LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • gt kap. 111
  • Sinjal tal-Aħħar Jiem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sinjal tal-Aħħar Jiem
  • L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Fiduċja Matul L-​Aħħar Jiem
  • Il-​Verġni l-​Għaqlin u l-​Boloh
  • It-​Tixbieha tat-​Talenti
  • Meta Kristu Jasal fil-​Qawwa tas-​Saltna
  • Il-verġni jgħallmuna lezzjoni dwar il-bżonn li nibqgħu għassa
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • “L-Ilsir Leali” Jgħaddi mill-Prova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Qiegħed Tagħti Kas l-Eżempji li Qal Ġesù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • L-appostli jistaqsu għal sinjal
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
Ara Iżjed
L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
gt kap. 111

Kapitlu 111

Sinjal tal-​Aħħar Jiem

S’ISSA sar wara nofs in-​nhar tat-​Tlieta. Hekk kif Ġesù qiegħed bil-​qiegħda fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, iħares lejn it-​tempju taħtu, Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni jiġu għandu privatament. Huma mħassbin dwar it-​tempju, minħabba li Ġesù għadu kif bassar li l-​ebda ġebla ma se tibqaʼ fuq ġebla fiha.

Imma mid-​dehra għandhom iżjed fuq moħħhom hekk kif javviċinaw lil Ġesù. Xi ġimgħat qabel, hu kien tkellem dwar il-​“preżenza” tiegħu, li matul dak iż-​żmien “Bin il-​bniedem irid jiġi rrivelat.” U f’okkażjoni iżjed bikrija, kien qalilhom dwar “il-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet.” Għalhekk l-​appostli jinsabu kurjużi ħafna.

“Għidilna,” jgħidu, “meta se jkunu dawn l-​affarijiet [li jirriżultaw fil-​qerda taʼ Ġerusalemm u t-​tempju tagħha], u x’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet?” Fil-​fatt, tagħhom hija mistoqsija fi tliet partijiet. L-​ewwel, iridu jkunu jafu dwar it-​tmiem taʼ Ġerusalemm u t-​tempju tagħha, imbagħad rigward il-​preżenza taʼ Ġesù fil-​qawwa tas-​Saltna, u fl-​aħħarnett dwar it-​tmiem tas-​sistema taʼ affarijiet kollha kemm hi.

Fit-tweġiba twila tiegħu, Ġesù jwieġeb it-​tliet partijiet kollha tal-​mistoqsija. Hu jipprovdi sinjal li jidentifika meta kellha tintemm is-​sistema Lhudija; imma jipprovdi iżjed. Hu jagħti wkoll sinjal li kellu juri lid-​dixxipli tal-​futur tiegħu biex ikunu jafu li huma qed igħixu matul il-​preżenza tiegħu u qrib it-​tmiem tas-​sistema taʼ affarijiet kollha kemm hi.

Hekk kif igerbbu s-​snin, l-​appostli josservaw it-​twettieq tal-​profezija taʼ Ġesù. Iva, dawk l-​istess affarijiet li bassar jibdew jitwettqu fi żmienhom. B’hekk, Kristjani li huma ħajjin 37 sena wara, fis-​sena 70 E.K., m’humiex maqbudin għall-​għarrieda bil-​qerda tas-​sistema Lhudija bit-​tempju tagħha.

Madankollu, il-​preżenza taʼ Kristu u l-​​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet ma jseħħux fis-​sena 70 E.K. Il-​preżenza tiegħu fil-​qawwa tas-​Saltna sseħħ ħafna iżjed wara. Imma meta? Konsiderazzjoni tal-​profezija taʼ Ġesù tirrivelah dan.

Ġesù jbassar li kellu jkun hemm ‘gwerer u rapporti taʼ gwerer.’ “Ġens se jqum kontra ġens,” hu jgħid, u se jkun hemm nuqqas taʼ ikel, terremoti, u pestilenzi. Id-​dixxipli tiegħu se jinbagħdu u jinqatlu. Profeti foloz se jqumu u jiżżvijaw lil ħafna. Il-​ksur tal-​Liġi se jiżdied, u l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira se tibred. Fl-​istess ħin, l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla se tkun ippridkata bħala xiehda lill-​ġnus kollha.

