Appendix
Id-Demm: Il-Għażla taʼ Min u l-Kuxjenza taʼ Min?
minn J. Lowell Dixon, M.D.
Tradott u stampat mill-ġdid bil-permess tan-New York State Journal of Medicine, 1988; 88:463-464, copyright mill-Medical Society of the State of New York.
IT-TOBBA huma marbutin li japplikaw il-għarfien, is-sengħa, u l-esperjenza tagħhom f’li jiġġieldu kontra l-mard u l-mewt. Iżda, x’jiġri jekk pazjent jirrifjuta kura rakkomandata? Dan aktarx li se jiġri jekk il-pazjent huwa Xhud taʼ Jehovah u l-kura hija demm sħiħ, ċelloli ħomor tad-demm ippakkjati, plasma, jew platelets.
Meta jiġi għall-użu tad-demm, tabib jistaʼ jħoss li l-għażla tal-pazjent taʼ kura mingħajr demm se torbot l-idejn taʼ nies tal-mediċina ddedikati. Xorta waħda, wieħed ma jridx jinsa li l-pazjenti li m’humiex Xhieda taʼ Jehovah spiss jagħżlu li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tat-tabib tagħhom. Skond Appelbaum u Roth,1 19% tal-pazjenti fi sptarijiet taʼ tagħlim irrifjutaw tal-inqas kura jew proċedura waħda, avolja 15% taʼ rifjuti bħal dawn “kienu potenzjalment jipperikolaw il-ħajja.”
L-ideja ġenerali li “t-tabib jaf l-aħjar” iġġiegħel lill-biċċa l-kbira tal-pazjenti biex iċedu għas-sengħa u l-għarfien tat-tabib tagħhom. Imma kemm ikun perikoluż b’mod sottili għal tabib li jipproċedi bħal li kieku din il-frażi kienet fatt xjentifiku u jittratta lill-pazjenti b’dan il-mod. Veru, it-taħriġ mediku, il-liċenzja, u l-esperjenza tagħna jagħtuna privileġġi importanti fl-arena medika. Il-pazjenti tagħna, iżda, għandhom drittijiet. U, bħalma x’aktarx nafu, il-liġi (saħansitra l-Kostituzzjoni) tagħti iktar piż lid-drittijiet.
Fuq il-ħitan tal-biċċa l-kbira tal-isptarijiet, wieħed jara mdendla “T-Tabella tad-Drittijiet tal-Pazjent.” Wieħed minn dawn id-drittijiet huwa l-kunsens informat, li jistaʼ jiġi msejjaħ b’mod iktar eżatt għażla informata. Wara li l-pazjent ikun informat bir-riżultati potenzjali taʼ diversi kuri (jew taʼ li ma jiħux kura), hija l-għażla tiegħu x’se jagħmel. F’Albert Einstein Hospital fi Bronx, New York, regola suġġerita dwar it-trasfużjoni tad-demm u x-Xhieda taʼ Jehovah stqarret: “Kull pazjent adult li m’huwiex inkapaċitat għandu d-dritt li jirrifjuta kura hu kemm hu taʼ detriment għal saħħtu rifjut bħal dan.”2
Waqt li xi tobba jistgħu jlissnu tħassib dwar l-etika jew ir-responsabbiltà, il-qrati enfasizzaw is-supremazija tal-għażla tal-pazjent.3 Il-Qorti tal-Appelli taʼ New York stqarret li “id-dritt tal-pazjent li jiddetermina l-korsa tal-kura tiegħu stess jisboq kollox . . . Tabib ma jistax jiġi akkużat b’li kiser ir-responsabbiltajiet legali jew professjonali tiegħu meta jonora d-dritt taʼ pazjent adult kompetenti li jiċħad kura medika.”4 Dik il-qorti osservat ukoll li “l-integrità etika tal-professjoni medika, waqt li hi importanti, ma tistax tegħleb fil-piż id-drittijiet individwali u fundamentali mistqarra hawn. Huma l-ħtiġijiet u x-xewqat tal-individwu, mhux il-ħtiġijiet tal-istituzzjoni, li jisbqu fuq kollox.”5
Meta Xhud jirrifjuta d-demm, it-tobba forsi tweġġagħhom il-kuxjenza minħabba l-prospett taʼ li jagħmlu dak li jidher li huwa inqas mill-massimu. Dak li x-Xhud qiegħed b’mod kuxjenzjuż jitlob lit-tobba biex jagħmlu, iżda, huwa li jipprovdu l-aħjar kura alternattiva possibbli taħt iċ-ċirkustanzi. Spiss aħna rridu nbiddlu t-terapija tagħna biex nakkomodaw ċerti ċirkustanzi, bħalma hi t-tensjoni qawwija, allerġija serja għal antibijotiċi, jew li ma jkunx disponibbli ċertu tagħmir għali ħafna. Mal-pazjent Xhud, it-tobba qegħdin jiġu mitlubin li jittrattaw il-problema medika jew kirurġika fi qbil mal-għażla u l-kuxjenza tal-pazjent, id-deċiżjoni morali/reliġjuża tiegħu li jastjeni mid-demm.
