LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 12/15 pp. 15-20
  • “Tgħallmu Minni”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Tgħallmu Minni”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Ġesù Ttratta lin-​Nies
  • Id-​Differenza bejn Ġesù u l-​Fariżej
  • Kif Ħares Lejhom Ġesù
  • Ġesù Kif Ittrattahom il-​Problemi?
  • Ir-​Riżultat tat-​Tagħlim taʼ Ġesù
  • “Oqogħdu Attenti mill-Ħmira tal-Fariżej”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Jiekol maʼ Fariżew
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • It-Tjieba Mhux bi Tradizzjonijiet Orali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Ġesù jfejjaq fis-Sabat
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 12/15 pp. 15-20

“Tgħallmu Minni”

“Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom.”—MATTEW 11:29.

1. Għala jistaʼ jkun pjaċevoli u taʼ benefiċċju li nitgħallmu minn Ġesù?

ĠESÙ KRISTU dejjem ħaseb, għallem, u aġixxa b’mod xieraq. Iż-​żmien li għamel fuq l-​art kien qasir, imma hu kellu karriera premjanti u sodisfaċenti, u b’hekk baqaʼ ferħan. Hu ġabar dixxipli u għallimhom kif iqimu lil Alla, iħobbu ’l-bnedmin, u jirbħu lid-​dinja. (Ġwann 16:33) Hu mlielhom qlubhom bit-​tama u “dawwal il-​ħajja bla tmiem permezz taʼ l-​Evanġelju.” (2 Timotju 1:10) Jekk int tqis lilek innifsek bħala wieħed mid-​dixxipli tiegħu, x’taħseb li jfisser li tkun dixxiplu? Billi nikkunsidraw x’qal Ġesù dwar id-​dixxipli, nistgħu nitgħallmu ntejbu ħajjitna. Dan jinvolvi li naċċettaw il-​ħarsa tiegħu u napplikaw xi prinċipji bażiċi.—Mattew 10:​24, 25; Luqa 14:​26, 27; Ġwann 8:​31, 32; 13:35; 15:8.

2, 3. (a) Xi jfisser li tkun dixxiplu taʼ Ġesù? (b) Għala huwa importanti li nistaqsu lilna nfusna, ‘Taʼ min sirt dixxiplu jien?’

2 Fl-​Iskrittura Griega Kristjana, il-​kelma tradotta “dixxiplu” bażikament tfisser wieħed li jitfaʼ ħsiebu fuq xi ħaġa, jew wieħed li jitgħallem. Fl-​iskrittura taʼ Mattew 11:​29, li għandna bħala tema, hemm kelma li għandha x’taqsam maʼ li tkun dixxiplu: “Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom.” (Korsiv tagħna.) Iva, dixxiplu hu wieħed li jitgħallem. L-​Evanġelji ġeneralment japplikaw il-​kelma “dixxipli” għas-​segwaċi intimi taʼ Ġesù, li marru miegħu fuq il-​vjaġġi taʼ ppridkar u ġew mgħallmin minnu. Xi wħud setgħu aċċettaw it-​tagħlim taʼ Ġesù, forsi saħansitra għamlu dan bil-​moħbi, imma ma ħadu l-​ebda azzjoni. (Luqa 6:​17; Ġwann 19:38) Il-​kittieba taʼ l-​Evanġelji rreferew ukoll għad-​“dixxipli taʼ Ġwanni [l-Għammied] u d-​dixxipli tal-​Fariżej.” (Mark 2:18) Ladarba Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu biex “jilqgħu ruħhom . . . mit-​tagħlim tal-​Fariżej,” nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Taʼ min sirt dixxiplu jien?’—Mattew 16:12.

3 Jekk aħna dixxipli taʼ Ġesù u tgħallimna minnu, allura ħaddieħor għandu jħoss serħan spiritwali meta jkun magħna. Għandu jinduna li aħna sirna iktar ġwejdin u umlin. Jekk għandna responsabbiltajiet taʼ tmexxija fix-​xogħol tagħna, aħna ġenituri, jew għandna dmirijiet taʼ rgħajja fil-​kongregazzjoni Kristjana, kif qed iħossuhom dawk li aħna responsabbli għalihom? Qed iħossuhom li qegħdin nittrattawhom bl-​istess mod bħalma Ġesù kien jittratta lil dawk li kien responsabbli għalihom?