Għalkemm il-​profezija taʼ Ġesù għandha twettieq limitat qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K., it-​twettieq maġġuri tagħha jseħħ matul il-​preżenza tiegħu u l-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet. Ħarsa lura bir-​reqqa lejn ġrajjiet tad-​dinja mill-​1914 ’il hawn tirrivela li l-​profezija importanti taʼ Ġesù kien qed ikollha t-​twettieq akbar tagħha minn dik is-​sena ’l hawn.

Parti oħra tas-​sinjal li jagħti Ġesù hija d-​dehra tal-​“ħaġa mistmerra li ġġib il-​ħerba.” Fis-​sena 66 E.K. din il-​ħaġa mistmerra tidher fil-​għamla tal-​“armati kkampjati” taʼ Ruma li jiċċirkundaw lil Ġerusalemm u jheddu l-​ħajt tat-​tempju. “Il-​ħaġa mistmerra” qiegħda wieqfa fejn ma għandhiex tkun.

Fit-twettieq maġġuri tas-​sinjal, il-​ħaġa mistmerra hija l-​Lega tan-​Nazzjonijiet u s-​suċċessura tagħha, il-​Ġnus Magħquda. Din l-​organizzazzjoni għal paċi dinjija hija meqjusa mill-​Kristjaneżmu bħala sostitut għas-​Saltna t’Alla. Kemm hi ħaġa li tqażżek! Maż-​żmien, għalhekk, il-​qawwiet politiċi mseħbin mal-​Ġnus Magħquda se jduru fuq il-​Kristjaneżmu (Ġerusalemm antitipika) u jeqirduh.

Ġesù b’hekk ibassar: “Se jkun hemm tribulazzjoni kbira li bħalha ma ġratx sa mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ tiġri.” Fil-​waqt li l-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K. hi tabilħaqq tribulazzjoni kbira, b’iktar minn miljun irrapportati maqtulin, ma hix tribulazzjoni akbar mid-​Dulluvju globali taʼ żmien Noè. Mela t-​twettieq maġġuri taʼ dil-parti tal-​profezija taʼ Ġesù għad fadallu biex iseħħ.

Fiduċja Matul L-​Aħħar Jiem

Hekk kif it-​Tlieta, 11 taʼ Nisan, joqrob lejn it-​tmiem, Ġesù jkompli bid-​diskussjoni mal-​appostli tiegħu rigward is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu fil-​qawwa tas-​Saltna u tat-​tmiem tas-​sistema taʼ affarijiet. Hu jwissihom dwar ġiri wara Kristijiet foloz. Se jkun hemm attentati, jgħid hu, “biex jiżżvijaw, jekk inhu possibbli, saħansitra lill-​magħżulin.” Imma, bħal ajkli li jaraw fil-​bogħod, dawn il-​magħżulin se jinġabru fejn il-​veru ikel spiritwali għandu jinstab, jiġifieri, mal-​veru Kristu fil-​preżenza inviżibbli tiegħu. M’humiex se jiġu żżvijati u miġbura flimkien lejn Kristu falz.

Kristijiet foloz jistgħu biss jagħmlu dehra viżibbli. F’kuntrast, il-​preżenza taʼ Ġesù se tkun inviżibbli. Se sseħħ waqt żmien tal-​biżaʼ fl-​istorja umana, bħalma jgħid Ġesù: “Ix-​xemx se tiddallam, u l-​qamar mhux se jagħti d-​dawl tiegħu.” Iva, dan ikun l-​iktar perijodu iswed tal-​eżistenza tal-​umanità. Se jkun bħal li kieku x-​xemx iddallmet matul il-​jum, u qisu l-​qamar ma tax id-​dawl tiegħu bil-​lejl.

“[I]l-qawwiet tas-​smewwiet se jitheżhżu,” ikompli Ġesù. B’hekk hu jindika li s-​smewwiet fiżiċi se jieħdu dehra li tqanqal it-​tħassib. Is-​smewwiet mhux se jkunu sempliċement id-​dominju tal-​agħsafar, imma se jkunu mimlijin b’ajruplani tal-​gwerra, missili u inġenji tal-​ispazju. Il-​biżaʼ u l-​vjolenza se jegħlbu lil kwalunkwe ħaġa mġarrba fl-​istorja umana taʼ qabel.

