Kapitlu 109
Ġesù Jiddenunzja Lill-Avversarji Tiegħu
ĠESÙ tant ħawwad għalkollox lill-avversarji reliġjużi tiegħu li huma jibżgħu jistaqsuh iżjed. Għalhekk jieħu l-inizzjattiva biex jikxef l-injoranza tagħhom. “X’taħsbu intom dwar il-Kristu?” jistaqsi. “Bin min hu?”
“Taʼ David,” iwieġbu l-Fariżej.
Għalkemm Ġesù ma jiċħadx li David huwa l-antenat fiżiku tal-Kristu, jew Messija, hu jistaqsi: “Kif inhu, mela, li David b’ispirazzjoni [f’Salm 110] jsejjaħlu ‘Mulej,’ igħid, ‘Jehovah qal lil Mulejja: “Oqgħod bil-qiegħda fuq il-leminija tiegħi sakemm inpoġġi l-egħdewwa tiegħek taħt saqajk”’? Jekk, għalhekk, David isejjaħlu ‘Mulej,’ kif inhu ibnu?”
Il-Fariżej huma siekta, għax ma jafux il-vera identità tal-Kristu, jew il-wieħed midluk. Il-Messija mhux sempliċement dixxendent uman taʼ David, bħalma l-Fariżej mid-dehra jemmnu, imma eżista fis-sema u kien is-superjur, jew Mulej, taʼ David.
Fil-waqt li jdur lejn il-folol u d-dixxipli tiegħu, Ġesù jwissi dwar l-iskribi u l-Fariżej. Ladarba dawn igħallmu l-liġi t’Alla, billi “poġġew lilhom infushom bil-qiegħda fis-siġġu taʼ Mosè,” Ġesù jħeġġeġ: “L-affarijiet kollha li jgħidulkom, agħmluhom u osservawhom.” Imma hu jżid: “Tagħmlux skond l-egħmejjel tagħhom, għax huma jgħidu imma ma jagħmlux.”
Huma ipokriti, u Ġesù jiddenunzjahom sewwa sew bl-istess lingwaġġ li uża waqt li kien qed jiekol fid-dar tal-Fariżew xhur qabel. “Ix-xogħlijiet kollha li jagħmlu,” jgħid hu, “jagħmluhom biex jidhru mill-bnedmin.” U hu jagħtihom eżempji, billi jgħid: “Iwessgħu l-kaxxi żgħar bl-iskrittura fihom li jilbsu bħala salvagwardja.” Dawn il-kaxxi relattivament żgħar, milbusin fuq il-ġbin jew fuq id-driegħ, fihom erbaʼ porzjonijiet tal-Liġi: Eżodu 13:1-10, 11-16; u Dewteronomju 6:4-9; 11:13-21. Imma l-Fariżej ikabbru d-daqs taʼ dawn il-kaxxi biex jagħtu l-impressjoni li huma żelużi dwar il-Liġi.
Ġesù jissokta li huma “jkabbru l-freneż taʼ lbieshom.” F’Numri 15:38-40 l-Iżraeliti huma kkmandati li jagħmlu freneż fuq ħwejjiġhom, imma l-Fariżej jagħmlu tagħhom akbar milli jagħmilhom ħaddieħor. Kollox isir għal għajn in-nies! “Huma jħobbu l-iktar post prominenti,” jiddikjara Ġesù.
B’sogħba, id-dixxipli tiegħu stess ġew milquta b’din ix-xenqa għal prominenza. Mela hu jagħti parir: “Imma intom, tkunux intom li tissejħu Rabbi, għax wieħed hu l-għalliem tagħkom, fil-waqt li intom ilkoll aħwa. Iktar minn hekk, issejħu lil ħadd missierkom fuq l-art, għax wieħed hu Missierkom, Dak tas-sema. Lanqas tissejħu ‘mexxejja,’ għax il-Mexxej tagħkom hu wieħed, il-Kristu.” Id-dixxipli jeħtieġ li jwarrbu minn ġo fihom ix-xewqa li jkunu l-iktar prominenti! “L-akbar wieħed fostkom irid ikun il-ministru tagħkom,” Ġesù jwiddeb.
Hu mbagħad ilissen serje taʼ gwajijiet fuq l-iskribi u l-Fariżej, billi jsejħilhom ripetutament ipokriti. Huma ‘jagħlqu s-saltna tas-smewwiet għall-bnedmin,’ hu jgħid, u “huma dawk li qed jibilgħu d-djar tar-romol u li b’mottiv falz qed jagħmlu talbiet twal.”
“Gwaj għalikom, gwidi għomja,” Ġesù jgħid. Hu jikkundanna n-nuqqas taʼ valuri spiritwali tal-Fariżej, kif inhu evidenti mid-distinzjonijiet imxaqilbin li jagħmlu. Per eżempju, huma jgħidu, ‘M’hu xejn jekk xi ħadd jaħlef bit-tempju, imma hu taħt obbligu jekk hu jaħlef bid-deheb tat-tempju.’ Billi jagħtu iktar enfasi fuq id-deheb tat-tempju milli fuq il-valur spiritwali taʼ dak il-post taʼ qima, huma jikxfu l-agħma morali tagħhom.
Imbagħad, bħalma għamel iktar kmieni, Ġesù jikkundanna lill-Fariżej talli traskuraw “l-affarijiet taʼ iktar piż tal-Liġi, jiġifieri, l-ġustizzja u l-ħniena u l-fedeltà” fil-waqt li jagħtu attenzjoni kbira għall-ħlas tad-deċmi, jew parti minn għaxra, taʼ ħxejjex insinjifikanti.
Ġesù jsejjaħ lill-Fariżej “gwidi għomja, li ssaffu n-nemusa u tibilgħu l-ġemel!” Huma jsaffu nemusa minn ġo l-inbid tagħhom mhux sempliċement għax hija insett imma għaliex ċerimonjalment hija mniġġsa. Iżda, il-fatt li jinjoraw il-ħwejjeġ iktar importanti tal-Liġi huwa mqabbel maʼ li wieħed jiblaʼ ġemel, li hu wkoll annimal ċerimonjalment imniġġes. Mattew 22:41–23:24; Mark 12:35-40; Luqa 20:41-47; Levitiku 11:4, 21-24.
▪ Il-Fariżej għala jibqgħu siekta meta Ġesù jistaqsihom dwar dak li qal David f’Salm 110?
▪ Il-Fariżej għala jkabbru l-kaxxi żgħar li fihom l-Iskrittura u l-freneż fuq ilbieshom?
▪ Ġesù liema parir jagħti lid-dixxipli tiegħu?
▪ Il-Fariżej liema distinzjonijiet arbitrarji jagħmlu, u Ġesù kif jikkundannahom talli traskuraw kwistjonijiet iktar taʼ piż?