Kif Ġesù Ttratta lin-​Nies

4, 5. (a) Għala m’huwiex diffiċli biex insiru nafu kif Ġesù kien jittratta lin-​nies li kienu għaddejjin mill-​inkwiet? (b) X’esperjenza kellu Ġesù meta kien qed jiekol fid-​dar taʼ wieħed Fariżew?

4 Għandna bżonn insiru nafu kif Ġesù kien jittratta lin-​nies, speċjalment dawk bi problemi serji. Dan m’għandux ikun diffiċli għax il-​Bibbja tgħidilna ħafna dwar il-​laqgħat li Ġesù kien ikollu man-​nies, li xi wħud minnhom kienu għaddejjin minn inkwiet kbir. Ejja naraw ukoll il-​mod kif il-​mexxejja reliġjużi, partikolarment il-​Fariżej, kienu jittrattaw lin-​nies li kellhom problemi simili. Nistgħu nitgħallmu ħafna minn dan il-​kuntrast.

5 Fis-​sena 31 E.K., waqt li Ġesù kien fuq vjaġġ taʼ ppridkar fil-​Galilija, “wieħed mill-​Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu.” Ġesù ma qagħadx jaħsibha darbtejn biex jaċċetta l-​istedina. Għalhekk, “Ġesù daħal għand il-​Fariżew u qagħad għall-​ikel. Issa fil-​belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-​ikel fid-​dar tal-​Fariżew; ġiebet vażett taʼ l-​alabastru biż-​żejt ifuħ; u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-​żejt ifuħ.”—Luqa 7:​36-38.

6. Il-​mara “midinba” għala setgħet kienet fid-​dar tal-​Fariżew?

6 Tistaʼ timmaġinah dan? Skond ċertu xogħol taʼ referenza: “Il-​mara (v.37) ħadet vantaġġ mid-​drawwiet soċjali li kienu jippermettu lil dawk fil-​bżonn biex jattendu għal festi bħal dawn sabiex jirċievu minn dak li jkun fadal.” Dan jistaʼ jispjega għala wieħed setaʼ jidħol mingħajr ma jkun mistieden. Setaʼ kien hemm oħrajn bit-​tama li jlaqqtu xi ħaġa hekk kif tispiċċa l-​ikla. Madankollu, l-​imġiba taʼ din il-​mara kienet xi ħaġa mhux tas-​soltu. Hi ma qagħditx tittawwal mill-​post fejn is-​soltu dawn in-​nies joqogħdu jistennew l-​ikla tispiċċa. Bħala “midinba magħrufa,” hi xejn ma kellha reputazzjoni sabiħa, tant li Ġesù qal li kien jaf dwar “dnubietha, li kienu ħafna.”—Luqa 7:47.

7, 8. (a) Kif għandna mnejn konna naġixxu f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmijin f’Luqa 7:​3-38? (b) Xmun kif irreaġixxa?

7 Immaġinak qed tgħix lura f’dak iż-​żmien u qiegħed flok Ġesù. Kif kont tirreaġixxi? Kont tinfixel meta tara din il-​mara ġejja fuqek? Kif kienet teffettwak din is-​sitwazzjoni? (Luqa 7:45) Kont tinġibed lura beżgħan?

8 Kieku kont fost il-​mistidnin l-​oħra, setgħu ħsibijietek kienu xi ftit bħal dawk taʼ Xmun il-​Fariżew? “Kif ra hekk il-​Fariżew li stiednu [lil Ġesù] qal bejnu u bejn ruħu: ‘Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!’” (Luqa 7:39) Min-​naħa l-​oħra, Ġesù kien raġel taʼ mogħdrija kbira. Hu fehem l-​istat imwiegħer li kienet fih il-​mara u setaʼ jara kemm kienet qed tbati. Ma jintqalilniex kif sabet ruħha f’dik il-​ħajja tad-​dnub. Jekk vera kienet prostituta, l-​irġiel tal-​belt, li kienu Lhud devoti, milli jidher ma tantx għenuha.