Bħala riżultat, Ġesù jgħid, se jkun hemm “dieqa taʼ ġnus, li ma jafux il-​ħruġ minħabba l-​ħoss qawwi tal-​baħar u t-​taqlib tiegħu, waqt li xi rġiel iħosshom ħażin bil-​biżaʼ u bl-​istennija tal-​affarijiet li ġejjin fuq l-​art abitata.” Tabilħaqq, dan l-​iktar perijodu iswed tal-​eżistenza umana se jwassal għaż-​żmien meta, bħalma jgħid Ġesù, “is-​sinjal taʼ Bin il-​bniedem se jidher fis-​sema, u mbagħad it-​tribujiet kollha tal-​art se jsawtu lilhom infushom bil-​biki.”

Imma mhux kulħadd ikun qed jitniegħed meta ‘Bin il-​bniedem jiġi b’qawwa’ biex jeqred lil din is-​sistema mill-​agħar taʼ affarijiet. Il-​“magħżulin,” il-​144,000 li se jaqsmu maʼ Kristu fis-​Saltna tiegħu tas-​Smewwiet, mhux se jitniegħdu, lanqas ma se jitniegħdu sħabhom, dawk l-​uħud li Ġesù qabel kien sejħilhom in-​“ngħaġ oħra” tiegħu. Minkejja li qed igħixu matul l-​iktar perijodu iswed tal-​istorja umana, dawn iwieġbu għall-​inkuraġġiment taʼ Ġesù: “Malli jibdew iseħħu dawn l-​affarijiet, qumu dritti u erfgħu rjuskom ’il fuq, għaliex il-​ħelsien tagħkom qed joqrob.”

Sabiex id-​dixxipli li jkunu qed igħixu matul l-​aħħar jiem ikunu jistgħu jiddeterminaw il-​viċinanza tat-​tmiem, Ġesù jagħti din it-​tixbieha: “Innotaw is-​siġra tat-​tin u s-​siġar l-​oħra kollha: Meta jkunu diġà qed jarmu, billi tosservawha tkunu tafu għalikom infuskom li issa s-​sajf huwa qrib. B’dan il-​mod intom ukoll, meta taraw dawn l-​affarijiet iseħħu, kunu afu li s-​saltna t’Alla hija qrib. Verament ingħidilkom, Din il-​ġenerazzjoni bl-​ebda mod ma se tgħaddi qabel iseħħu l-​affarijiet kollha.”

B’hekk, meta d-​dixxipli tiegħu jaraw il-​bosta fatturi differenti tas-​sinjal qed jiġu mwettqin, għandhom jirrealizzaw li t-​tmiem tas-​sistema taʼ affarijiet huwa qrib u li s-​Saltna t’Alla dalwaqt se teqred il-​ħażen kollu. Fil-​fatt, it-​tmiem se jseħħ matul il-​ħajja tan-​nies li jaraw it-​twettieq tal-​affarijiet kollha li jbassar Ġesù! Bħala twissija lil dawk id-​dixxipli li se jkunu ħajjin matul dawk l-​aħħar jiem kruċjali, Ġesù jgħid:

“Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel żejjed u xorb żejjed u anzjetajiet tal-​ħajja, u f’daqqa waħda dak il-​jum ikun minnufih fuqkom bħal nassa. Għax se jiġi fuq dawk kollha li qed igħammru fuq wiċċ l-​art kollha. Ibqgħu mqajmin, mela, il-​ħin kollu tagħmlu tħannin biex forsi jirnexxilkom taħarbu minn dawn l-​affarijiet kollha li huma ddestinati li jiġru, u tieqfu quddiem Bin il-​bniedem.”

Il-​Verġni l-​Għaqlin u l-​Boloh

Ġesù kien qed iwieġeb it-​talba tal-​appostli tiegħu għal sinjal tal-​preżenza tiegħu fil-​qawwa tas-​Saltna. Issa jipprovdilhom iktar fatturi tas-​sinjal fi tliet parabboli, jew tixbihat.

