċi jibżgħu li dan jistaʼ jkabbar il-problema taʼ reżistenza għall-antibijotiċi. Madankollu, xjenzati oħrajn jirribattu dan billi jgħidu li dawn il-ġeni li jimmarkaw jiġu mgerfxin u separati ġenetikament qabel ma jintużaw, u dan inaqqas il-periklu.
● Jiżdied il-ħaxix ħażin. Xi pjanti li jitħawlu jiġu mibdulin ġenetikament biex ma jmutux bl-erbiċidi. Ħafna jibżgħu li dawn il-ġeni jistgħu jidħlu ġol-ħaxix ħażin konness maʼ dawn il-pjanti, jew permezz taż-żerriegħa jew permezz tat-trab tad-dakkir. Jekk jiġri hekk, jibda jinbet ħaxix ħażin speċjali li ma jmutx bl-erbiċidi.
● Ħsara lil forom oħra taʼ ħajja. F’Mejju taʼ l-1999, riċerkaturi mill-Università taʼ Cornell irrapportaw li l-larvi tal-farfett monarka kienu qed jimirdu u jmutu. Dan ġara peress li kienu qed jieklu weraq li kellu fuqu t-trab tad-dakkir taʼ qamħ li ġie mibdul ġenetikament. Filwaqt li xi wħud jiddubitaw kemm dan l-istudju hu taʼ min joqgħod fuqu, xorta jinkwetaw li tistaʼ ssir ħsara mhux apposta lil speċi oħrajn.
● Jispiċċaw il-pestiċidi li ma jagħmlux ħsara. Ċerti prodotti li jiġu mibdulin ġenetikament jirnexxu iktar minn oħrajn. Fosthom hemm ċerti prodotti li jkun fihom ġene li jipproduċi proteina velenuża għall-insetti li jagħmlu l-ħsara. Madankollu, xi bijoloġi jwissu li jekk dawn l-insetti jidraw din is-sustanza velenuża li jipproduċi dan il-ġene, isiru jifilħu għall-pestiċidi u ma jibdew jeffettwawhom xejn.
[Nota taʼ taħt]
a Bl-Ingliż fil-qasir dan l-ikel huwa magħruf bl-ittri GM (genetically modified).