9. Kif irreaġixxa Ġesù, u x’kien x’aktarx ir-​riżultat?

9 Imma Ġesù ried jgħinha. Hu qalilha: “Dnubietek maħfura.” Imbagħad żied: “Il-​fidi tiegħek salvatek; mur bis-​sliem.” (Luqa 7:​48-50) Hawnhekk ir-​rakkont jispiċċa. Xi ħadd jistaʼ jilmenta li Ġesù m’għamel kważi xejn biex jgħinha. Bażikament, hu berikha u bagħatha. Forsi taħseb li hi x’aktarx reġgħet lura għall-​ħajja laxka tagħha. Għalkemm ma nistgħux inkunu ċerti, innota dak li jkompli jgħid Luqa. Hu jgħidilna li Ġesù “qagħad idur l-​ibliet u r-​rħula, jippriedka u jxandar l-​Evanġelju tas-​Saltna.” Luqa qal ukoll li maʼ Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kien hemm “xi nisa,” u li dawn “kienu jaqduhom minn ġidhom.” Setaʼ ġara li din il-​mara, issa niedma u mimlija apprezzament, kienet fosthom, u li kienet bdiet tgħix b’mod li jogħġob lil Alla b’kuxjenza nadifa, bi skop ġdid, u b’imħabba akbar lejn Alla.—Luqa 8:​1-3.

Id-​Differenza bejn Ġesù u l-​Fariżej

10. Għala huwa taʼ benefiċċju li nikkunsidraw ir-​rakkont taʼ Ġesù u dik il-​mara fid-​dar taʼ Xmun?

10 X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​rakkont ħaj? Ma nħossuniex imqanqlin? Immaġina lilek innifsek fid-​dar taʼ Xmun. Kif kont tħossok? Kont int se taġixxi bħal Ġesù, jew kont tħossok xi ftit bħall-​Fariżew li stiednu? Ġesù kien l-​Iben t’Alla, u għalhekk ma nistgħux inħossu u naġixxu eżatt bħalu. Mill-​banda l-​oħra, forsi m’aħniex daqshekk ħerqanin biex inqisu lilna nfusna bħal Xmun il-​Fariżew. Ftit huma dawk li jiftaħru li huma bħall-​Fariżej.

11. Għala ma nixtiqux li nkunu klassifikati mal-​Fariżej?

11 Minn studju taʼ evidenza Biblika u sekulari nistgħu nikkonkludu li l-​Fariżej kienu mkabbrin bil-​kariga tagħhom bħala protetturi tas-​saħħa pubblika u l-​ġid nazzjonali. Huma ma kinux sodisfatti bil-​fatt li bażikament il-​Liġi t’Alla kienet ċara u tinftiehem malajr. Kulfejn dehrilhom li l-​Liġi ma kinitx speċifika, fittxew li jagħmluha ċara billi żiedu magħha t-​tifsir tagħhom, u b’hekk neħħew il-​bżonn li jkun hemm kuxjenza. Dawn il-​mexxejja reliġjużi pprovaw joħolqu preċett li kellu jikkontrolla kulma jiġri, anki affarijiet żgħar u taʼ ftit importanza.a

12. Il-​Fariżej kif kienu jħarsu lejhom infushom?

12 Il-​kittieb taʼ l-​istorja taʼ l-​ewwel seklu, Ġużeppi Flavju, jagħmilha ovvja li l-​Fariżej kienu jqisu lilhom infushom bħala li huma qalbhom tajba, ġentili, ġusti, u addattati ferm għall-​kariga tagħhom. Bla dubju, xi wħud minnhom kellhom bejn wieħed u ieħor dawn il-​kwalitajiet. Forsi jiġi f’moħħok Nikodemu. (Ġwann 3:​1, 2; 7:​50, 51) Maż-​żmien, xi wħud minnhom ħaddnu l-​Kristjanità. (Atti 15:5) L-​appostlu Kristjan Pawlu kiteb dwar ċerti Lhud, bħall-​Fariżej: “Huma għandhom il-​ħeġġa għal Alla, iżda din m’hijiex ħeġġa skond l-​għerf veru.” (Rumani 10:2) Madankollu, l-​Evanġelji jpinġuhomlna bħalma kienu jidhru f’għajnejn in-​nies komuni—kburin, arroganti, jippretenduha taʼ tajbin, ifittxu x-​xagħra fl-​għaġina, u jħobbu jiġġudikaw u jikkritikaw.