It-twettieq taʼ kull tixbieha jkun jistaʼ jiġi osservat minn dawk li jkunu qed igħixu matul il-​preżenza tiegħu. Hu jintroduċi l-​ewwel waħda bil-​kliem: “Imbagħad is-​saltna tas-​smewwiet se ssir bħal għaxar verġni li ħadu l-​imsiebaħ tagħhom u marru jiltaqgħu mal-​għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh, u ħamsa kienu għaqlin.”

Bl-espressjoni “is-​saltna tas-​smewwiet se ssir bħal għaxar verġni,” Ġesù ma jfissirx li nofs dawk li jirtu s-​Saltna tas-​sema huma persuni boloh u nofs huma għaqlin! Le, imma hu jrid ifisser li f’konnessjoni mas-​Saltna tas-​smewwiet, hemm fattur bħal dan jew bħal dak, jew l-​affarijiet konnessi mas-​Saltna se jkunu bħat-​tali u t-​tali ħaġa.

Il-għaxar verġni jissimbolizzaw lill-​Kristjani kollha li qegħdin jistennew jew li jistqarru li qegħdin jistennew li jidħlu fis-​Saltna tas-​smewwiet. Kien f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. li l-​kongregazzjoni Kristjana kienet imwiegħda fiż-​żwieġ lill-​Għarus irxoxtat u gglorifikat, Ġesù Kristu. Imma ż-​żwieġ kellu jseħħ fis-​sema f’xi żmien mhux stipulat fil-​futur.

Fit-tixbieha, l-​għaxar verġni joħorġu bil-​għan li jilqgħu lill-​għarus u li jingħaqdu fil-​purċissjoni taż-​żwieġ. Meta jasal, huma se jdawlu r-​rotta tal-​purċissjoni bl-​imsiebaħ tagħhom, u b’hekk ikunu qed jonorawh hekk kif iġib lill-​għarusa tiegħu ġewwa d-​dar imħejjija għaliha. Madankollu, jispjega Ġesù: “Il-​boloh ħadu l-​imsiebaħ tagħhom imma ma ħadu ebda żejt magħhom, fil-​waqt li l-​għaqlin ħadu ż-​żejt fir-​reċipjenti tagħhom mal-​imsiebaħ tagħhom. Waqt li l-​għarus kien qed jittardja, huma lkoll bdew jonogħsu u marru jorqdu.”

Id-dewmien imtawwal tal-​għarus jindika li l-​preżenza taʼ Kristu bħala Sultan renjanti kellha tkun fil-​futur imbiegħed. Hu finalment jiġi fuq it-​tron tiegħu fl-​1914. Matul il-​lejl twil sa dak il-​ħin, il-​verġni kollha jorqdu. Imma m’humiex ikkundannati għal dan. Il-​kundanna tal-​verġni boloh hi għall-​fatt li m’għandhomx żejt għar-​reċipjenti tagħhom. Ġesù jispjega kif il-​verġni jistenbħu qabel jasal il-​għarus: “Sewwa sew f’nofs il-​lejl qamet il-​għajta, ‘Hawn hu l-​għarus! Itilqu biex tiltaqgħu miegħu.’ Imbagħad il-​verġni kollha qamu u lestew l-​imsiebaħ. Il-​boloh qalu lill-​għaqlin, ‘Agħtuna ftit miż-​żejt tagħkom, għaliex l-​imsiebaħ tagħna waslu biex jintfew.’ Il-​għaqlin wieġbu bil-​kelmiet, ‘Forsi jistaʼ ma jkunx hemm biżżejjed għalina u għalikom. Itilqu, minflok, s’għand dawk li jbigħuh u ixtru għalikom infuskom.’”