Għadd taʼ rapporti dwar kirurġija maġġura fuq pazjenti Xhieda juru li ħafna tobba jistgħu, b’kuxjenza tajba u b’suċċess, jakkomodaw it-talba biex ma jużawx demm. Per eżempju, fl-1981, Cooley ikkunsidra 1,026 operazzjonijiet kardjovaskulari, 22% fuq minuri. Hu ddetermina “li r-riskju taʼ kirurġija f’pazjenti mill-grupp tax-Xhieda taʼ Jehovah ma kienx sostanzjalment iktar għoli milli f’oħrajn.”6 Kambouris7 irrapporta dwar operazzjonijiet maġġura fuq Xhieda, li xi wħud minnhom kienu ġew “miċħuda kura kirurġika meħtieġa b’mod urġenti minħabba fir-rifjut tagħhom taʼ li jaċċettaw id-demm.” Hu qal: “Il-pazjenti kollha rċevew assiġurazzjonijiet qabel il-kura li t-twemmin reliġjuż tagħhom kien se jiġi rrispettat, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi fis-sala tal-operazzjonijiet. Ma kien hemm ebda effetti koroh għal din ir-regola.”
Meta pazjent huwa Xhud taʼ Jehovah, apparti l-kwistjoni tal-għażla, il-kuxjenza tidħol fl-istampa. Wieħed ma jistax jaħseb biss dwar il-kuxjenza tat-tabib. X’ingħidu dwar dik tal-pazjent? Ix-Xhieda taʼ Jehovah iħarsu lejn il-ħajja bħala r-rigal t’Alla rrappreżentata mid-demm. Huma jemmnu l-kmand tal-Bibbja li l-Kristjani jridu ‘jastjenu mid-demm’ (Atti 15:28, 29).8 Għalhekk, jekk tabib b’mod paternalistiku jikser konvinzjonijiet reliġjużi profondi li pazjenti bħal dawn ikunu ilhom iħaddnu, ir-riżultat jistaʼ jkun traġiku. Papa Ġwanni Pawlu II osserva illi li ġġiegħel lil xi ħadd jikser il-kuxjenza tiegħu “hija l-iktar daqqa taʼ wġiegħ li wieħed jistaʼ jagħti lid-dinjità umana. F’ċertu sens, hija agħar milli tikkaġuna mewt fiżika, jew qtil.”9
Waqt li x-Xhieda taʼ Jehovah jirrifjutaw id-demm għal raġunijiet reliġjużi, iktar u iktar pazjenti li m’humiex Xhieda qed jagħżlu li jevitaw id-demm minħabba fir-riskji bħalma huma l-AIDS, il-hepatitis non-A non-B, u reazzjonijiet immunoloġiċi. Aħna nistgħu nippreżentawlhom l-idejat tagħna dwar jekk riskji bħal dawn humiex minuri meta tqabbilhom mal-benefiċċji. Imma, bħalma turi l-American Medical Association, il-pazjent huwa “l-arbitru finali dwar jekk hux se jieħu ċ-ċansijiet tiegħu bil-kura jew bl-operazzjoni rrakkomandata mit-tabib jew jirriskja li jgħix mingħajrha. Dan hu d-dritt naturali tal-individwu, li l-liġi tirrikonoxxi.”10
Relatat maʼ dan, Macklin11 qajjem il-kwistjoni tar-riskju/benefiċċju rigward wieħed Xhud “li rriskja li jiżżvina għall-mewt mingħajr trasfużjoni.” Student tal-mediċina qal: “Il-proċessi tal-ħsieb tiegħu kienu intatti. X’tagħmel meta t-twemmin reliġjuż ikun kontra l-uniku sors taʼ kura?” Macklin irraġuna: “Nistgħu forsi nemmnu b’qawwa kbira li dan ir-raġel ikun qed jagħmel żball. Imma x-Xhieda taʼ Jehovah jemmnu illi li tkun trasfuż . . . [jistaʼ] jirriżulta f’kundanna eterna. Aħna mħarrġin biex nagħmlu analiżi tar-riskju u l-benefiċċju fil-mediċina imma jekk tiżen il-kundanna eterna kontra li tibqaʼ ħaj fuq l-art, l-analiżi tieħu anglu differenti.”11
Vercillo u Duprey12 f’din il-ħarġa tal-Journal jirreferu għal In re Osborne biex jenfasizzaw l-interess taʼ li tassigura s-sigurtà tad-dipendenti, imma kif ġie solvut dak il-każ? Kien jikkonċerna lil missier taʼ żewġt itfal minuri li weġġaʼ sew. Il-qorti qatgħetha li jekk imut, il-qraba kienu se jieħdu ħsieb taʼ wliedu materjalment u spiritwalment. Mela, bħal f’każi riċenti oħra,13 il-qorti ma sabet ebda interess taʼ bil-fors mill-istat biex jiġġustifika li l-għażla tal-kura tal-pazjent tiġi injorata; intervent ġudizzjarju li jawtorizza kura oġġezzjonabbli għalih b’mod profond ma kienx hemm bżonnu.14 B’kura alternattiva l-pazjent fieq u kompla jieħu ħsieb il-familja tiegħu.
M’huwiex veru li l-maġġoranza l-kbira tal-każi li t-tobba kkonfrontaw, jew li x’aktarx se jikkonfrontaw, jistgħu jiġu ttrattati mingħajr demm? Dak li studjajna u li nafu l-aħjar għandu x’jaqsam maʼ problemi mediċi, iżda l-pazjenti huma esseri umani li l-valuri u l-għanijiet individwali tagħhom ma jistgħux jiġu injorati. Huma jafu l-aħjar dwar il-prijoritajiet tagħhom stess, il-morali u l-kuxjenza tagħhom stess, li jagħtu tifsir tal-ħajja għalihom.
Li nirrispettaw il-kuxjenzi reliġjużi taʼ pazjenti Xhieda jistaʼ jkun taʼ sfida għall-ħila tagħna. Imma hekk kif nilqgħu din l-isfida, aħna nsaħħu l-libertajiet taʼ valur li lkoll kemm aħna ngħożżu. Bħalma kiteb sewwa John Stuart Mill: “Ebda soċjetà li fiha dawn il-libertajiet m’humiex, fil-biċċa l-kbira, rispettati, ma hi ħielsa, hi x’inhi l-forma taʼ gvern li jistaʼ jkollha . . . Kull wieħed huwa l-gwardjan xieraq tas-saħħa tiegħu stess, kemm jekk hi tal-ġisem, jew mentali u spiritwali. Il-bnedmin jiggwadannjaw iktar billi jissaportu lil xulxin biex igħixu kif jidher sewwa għalihom infushom milli billi jġagħlu lil xulxin biex igħixu kif jidher li hu sewwa għall-bqija.”15
REFERENZI
1. Appelbaum PS, Roth LH: Pazjenti li jirrifjutaw il-kura medika fl-isptarijiet. JAMA 1983; 250:1296-1301.
2. Macklin R: Ix-xogħlijiet ġewwinija taʼ kumitat dwar l-etika: L-aktar battalja riċenti dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah. Hastings Cent Rep 1988; 18(1):15-20.
3. Bouvia v Superior Court, 179 Cal App 3d 1127, 225 Cal Rptr 297 (1986); In re Brown, 478 So 2d 1033 (Miss 1985).
4. In re Storar, 438 NYS 2d 266, 273, 420 NE 2d 64, 71 (NY 1981).
5. Rivers v Katz, 504 NYS 2d 74, 80 n 6, 495 NE 2d 337, 343 n 6 (NY 1986).
6. Dixon JL, Smalley MG: Ix-Xhieda taʼ Jehovah. L-isfida kirurġika/etika. JAMA 1981; 246:2471-2472.
7. Kambouris AA: Operazzjonijiet maġġuri fiż-żaqq fuq Xhieda taʼ Jehovah. Am Surg 1987; 53:350-356.
8. Jehovah’s Witnesses and the Question of Blood. Brooklyn, NY, Watchtower Bible and Tract Society, 1977, pp 1-64.
9. Il-Papa jikkundanna l-attakk Pollakk. NY Times, 11 taʼ Jannar, 1982, p A9.
10. Uffiċċju tal-Kunsill Ċentrali: Medicolegal Forms with Legal Analysis. Chicago, American Medical Association, 1973, p 24.
11. Kleiman D: Filosfu tal-isptar jikkonfronta deċiżjonijiet taʼ ħajja. NY Times, 23 taʼ Jannar, 1984, pp B1, B3.
12. Vercilla AP, Duprey SV: Ix-Xhieda taʼ Jehovah u t-trasfużjoni taʼ prodotti tad-demm. NY State J Med 1988; 88:493-494.
13. Wons v Public Health Trust, 500 So 2d 679 (Fla Dist Ct App) (1987); Randolph v City of New York, 117 AD 2d 44, 501 NYS 2d 837 (1986); Taft v Taft, 383 Mass 331, 446 NE 2d 395 (1983).
14. In re Osborne, 294 A 2d 372 (DC Ct App 1972).
15. Mill JS: On liberty, in Adler MJ (ed): Great Books of the Western World. Chicago, Encyclopaedia Britannica, Inc, 1952, vol 43, p 273.