Kif Ħares Lejhom Ġesù

13. X’qal Ġesù dwar il-​Fariżej?

13 Ġesù ttimbra l-​iskribi u l-​Fariżej bħala li huma ipokriti. “Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom.” Iva, it-​tagħbija kienet tqila, il-​madmad li poġġew fuq in-​nies kien iebes. Ġesù ssokta jsejjaħ lill-​iskribi u l-​Fariżej “boloh.” L-​iblah huwa taʼ theddida għall-​komunità. Iżjed minn hekk, Ġesù sejjaħ lill-​iskribi u l-​Fariżej “mexxejja għomja” u stqarr li huma kienu ‘għalqu għajnejhom għal dak li hu l-​aqwa fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u s-​sinċerità.’ Min irid li jitqies minn Ġesù bħall-​Fariżej?—Mattew 23:​1-4, 16, 17, 23.

14, 15. (a) X’jikxef dwar il-​Fariżej il-​mod kif Ġesù ttratta maʼ Mattew Levi? (b) X’lezzjonijiet importanti nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​rakkont?

14 Kważi kull qarrej tar-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju jistaʼ jinnota li l-​biċċa l-​kbira tal-​Fariżej kienu jħobbu jikkritikaw. Wara li Ġesù stieden lil Mattew Levi, il-​kollettur tat-​taxxi, biex isir dixxiplu, Levi għamillu festa kbira. Ir-​rakkont jgħid: “Il-​Fariżej u l-​kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-​dixxipli tiegħu, u qalulhom: ‘Dan l-​għala tieklu u tixorbu mal-​pubblikani u l-​midinbin?’ U Ġesù weġibhom: ‘. . . Jien mhux lill-​ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-​midinbin għall-​indiema.’”​—Luqa 5:​27-32.

15 Levi nnifsu fehem ħaġa oħra li qal Ġesù f’dik l-​okkażjoni: “Mela morru tgħallmu x’jiġifieri, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.’” (Mattew 9:13) Għalkemm il-​Fariżej stqarrew li kienu jemmnu fil-​kitba tal-​profeti Ebrej, huma ma laqgħux dak li hemm miktub f’Hosegħa 6:6. Jekk kienu se jiżbaljaw kienu jippreferu jonqsu li juru l-​ħniena milli jonqsu li jobdu t-​tradizzjoni. Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu, ‘Magħruf jien li nżomm maʼ ċerti regoli, speċjalment dawk li jirriflettu ideat persunali jew opinjonijiet komuni li jkunu neqsin mill-​ħsieb? Jew jaħsbu li jien ħanin u qalbi tajba?’

16. X’kienu jagħmlu l-​Fariżej, u kif nistgħu nevitaw li nkunu bħalhom?

16 Il-​ħin kollu jikkritikaw. Hekk kienu jagħmlu l-​Fariżej. Huma kienu jfittxu għal kull nuqqas—veru jew immaġinarju. Lin-​nies ġagħluhom iħossuhom mheddin u lesti biex jiddefendu lilhom infushom, u kienu spiss ifakkruhom fin-​nuqqasijiet tagħhom. Il-​Fariżej kienu jiftaħru li huma saħansitra kienu jħallsu l-​għexur taʼ l-​iċken ħxejjex aromatiċi, bħan-​nagħniegħ, il-​bużbież, u l-​kemmun. Bil-​mod kif kienu jilbsu u jipprovaw imexxu l-​poplu kienu jagħtu l-​impressjoni li huma xi qaddisin. Bla dubju, jekk irridu li l-​azzjonijiet tagħna jkunu fi qbil maʼ l-​eżempju taʼ Ġesù, irridu nevitaw it-​tendenza li dejjem infittxu u nkabbru d-​dgħjufijiet taʼ ħaddieħor.

Ġesù Kif Ittrattahom il-​Problemi?

17-19. (a) Spjega kif Ġesù ttratta ċerta sitwazzjoni li setaʼ kellha konsegwenzi serji. (b) Is-​sitwazzjoni kif kienet waħda stressanti u taʼ dwejjaq? (ċ) Li kieku kont hemmhekk meta l-​mara resqet lejn Ġesù, kif kont tirreaġixxi?