Iż-żejt jissimbolizza lil dik il-​ħaġa li żżomm lil Kristjani veri jiddu bħala dawwala. Din hija l-​Kelma mnebbħa t’Alla, li fuqha l-​Kristjani jżommu qabda soda, flimkien mal-​ispirtu qaddis, li jgħinhom biex jifhmu dik il-​Kelma. Iż-​żejt spiritwali jgħin lill-​verġni għaqlin biex jagħtu d-​dawl f’li jilqgħu lill-​għarus matul il-​purċissjoni lejn il-​festa tat-​tieġ. Imma l-​klassi tal-​verġni boloh m’għandhomx ġewwa fihom infushom, fir-​reċipjenti tagħhom, iż-​żejt spiritwali bżonnjuż. Mela Ġesù jiddeskrivi x’jiġri:

“Waqt li [l-verġni boloh] kienu sejrin ’il hemm biex jixtru [ż-żejt], il-​għarus wasal, u l-​verġni li kienu lesti daħlu miegħu għall-​festa tat-​tieġ; u l-​bieb ġie magħluq. Wara l-​bqija tal-​verġni wkoll ġew, igħidu, ‘Sinjur, sinjur, iftħilna!’ Bi tweġiba hu qal, ‘Ingħidilkom il-​verità, ma nafkomx.’”

Wara li Kristu jasal fis-​Saltna tiegħu tas-​sema, il-​klassi tal-​verġni għaqlin taʼ Kristjani veri midlukin jistenbħu għall-​privileġġ tagħhom li jagħtu d-​dawl f’din id-​dinja mudlama b’tifħir għall-​Għarus li rritorna. Imma dawk imqabblin mal-​verġni boloh m’humiex ippreparati biex jipprovdu dan it-​tifħir taʼ merħba. Mela meta jasal iż-​żmien, Kristu ma jiftħilhomx il-​bieb għall-​festa tat-​tieġ fis-​sema. Iħallihom barra fid-​dalma tal-​iktar lejl profond, biex jinqerdu flimkien mal-​ħaddiema l-​oħra kollha taʼ bla liġi. “Ibqgħu għassu, għalhekk,” Ġesù jikkonkludi, “għaliex la tafu l-​jum u lanqas is-​siegħa.”

It-​Tixbieha tat-​Talenti

Ġesù jissokta d-​diskussjoni mal-​appostli tiegħu fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ billi jgħidilhom tixbieha oħra, it-​tieni waħda minn serje taʼ tlieta. Xi ftit ġranet qabel, waqt li hu kien Ġeriko, kien ta t-​tixbieha tal-​miniet biex juri li s-​Saltna kienet għadha żmien twil fil-​futur. It-​tixbieha li jirrakkonta issa, fil-​waqt li għandha numru taʼ fatturi li jixxiebhu, tiddeskrivi fit-​twettieq tagħha attivitajiet matul il-​preżenza taʼ Kristu fil-​qawwa tas-​Saltna. Turi li d-​dixxipli tiegħu jeħtieġ li jaħdmu waqt li għadhom fuq l-​art sabiex ikattru “dak li jippossjedi.”

Ġesù jibda: “Għax huwa [jiġifieri, iċ-​ċirkustanzi konnessi mas-​Saltna] sewwa sew bħal meta raġel, qabel ma siefer, sejjaħ lil irsiera minn tiegħu u ħalla f’idejhom dak li jippossjedi.” Ġesù huwa r-​raġel li, qabel isiefer lejn is-​sema, jafda lill-​irsiera tiegħu​—id-​dixxipli li qed jistennew li jidħlu fis-​Saltna tas-​sema​—dak li jippossjedi. Dawn l-​affarijiet li jippossjedi m’humiex affarijiet fiżiċi, imma jirrappreżentaw għalqa kkultivata li ġewwa fiha hu bena potenzjal sabiex jinġabru iżjed dixxipli.

Ġesù jafda dak li jippossjedi lill-​irsiera tiegħu ftit qabel ma jitlaʼ s-​sema. Dan kif jagħmlu? Billi jagħtihom struzzjonijiet biex ikomplu jaħdmu fil-​għalqa kkultivata billi jippridkaw il-​messaġġ tas-​Saltna sal-​iktar postijiet imbiegħda tal-​art. Bħalma jgħid Ġesù: “Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, jerġaʼ lil ieħor wieħed, lil kull wieħed skond l-​abbiltà tiegħu stess, u siefer.”

It-tmien talenti​—dak li Kristu jippossjedi​—huma għalhekk imqassma skond l-​abbiltajiet, jew possibiltajiet spiritwali, tal-​irsiera. L-​irsiera jiffiguraw lill-​klassijiet taʼ dixxipli. Fl-​ewwel seklu, il-​klassi li rċeviet il-​ħames talenti żgur li inkludiet lill-​appostli. Ġesù jissokta jirrakkonta li l-​irsiera li rċevew il-​ħames u ż-​żewġ talenti t-​tnejn irdoppjawhom permezz tal-​ippridkar tagħhom tas-​Saltna u billi jagħmlu dixxipli. Madankollu, l-​irsir li rċieva t-​talent wieħed ħbieh taħt l-​art.

“Wara żmien twil,” Ġesù jissokta, “sid dawk l-​irsiera ġie u għamel il-​kontijiet magħhom.” Ma kienx qabel is-​seklu 20, xi 1,900 sena wara, li Kristu reġaʼ lura biex jagħmel il-​kontijiet, u għalhekk kien, tabilħaqq, “wara żmien twil.” Imbagħad Ġesù jispjega:

“Dak li kien irċieva l-​ħames talenti ġie quddiem u ġab il-​ħames talenti li żied, billi qal, ‘Sid, int ħallejt ħames talenti miegħi; ara, jien ksibt ħames talenti oħra.’ Sidu qallu: ‘Prosit, irsir tajjeb u fidil! Int kont fidil fuq ftit affarijiet. Jien se naħtrek fuq ħafna affarijiet. Idħol fil-​ferħ taʼ sidek.’” L-​irsir li rċieva żewġ talenti bl-​istess mod irdoppja t-​talenti tiegħu, u ħa l-​istess tifħir u premju.

Kif, allura, jidħlu dawn l-​irsiera fidili fil-​ferħ taʼ Sidhom? Sewwa, il-​ferħ taʼ Sidhom, Ġesù Kristu, huwa dak li rċevew il-​pussess tas-​Saltna meta siefer għand Missieru fis-​sema. Rigward l-​irsiera fiż-​żminijiet moderni, huma għandhom ferħ kbir f’li ġew fdati b’iktar responsabbiltajiet tas-​Saltna, u hekk kif jispiċċaw il-​korsa tagħhom tal-​art, huma se jkollhom il-​ferħ aħħari li se jkunu rxoxtati lejn is-​Saltna tas-​sema. Imma xi ngħidu għat-​tielet irsir?

“Sid, jien kont naf li int raġel li jippretendi ħafna,” dan l-​irsir jilmenta. “Għalhekk jien bżajt u tlaqt u ħbejt it-​talent tiegħek fl-​art. Hawn għandek dak li hu tiegħek.” L-​irsir apposta rrifjuta li jaħdem fil-​għalqa kkultivata billi jippriedka u jagħmel dixxipli. Mela s-​sid isejjaħlu “mill-​agħar u merħi” u jippronunzja l-​ġudizzju: “Ħudu t-​talent mingħandu . . . U ixħtu lill-​irsir li m’hu tajjeb għal xejn ’il barra fid-​dlam taʼ barra. Hemm hu fejn il-​biki tiegħu u t-​theżhiż taʼ snienu se jkun.” Dawk taʼ din il-​klassi tal-​irsir ħażin, billi ġew mixħutin ’il barra, huma privi minn kull ferħ spiritwali.

Dan iwassal lezzjoni solenni għal dawk kollha li jistqarru li huma segwaċi taʼ Kristu. Jekk iridu jgawdu l-​kumpliment u r-​rigal tiegħu, u jevitaw li jintefgħu fid-​dlam taʼ barra u fil-​qerda aħħarija, jeħtieġ li jaħdmu għaż-​żjieda tal-​propjetà taʼ Sidhom tas-​sema billi jkollhom sehem sħiħ fix-​xogħol tal-​ippridkar. Int għaqli f’dan ir-​rigward?

Meta Kristu Jasal fil-​Qawwa tas-​Saltna

Ġesù għadu mal-​appostli tiegħu fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ. Bi tweġiba għat-​talba tagħhom għal sinjal tal-​preżenza tiegħu u t-​tmiem tas-​sistema taʼ affarijiet, hu issa jgħidilhom l-​aħħar waħda minn serje taʼ tliet tixbihat. “Meta Bin il-​bniedem jasal fil-​glorja tiegħu, u l-​anġli kollha miegħu,” Ġesù jibda, “imbagħad se joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu.”

Il-bnedmin ma jistgħux jaraw l-​anġli fil-​glorja tagħhom tas-​sema. Mela l-​wasla taʼ Bin il-​bniedem, Ġesù Kristu, bl-​anġli trid tkun inviżibbli għal għajnejn il-​bnedmin. Il-​wasla sseħħ fis-​sena 1914. Imma għal liema skop? Ġesù jispjega: “U l-​ġnus kollha se jinġabru quddiemu, u hu se jifred lin-​nies wieħed mill-​ieħor, sewwa sew bħalma ragħaj jifred in-​ngħaġ mill-​mogħoż. U se jqiegħed lin-​ngħaġ fuq idu l-​leminija, imma l-​mogħoż fuq ix-​xellug tiegħu.”

Bħala deskrizzjoni taʼ dak li kellu jiġri lil dawk separati lejn in-​naħa ffavorita, Ġesù jgħid: “Imbagħad is-​sultan se jgħid lil dawk fuq il-​lemin tiegħu, ‘Ejjew, intom li ġejtu mberkin minn Missieri, irtu s-​saltna mħejjija għalikom mit-​tisjis tad-​dinja.’” In-​ngħaġ taʼ din it-​tixbieha mhux se jsaltnu maʼ Kristu fis-​sema imma se jirtu s-​Saltna fis-​sens li se jkunu s-​sudditi tagħha fuq l-​art. “It-​tisjis tad-​dinja” seħħ meta Adam u Eva bdew ikollhom it-​tfal li setgħu jibbenefikaw mill-​provvediment t’Alla biex jifdi lill-​umanità.

Imma n-​ngħaġ għala huma separati lejn l-​id il-​leminija ffavorita tas-​Sultan? “Għax jien kont bil-​ġuħ,” iwieġeb is-​sultan, “u intom tajtuni xi ħaġa x’niekol; jien kont bil-​għatx u intom tajtuni xi ħaġa x’nixrob. Jien kont stranġier u intom ilqajtuni bl-​ospitalità; għarwien, u intom libbistuni. Jien imradt u intom ħadtu ħsiebi. Jien kont il-​ħabs u intom ġejtu għandi.”

Peress li n-​ngħaġ huma fuq l-​art, iridu jkunu jafu kif setgħu għamlu dawn l-​egħmejjel sbieħ għas-​Sultan tagħhom tas-​sema. “Mulej, meta rajniek bil-​ġuħ u tmajniek,” huma jistaqsu, “jew bil-​għatx, u tajniek xi ħaġa x’tixrob? Meta rajniek stranġier u lqajniek bl-​ospitalità, jew għarwien, u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-​ħabs u morna għandek?”

Is-Sultan iwieġeb: “Verament ingħidilkom, sal-​punt li għamiltuh maʼ wieħed li hu l-​inqas minn dawn ħuti, intom għamiltuh miegħi.” Ħut Kristu huma dawk li fadal fuq l-​art mill-​144,000 li se jsaltnu miegħu fis-​sema. U li wieħed jagħmel it-​tajjeb magħhom, igħid Ġesù, huwa l-​istess daqs li wieħed jagħmlu miegħu stess.

Imbagħad, is-​Sultan jindirizza lill-​mogħoż. “Itilqu minn quddiemi, intom li ġejtu misħutin, fin-​nar taʼ dejjem imħejji għax-​Xitan u l-​anġli tiegħu. Għax jien kont bil-​ġuħ, imma intom ma tajtuni xejn x’niekol, u jien kont bil-​għatx, imma intom ma tajtuni xejn x’nixrob. Jien kont stranġier, imma intom ma lqajtunix bl-​ospitalità; għarwien, imma intom ma libbistunix; marid u fil-​ħabs, imma intom ma ħadtux ħsiebi.”

