Kapitlu 67
Ma Jirnexxilhomx Jarrestawh
WAQT li l-Festa tal-Egħrejjex għadha sejra, il-mexxejja reliġjużi jibagħtu lil xi uffiċjali tal-pulizija biex jarrestaw lil Ġesù. Hu ma jippruvax jistaħba. Minflok, Ġesù jibqaʼ jgħallem fil-beraħ, billi jgħid: “Jien nibqaʼ naqra oħra magħkom qabel ma mmur għand dak li bagħatni. Intom se tfittxuni, imma mhux se ssibuni, u fejn qiegħed jien intom ma tistgħux tiġu.”
Il-Lhud ma jifhmux, u għalhekk jibdew jistaqsu bejniethom: “Dan ir-raġel fejn bi ħsiebu jmur, biex aħna m’aħniex se nsibuh? Mhux bi ħsiebu jmur għand il-Lhud imxerrdin fost il-Griegi u jgħallem lill-Griegi, hux? X’ifisser dan il-kliem li qal, ‘Intom se tfittxuni, imma mhux se ssibuni, u fejn qiegħed jien intom ma tistgħux tiġu’?” Ġesù, naturalment, qiegħed jitkellem dwar il-mewt tiegħu li riesqa u l-irxoxt tiegħu għal ħajja fis-sema, fejn l-egħdewwa tiegħu ma jistgħux isegwuh.
Jasal is-sebaʼ u l-aħħar jum tal-festa. Kull għodwa tal-festa, qassis ferraʼ l-ilma, li hu ħa mill-Menqa taʼ Siloam, u dan l-ilma gelgel lejn il-bażi tal-artal. X’aktarx biex ifakkar lin-nies dwar din iċ-ċerimonja taʼ kuljum, Ġesù jgħajjat: “Jekk xi ħadd hu bil-għatx, ħa jiġi għandi u jixrob. Min ipoġġi fidi fija, sewwa sew bħalma qalet l-Iskrittura, ‘Mill-iktar parti ġewwinija tiegħu se jgelglu nixxigħat taʼ ilma ħaj.’”
Attwalment, Ġesù qiegħed jitkellem hawn dwar il-konsegwenzi grandjużi taʼ meta l-ispirtu qaddis kellu jiġi msawwab. Is-sena taʼ wara, dan it-tiswib tal-ispirtu qaddis iseħħ nhar Pentekoste. Hemmhekk, nixxigħat taʼ ilma ħaj igelglu meta l-120 dixxiplu jibdew jimministraw għan-nies. Imma sa dak iż-żmien, m’hemm ebda spirtu fis-sens li ebda wieħed mid-dixxipli taʼ Kristu ma hu midluk bl-ispirtu qaddis u msejjaħ għal ħajja fis-sema.
Bi tweġiba għat-tagħlim taʼ Ġesù, xi wħud jibdew igħidu: “Dan hu ċertament Il-Profeta,” li b’mod ċar jirreferi għall-profeta akbar minn Mosè li kien imwiegħed li jiġi. Oħrajn igħidu: “Dan hu l-Kristu.” Imma oħrajn jipprotestaw: “Il-Kristu mhux attwalment ħiereġ mill-Galilija, hux? Ma qalitx l-Iskrittura li l-Kristu ġej min-nisel taʼ David, u minn Betlehem ir-raħal fejn David kien ikun?”
Mela tiżżviluppa firda fost il-folla. Xi wħud iridu li Ġesù jiġi arrestat, imma ħadd ma jpoġġi idu fuqu. Meta l-uffiċjali tal-pulizija jiġu lura mingħajr Ġesù, il-qassisin ewlenin u l-Fariżej jistaqsu: “Għala ma ġibtuhx ġewwa?”
“Ebda bniedem ieħor ma qatt tkellem hekk,” iwieġbu l-uffiċjali.
Mimlijin rabja, il-mexxejja reliġjużi jinżlu biex jirredikolaw, jirrappreżentaw ħażin, u jgħajru. Huma jgħidu b’disprezz: “Ma ġejtux żvijati intom ukoll, hux? L-ebda wieħed mill-ħakkiema jew mill-Fariżej ma poġġa fidi fih, hux tassew? Imma din il-folla li ma tafx il-Liġi huma nies misħuta.”
Għal dan, Nikodemu, Fariżew u ħakkiem tal-Lhud (jiġifieri, membru tas-Sinedriju), jazzarda jitkellem favur Ġesù. Forsi tiftakar li, sentejn u nofs qabel, Nikodemu ġie għand Ġesù bil-lejl u esprima fidi fih. Issa Nikodemu jgħid: “Il-liġi tagħna ma tiġġudikax bniedem qabel ma l-ewwel tkun semgħet lilu u saret taf x’inhu jagħmel, hux hekk?”
Il-Fariżej huma rrabjati saħansitra iktar li wieħed minnhom stess qiegħed jiddefendi lil Ġesù. “M’intix int ukoll mill-Galilija, hux?” huma jirrimarkaw b’mod sarkastiku. “Fittex u ara li ebda profeta ma jrid jiġi mqajjem mill-Galilija.”
Għalkemm l-Iskrittura ma tgħidx direttament li profeta kellu joħroġ mill-Galilija, hi tipponta lejn il-Kristu bħala li ġej minn hemm, billi tgħid li “dawl kbir” kellu jidher f’dan ir-reġjun. Iktar minn hekk, Ġesù kien imwieled f’Betlehem, u kien nisel taʼ David. Waqt li l-Fariżej x’aktarx li dan jafuh, huma probabbli li huma responsabbli għat-tixrid tal-idejat żballjati li n-nies għandhom dwar Ġesù. Ġwann 7:32-52; Isaija 9:1, 2; Mattew 4:13-17.
▪ X’jiġri kull għodwa tal-festa, u Ġesù kif jistaʼ qed jiġbed l-attenzjoni lejn dan?
▪ L-uffiċjali għala ma jirnexxilhomx jarrestaw lil Ġesù, u l-mexxejja reliġjużi kif iwieġbu?
▪ Min hu Nikodemu, x’inhi l-attitudni tiegħu lejn Ġesù, u kif jiġi ttrattat minn sħabu l-Fariżej?
▪ X’evidenza hemm li l-Kristu kellu joħroġ mill-Galilija?