17 Il-​mod kif Ġesù ttratta l-​problemi kien ferm differenti minn dak tal-​Fariżej. Ikkunsidra kif Ġesù ttratta sitwazzjoni li setgħet kienet serja ħafna. Din kienet tinvolvi lil waħda mara li kienet ilha 12-il sena tbati bit-​tnixxija tad-​demm. Tistaʼ taqra dan ir-​rakkont f’Luqa 8:​42-48.

18 Ir-​rakkont taʼ Mark jgħid li l-​mara kienet qed “tirtogħod bil-​biżaʼ.” (Mark 5:33) Għala? Bla dubju, għax kienet taf li kisret il-​Liġi t’Alla. Skond Levitiku 15:​25-28, mara li jkollha tnixxija taʼ demm barra minn żmienha kienet tkun imniġġsa sakemm iddum it-​tnixxija, u ġimgħa oħra fuq iż-​żmien. Kull ħaġa u kull persuna li kienet tmiss magħha kienet titniġġes ukoll. Sabiex tersaq lejn Ġesù, il-​mara kellha tgħaddi qalb it-​trassis tal-​folla. Aħna li qed naqraw dan ir-​rakkont wara elfejn sena, inħossu qalbna tingħafas għal dak li għaddiet minnu.

19 Kieku kont hemmhekk dak in-​nhar, kif kont tħares lejn is-​sitwazzjoni? X’kont tgħid? Innota li Ġesù ttratta lil din il-​mara b’qalb tajba, b’imħabba, u b’konsiderazzjoni. Lanqas biss semmielha xejn dwar il-​problemi li setgħet qalgħet.—Mark 5:34.

20. Li kieku Levitiku 15:​25-28 kien ħtieġa llum, liema sfida kien ikollna?

20 Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa minn din il-​ġrajja? Immaġina li llum int anzjan fil-​kongregazzjoni Kristjana, u li Levitiku 15:​25-28 kien ħtieġa Kristjana fi żmienna. Immaġina wkoll li waħda Kristjana kisret din il-​liġi, sforz kemm kienet qed tħossha ddisprata u waħedha. Kif se tirreaġixxi? Tumiljaha pubblikament billi tikkritikaha? “Le, żgur li qatt ma se nagħmel hekk,” forsi tgħid int. “Biex nimxi fuq l-​eżempju taʼ Ġesù, nagħmel kull sforz biex nuri qalb tajba, imħabba, ħsieb, u konsiderazzjoni.” Prosit! Imma l-​isfida hija li tagħmel eżatt hekk, li timita lil Ġesù.

21. Ġesù x’għallimhom lin-​nies dwar il-​Liġi?

21 Bażikament, in-​nies sabu s-​serħan f’Ġesù, ħassewhom inkuraġġiti u ħadu r-​ruħ. Meta l-​Liġi t’Alla kienet titkellem b’mod speċifiku dwar ċerti aspetti, din kienet tfisser dak li tgħid. F’dawk l-​aspetti li kienu jidhru iktar ġenerali, in-​nies kellhom jużaw iktar il-​kuxjenza tagħhom u setgħu juru l-​imħabba tagħhom lejn Alla bid-​deċiżjonijiet li jieħdu. Il-​Liġi tathom l-​ispazju sabiex ikunu flessibbli. (Mark 2:​27, 28) Alla kien iħobbhom lin-​nies tiegħu, kien kontinwament jaħdem għall-​ġid tagħhom, u kien lest li juri ħniena meta jiżbaljaw. Ġesù għamel l-​istess.—Ġwann 14:9.

Ir-​Riżultat tat-​Tagħlim taʼ Ġesù

22. It-​tagħlim taʼ Ġesù għen lid-​dixxipli jkollhom liema attitudni?

22 Dawk li semgħu minn Ġesù u saru dixxipli tiegħu apprezzaw kemm hija minnha l-​istqarrija tiegħu: “Il-​madmad tiegħi ħelu u t-​toqol tiegħi ħafif.” (Mattew 11:30) Qatt ma ħassewhom li Ġesù kien qed jgħabbihom, jissikkahom, jew itambrilhom iżżejjed. Huma ħassewhom iktar liberi, ferħanin, u kunfidenti dwar ir-​relazzjoni tagħhom m’Alla u maʼ xulxin. (Mattew 7:​1-5; Luqa 9:​49, 50) Huma tgħallmu minnu li mexxej spiritwali għandu jkun wieħed li joffri serħan, u li juri umiltà tal-​moħħ u tal-​qalb.—1 Korintin 16:​17, 18; Filippin 2:3.

23. Il-​fatt li kienu maʼ Ġesù liema lezzjoni importanti għallimhom lid-​dixxipli u għal liema konklużjonijiet għenhom biex jaslu?

23 Iktar minn hekk, ħafna baqgħu impressjonati profondament bl-​importanza taʼ li jibqgħu magħqudin maʼ Kristu u jkollhom l-​istess attitudni tiegħu. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-​imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-​kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-​kmandamenti taʼ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.” (Ġwann 15:​9, 10) Jekk riedu jirnexxu bħala ministri u qaddejja t’Alla, huma kellhom jaħdmu iebes biex japplikaw dak li tgħallmu minn Ġesù, kemm fl-​ippridkar, kemm fix-​xogħol taʼ li jgħallmu pubblikament lil ħaddieħor dwar l-​aħbar tajba u meraviljuża t’Alla, u kemm fil-​mod kif jaġixxu mal-​familja u l-​ħbieb. Hekk kif il-​fratellanza żdiedet u fformaw kongregazzjonijiet, huma kellhom minn żmien għal żmien ifakkru lilhom infushom li l-​mod tiegħu kien it-​tajjeb. Dak li għallem kien il-​verità. Il-​ħajja li kien jgħix, u li huma kienu osservaw b’tant attenzjoni, kienet verament il-​ħajja li xtaqu jkollhom u li taʼ min jaħdem għaliha.—Ġwann 14:6; Efesin 4:​20, 21.

24. Mill-​eżempju taʼ Ġesù x’affarijiet irridu nżommu f’moħħna?

24 Hekk kif issa tirrifletti fuq xi affarijiet li għadna kif iddiskutejna, tistaʼ tara fejn għandek ittejjeb? Taqbel int li Ġesù dejjem ħaseb, għallem, u aġixxa b’mod xieraq? Mela, qawwi qalbek. Dan il-​kliem jinkuraġġina tabilħaqq: “Jekk dawn il-​ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom.”—Ġwann 13:17.

[Noti taʼ taħt]

a “Id-​differenza bażika [bejn Ġesù u l-​Fariżej] toħroġ ċara meta jitqabblu ż-​żewġ fehmiet opposti li kellhom dwar Alla. Għall-​Fariżej, Alla huwa wieħed li fil-​biċċa l-​kbira dejjem jitlob xi ħaġa minna. Skond Ġesù, Alla hu qalbu tajba u mimli ħniena. M’għandniex xi ngħidu, il-​Fariżew ma jiċħadx it-​tjubija u l-​imħabba t’Alla, imma għalih dawn jidhru fir-​rigal li tahom tat-​Tora [il-Liġi] u fil-​possibbiltà li jitwettaq dak li hemm miktub fiha. . . . Għall-​Fariżew, li wieħed jimxi fi qbil mat-​tradizzjoni orali bir-​regoli kollha tagħha li jinterpretaw il-​liġi, kien il-​mod kif titwettaq it-​Tora. . . . L-​importanza li Ġesù ta liż-​żewġ kmandamenti dwar l-​imħabba (Mt. 22:​34-40) bħala l-​mod aċċettabbli kif għandha tiġi interpretata l-​Liġi, u l-​fatt li hu ċaħad it-​tradizzjoni orali bir-​restrizzjonijiet kollha tagħha . . . wassluh biex jeħodha kontra r-​raġunar falz tal-​Fariżej.”—The New International Dictionary of New Testament Theology.

Kif Twieġeb?

• Xi jfisser għalik li tkun dixxiplu taʼ Ġesù?

• Ġesù kif kien jittrattahom lin-​nies?

• X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif kien jgħallem Ġesù?

• Il-Fariżej kif kienu differenti minn Ġesù?

[Stampi f’paġna 18, 19]

Kemm kienet differenti l-​attitudni taʼ Ġesù lejn in-​nies minn dik tal-​Fariżej!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja