It-tbassir tad-Doomsday Clock mhux se jitwettaq, għax Alla jwiegħed futur mill-isbaħ għall-bniedem u għall-art
SUĠĠETT PRINĊIPALI | HEMM TAMA GĦAL DIN ID-DINJA?
X’tgħid il-Bibbja?
L-ISTAT miżerabbli tad-dinja tal-lum kien ilu mbassar fil-Bibbja minn ħafna sekli qabel. Iktar minn hekk, il-Bibbja qalet bil-quddiem b’mod speċifiku li l-bniedem se jkollu futur mill-isbaħ. Dak li tgħid il-Bibbja m’għandniex inwarrbuh malajr malajr għax ħafna mit-tbassir diġà twettaq sal-iċken dettall.
Pereżempju, ikkunsidra l-profeziji tal-Bibbja li ġejjin:
“Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-ieħor.”—Mattew 24:7.
“Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.”—2 Timotju 3:1-4.
Dawn il-profeziji jiddeskrivu dinja li sejra għall-agħar b’ħeffa kbira. Sa ċertu punt, id-dinja tagħna hi bla kontroll—mhux fil-kontroll tal-bniedem. Skont il-Bibbja, il-bniedem sempliċiment m’għandux l-għerf u l-qawwa biex isib soluzzjoni permanenti. Dan hu enfasizzat fl-iskritturi li ġejjin:
“Hemm triq li tidher retta għal bniedem, imma mbagħad tmiemha hu l-mewt.”—Proverbji 14:12.
“Il-bniedem iddomina lill-bniedem bi ħsara għalih.”—Ekkleżjasti 8:9.
“Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas . . . jistaʼ jidderieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.
Jekk il-bniedem jibqaʼ jagħmel kulma jfettillu, id-dinja tistaʼ faċilment tesperjenza katastrofi globali. Imma dan mhux se jiġri! Għala? Għax hekk tgħid il-Bibbja:
Alla qal: “Sejjist l-art fuq il-postijiet stabbiliti tagħha; din qatt u qatt ma se titħarrek.”—Salm 104:5.
“Ġenerazzjoni sejra, u ġenerazzjoni ġejja; imma l-art tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Ekkleżjasti 1:4.
“Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.
“Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-art; fuq il-qċaċet tal-muntanji jkun hemm iżżejjed.”—Salm 72:16.
Dan it-tagħlim mill-Bibbja jipprovdi tweġibiet ċari. Il-bniedem mhux se jmut bit-tinġis, nuqqas t’ikel u ilma, jew mard li jinxtered mad-dinja kollha. Id-dinja mhux se tinqered minn olokawst nukleari. Għala le? Għax huwa Alla fil-kontroll tal-futur tal-pjaneta tagħna. Huwa minnu li Alla ta lill-bniedem il-libertà tal-għażla, imma l-bniedem ikollu jaħsad il-konsegwenzi taʼ dak li jagħmel. (Galatin 6:7) Id-dinja mhix bħal trejn bla kontroll li miexja lejn tmiem katastrofiku. Alla għamel limiti fuq kemm il-bniedem jistaʼ jagħmel ħsara.—Salm 83:18; Ebrej 4:13.
Imma Alla se jagħmel iktar minn hekk. Hu se jġib “sliem kotran.” (Salm 37:11) Din it-tama li ġiet spjegata f’dan l-artiklu hi biss ħarsa fuq fuq tal-futur mill-isbaħ li hemm għall-bniedem. Miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova tgħallmu dwarha billi studjaw il-Bibbja.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma komunità globali magħmula minn nies taʼ kull età u taʼ kull razza. Huma jqimu l-uniku Alla veru, li ismu hu Ġeħova, skont kif jidher fil-Bibbja. Huma mhumiex imbeżżgħin mill-futur għax il-Bibbja tgħid: “Hekk qal Ġeħova, il-Ħallieq tas-smewwiet, Hu l-Alla l-veru, Dak li sawwar l-art u li għamilha, Hu li stabbiliha fis-sod, li ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn, li sawwarha biex tkun abitata: ‘Jien Ġeħova, u m’hemm ħadd ieħor.’”—Isaija 45:18.
Dan l-artiklu eżamina xi tagħlim tal-Bibbja dwar il-futur tal-art u tal-bniedem. Għal aktar informazzjoni, ara lezzjoni 5 tal-browxer Aħbar Tajba Mingħand Alla! ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova u disponibbli fuq www.jw.org/mt
Int tistaʼ tara wkoll il-vidjow Alla għala ħalaq l-art? li hu disponibbli fuq www.jw.org/mt. (Ikklikkja fuq PUBBLIKAZZJONIJIET > VIDJOWS)