Il-mogħoż, madankollu, jilmentaw: “Mulej, meta rajniek bil-​ġuħ jew bil-​għatx jew stranġier jew għarwien jew marid jew fil-​ħabs u ma mministrajnilekx?” Il-​mogħoż huma ġġudikati kuntrarju fuq l-​istess bażi li n-​ngħaġ huma ġġudikati favorevolment. “Sal-​punt li m’għamiltuhx maʼ wieħed minn dawn l-​inqas [minn ħuti],” Ġesù jwieġeb, “intom m’għamiltuhx miegħi.”

Mela l-​preżenza taʼ Kristu fil-​qawwa tas-​Saltna, sewwa sew qabel it-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar taʼ affarijiet fit-​tribulazzjoni kbira, se jkun żmien taʼ ġudizzju. Il-​mogħoż “se jitilqu fil-​qtugħ taʼ dejjem, imma t-​twajbin [in-ngħaġ] fil-​ħajja taʼ dejjem.” Mattew 24:2–25:46; 13:​40, 49; Mark 13:​3-37; Luqa 21:​7-36; 19:​43, 44; 17:​20-30; 2 Timotew 3:​1-5; Ġwann 10:16; Rivelazzjoni 14:​1-3.

▪ Xi jqanqal il-​mistoqsija tal-​appostli, imma milli jidher x’iktar għandhom f’moħħhom?

▪ Liema parti mill-​profezija taʼ Ġesù titwettaq fis-​sena 70 E.K., imma x’ma jseħħx dak in-​nhar?

▪ Il-​profezija taʼ Ġesù meta jkollha l-​ewwel twettieq tagħha, imma meta jkollha twettieq maġġuri?

▪ X’inhi l-​ħaġa mistmerra fl-​ewwel u fl-​aħħar twettiqiet tagħha?

▪ It-​tribulazzjoni kbira għala m’għandhiex it-​twettieq finali tagħha mal-​qerda taʼ Ġerusalemm?

▪ Liema kundizzjonijiet fid-​dinja jimmarkaw il-​preżenza taʼ Kristu?

▪ ‘It-​tribujiet kollha tal-​art’ meta ‘se jsawtu lilhom infushom bil-​biki,’ imma s-​segwaċi taʼ Kristu x’se jkunu qed jagħmlu?

▪ Liema tixbieha jipprovdi Ġesù biex igħin lid-​dixxipli futuri tiegħu biex jindunaw meta t-​tmiem ikun qorob?

▪ Liema twissija jipprovdi Ġesù lil dawk mid-​dixxipli tiegħu li kellhom ikunu qed igħixu matul l-​aħħar jiem?

▪ Min huma dawk issimbolizzati mill-​għaxar verġni?

▪ Il-​kongregazzjoni Kristjana meta ġiet imwiegħda fiż-​żwieġ lill-​għarus, imma l-​għarus meta jasal biex jieħu l-​għarusa tiegħu għall-​festa tat-​tieġ?

▪ Iż-​żejt x’jirrappreżenta, u billi jippossjeduh il-​verġni għaqlin x’jistgħu jagħmlu?

▪ Fejn issir il-​festa tat-​tieġ?

▪ Liema premju jitilfu l-​verġni boloh, u x’inhu d-​destin tagħhom?

▪ X’lezzjoni tgħallem it-​tixbieha tat-​talenti?

▪ Min huma l-​irsiera, u x’inhi l-​propjetà li huma fdati biha?

▪ Is-​sid meta jiġi u jagħmel il-​kontijiet, u x’isib?

▪ X’inhu l-​ferħ li jidħlu fih l-​irsiera fidili, u x’jiġri mit-​tielet irsir, il-​wieħed mill-​agħar?

▪ Il-​preżenza taʼ Kristu għala trid tkun inviżibbli, u liema xogħol jagħmel hu f’dak iż-​żmien?

▪ In-​ngħaġ f’liema sens jirtu s-​Saltna?

▪ “It-​tisjis tad-​dinja” meta seħħ?

▪ In-​nies fuq liema bażi jiġu ġġudikati bħala ngħaġ jew mogħoż?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja