LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • kl kap. 19 pp. 181-191
  • Meta l-Għarfien Dwar Alla Jimla l-Art

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta l-Għarfien Dwar Alla Jimla l-Art
  • Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • WARA ARMAGEDDON —ART MAGĦMULA ĠENNA
  • L-​UMANITÀ TRASFORMATA
  • L-​IRXOXT FERRIEĦI
  • PERFEZZJONI SA FL-​AĦĦAR!
  • INT X’SE TAGĦMEL?
  • L-Iskop t’Alla għall-Art—Dalwaqt Se Jitwettaq
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Wara Armageddon, Art Magħmula Ġenna
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • X’Inhu L-Iskop T’Alla Għall-Art?
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
  • Int Jistaʼ Jkollok Futur Hieni!
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
kl kap. 19 pp. 181-191

Kapitlu 19

Meta l-​Għarfien Dwar Alla Jimla l-​Art

1, 2. Il-​ħolqien taʼ Jehovah kif saritlu l-​ħsara?

EJJEW nissoponu li pittur mill-​aqwa għadu kif lesta pittura splendida. Bix-​xieraq hu jikkunsidraha bħala tajba ħafna—kapolavur! Imma matul il-​lejl rival għajjur iħassarha. Wieħed jistaʼ jifhem li dan jikkaġunalu niket kbir lill-​pittur. Kemm hu ħerqan li jara lil dan il-​vandalu maqful! U tistaʼ timmaġina kemm il-​pittur jixxennaq li jkollu l-​opra tiegħu restawrata għall-​ġmiel li kellha qabel.

2 Bħal dak il-​pittur, Jehovah ħalaq kapolavur f’li pprepara l-​art u poġġa lill-​umanità fuqha. Wara li ħalaq lir-​raġel u l-​mara, hu ppronunzja x-​xogħol kollu tiegħu taʼ l-​art bħala “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Adam u Eva kienu t-​tfal t’Alla nnifsu, u hu kien iħobbhom. Hu ġab quddiem għajnejh futur hieni u glorjuż għalihom. Veru, Satana wassalhom għall-​irvell, imma lill-​ħolqien taʼ l-​għaġeb t’Alla ma saritlux ħsara li ma tissewwiex.—Ġenesi 3:23, 24; 6:11, 12.

3. X’inhi “l-​ħajja vera”?

3 Alla ddetermina li jiddritta l-​affarijiet. Hu b’għożża jrid jarana ngħixu bil-​mod li kien oriġinalment l-​iskop tiegħu. L-​eżistenza qasira u mimlija inkwiet tagħna m’hijiex “il-​ħajja vera,” għax hija bil-​wisq inferjuri għal dak li Jehovah għandu f’moħħu. “Il-​ħajja vera” li Alla jrid għalina hija “l-​ħajja taʼ dejjem” taħt kundizzjonijiet perfetti.—1 Timotju 6:12, 19.

4, 5. (a) Kif se tiġi rrealizzata t-​tama tal-​Ġenna? (b) Għala għandna naħsbu dwar it-​tama tagħna għall-​futur?

4 L-​għarfien dwar Alla jġib responsabbiltà quddiem Jehovah. (Ġakbu 4:17) Imma aħseb ftit dwar il-​barkiet li se tgawdi jekk tapplika dak l-​għarfien u tistinka għall-​ħajja taʼ dejjem. Fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, Alla Jehovah pinġa stampa sabiħa taʼ kif se tkun dik il-​ħajja fl-​art magħmula Ġenna li hija tant fil-​qrib. M’għandniex xi ngħidu, bħala n-​nies taʼ Jehovah aħna ma naqdux lil Alla unikament minħabba xewqa għal premju. Naqdu lil Alla għaliex inħobbuh. (Mark 12:29, 30) Iktar minn hekk, aħna l-​ħajja ma naqilgħuhiex bi dritt talli naqdu lil Jehovah. Il-​ħajja taʼ dejjem hija għotja t’Alla. (Rumani 6:23) Jagħmlilna l-​ġid li nimmeditaw fuq ħajja bħal din għaliex it-​tama tal-​Ġenna tfakkarna dwar x’tip t’Alla hu Jehovah—dak li b’imħabba “jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Tama li hija mkebbsa fi mħuħna u fi qlubna se tagħmilna kapaċi nissaportu tbatijiet fid-​dinja taʼ Satana.—Ġeremija 23:20.

5 Ejjew issa niffokaw l-​attenzjoni tagħna fuq it-​tama bbażata fuq il-​Bibbja taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art futura. Kif se tkun il-​ħajja meta l-​għarfien dwar Alla jimla l-​art?

WARA ARMAGEDDON —ART MAGĦMULA ĠENNA

6. X’inhi Armageddon, u x’se tfisser għall-​umanità?

6 Bħalma ntwera iktar kmieni, Alla Jehovah dalwaqt se jeqred lis-​sistema t’affarijiet mill-​agħar preżenti. Id-​dinja qiegħda toqrob bil-​ħeffa lejn dak li l-​Bibbja ssejjaħ Ħar-Magedon, jew Armageddon. Dik il-​kelma tistaʼ ġġiegħel lil xi nies jaħsbu dwar olokawst nukleari kkaġunat minn ġnus li qegħdin jiggwerraw, imma Armageddon m’għandha x’taqsam xejn maʼ dan. Bħalma juri Apokalissi 16:14-16, Armageddon hija l-​“gwerra taʼ nhar il-​jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox.” Hija gwerra li tinvolvi lis-​“slaten tad-​dinja kollha,” jew lill-​ġnus. L-​Iben t’Alla Jehovah, is-​Sultan maħtur, dalwaqt se joħroġ riekeb għall-​battalja. Ir-​riżultat huwa assolutament żgur. Dawk kollha li jopponu lis-​Saltna t’Alla u li huma parti mis-​sistema mill-​agħar taʼ Satana se jiġu eliminati. Dawk leali lejn Jehovah biss se jibqgħu ħajjin.—Apokalissi 7:9, 14; 19:11-21.

7. Satana u d-​demonji tiegħu fejn se jkunu matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, u dan kif se jibbenefika lill-​umanità?

7 Immaġina li int bqajt ħaj wara dak il-​katakliżmu. Kif se tkun il-​ħajja fuq l-​art fid-​dinja ġdida mwiegħda minn Alla? (2 Pietru 3:13) M’għandniex għalfejn nispekulaw, għax il-​Bibbja tgħidilna, u dak li tgħid huwa eċċitanti. Aħna nitgħallmu li Satana u d-​demonji tiegħu se jiġu diżattivati, imsakkrin f’abbiss taʼ inattività matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù Kristu. Dawk il-​ħlejjaq mill-​agħar u malizzjużi m’humiex se jibqgħu jitlajjaw bil-​moħbi wara l-​kwinti, billi jaqilgħu l-​inkwiet u jipprovaw iqanqluna għal atti taʼ infedeltà kontra Alla. X’serħan!—Apokalissi 20:1-3.

8, 9. Fid-​dinja l-​ġdida, x’se jiġrilhom il-​flaġelli, il-​mard, u x-​xjuħija?

8 Maż-​żmien, il-​forom kollha taʼ mard se jgħibu. (Isaija 33:24) Iz-​zopop imbagħad se jqumu bil-​wieqfa, jimxu, jiġru, u jiżfnu fuq riġlejn sodi u b’saħħithom. Wara snin taʼ ħajja fid-​dinja tagħhom taʼ silenzju, it-​torox se jisimgħu l-​ħsejjes ferriħin taʼ madwarhom. L-​għomja se jibqgħu mgħaġġbin hekk kif dinja mimlija kuluri u forom tibda tieħu s-​sura quddiem għajnejhom. (Isaija 35:5, 6) Sa fl-​aħħar, se jaraw l-​uċuħ tal-​maħbubin tagħhom! Forsi dak inhar il-​vista tagħhom se tiċċajpar għal mument bi dmugħ taʼ ferħ.

9 Aħseb ftit! M’hemmx iktar nuċċalijiet, m’hemmx iktar krozzi u bsaten, m’hemmx iktar mediċini, m’hemmx iktar kliniċi dentali jew sptarijiet! Il-​mard emozzjonali u d-​dipressjoni qatt iktar ma se jċaħħdu lin-​nies mill-​hena. L-​ebda tfulija ma se tkun mifluġa minn mard. It-​tħarbit tax-​xjuħija se jiġi rriversjat. (Ġob 33:25) Aħna se nsiru iktar b’saħħitna, iktar qawwijin. Kull fil-​għodu se nqumu minn raqda rifreskanti taʼ matul il-​lejl b’enerġija mġedda, mimlijin bil-​forza u ħerqanin għal jum ġdid taʼ ħajja vibranti u xogħol sodisfaċenti.

10. Liema biċċa xogħol se jidħlu għaliha dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon?

10 Se jkun hemm partita xogħol pjaċevoli x’isir minn uħud li jibqgħu ħajjin wara Armageddon. Huma se jittrasformaw l-​art f’ġenna. Kwalunkwe traċċa tas-​sistema qadima mniġġsa se tiġi mnaddfa għalkollox. Parkijiet u ġonna se jitfaċċaw minflok mandraġġi u art irrovinata. Kulħadd se jgawdi djar komdi u pjaċevoli. (Isaija 65:21) Hekk kif jgħaddi ż-​żmien, dawk il-​partijiet mill-​art li huma ġenna se jikbru u jinfirxu sakemm il-​globu kollu kemm hu jilħaq il-​livell taʼ ġmiel stabbilit mill-​Ħallieq lura fil-​ġnien t’Għeden. Kemm se jkun sodisfaċenti li tieħu sehem f’dak ix-​xogħol taʼ restawrazzjoni!

11. X’se tkun ir-​relazzjoni futura taʼ l-​umanità maʼ l-​ambjent taʼ l-​art u mal-​ħajja taʼ l-​annimali?

11 Dan kollu se jsir taħt gwida divina sabiex l-​ambjent ma jiġix imħassar. Il-​bnedmin se jkunu fil-​paċi maʼ l-​annimali. Minflok ma jbiċċirhom bla ħniena, il-​bniedem se jieħu mill-​ġdid l-​istat taʼ prokuratur responsabbli għal fuq l-​art, billi jindokrahom sew. Ġib quddiem għajnejk ilpup u ħrief, iljuni u għoġġiela, jieklu flimkien—u l-​annimali domestiċi jinsabu totalment bla periklu. Saħansitra tarbija ċkejkna ma se jkollha xejn minn xiex tibżaʼ mill-​bhejjem selvaġġi, lanqas it-​trankwillità tad-​dinja l-​ġdida ma se tiġi mħarbta minn nies kattivi u feroċi. (Isaija 11:6-8) X’dinja ġdida mimlija paċi se tkun dik!

L-​UMANITÀ TRASFORMATA

12. Isaija 11:9 kif qiegħed ikollu twettiq illum, u kif se jitwettaq fil-​Ġenna?

12 Isaija 11:9 jgħidilna għala ebda ħsara ma se tintgħamel fl-​art kollha. Dan jgħid: “Mimlija hi l-​art bil-​għarfien tal-​Mulej bħalma l-​baħar hu miksi bl-​ilmijiet.” Dan jalludi għan-​nies għaliex l-​annimali ma jistgħux jieħdu l-​“għarfien tal-​Mulej” u jagħmlu bidliet, ladarba huma ggvernati mill-​istint. Imma l-​għarfien dwar il-​Ħallieq tassew li jbiddel lin-​nies. Bla dubju int innifsek diġà għamilt xi bidliet bħala riżultat talli applikajt l-​għarfien dwar Alla f’ħajtek. Miljuni hekk għamlu. Għalhekk, din il-​profezija diġà bdiet titwettaq maʼ dawk li qegħdin jaqdu lil Jehovah. Madankollu, dan jipponta wkoll lejn żmien meta n-​nies madwar id-​dinja kollha se jneħħu kwalunkwe traċċa annimaleska jew vjolenti u jsiru paċifiċi għal dejjem.

13. Liema programm edukattiv se jseħħ fuq l-​art?

13 Kemm se jkun meraviljuż meta l-​għarfien dwar Alla jimla l-​art! Se jkun hemm programm edukattiv estensiv taħt id-​direzzjoni tas-​Sultan Ġesù Kristu u l-​144,000 ħakkiema sħabu. “Kotba” ġodda se jibdew jintużaw f’dak iż-​żmien. Evidentement dawn huma l-​istruzzjonijiet miktubin t’Alla li se jservu bħala bażi biex jiġu edukati l-​abitanti taʼ l-​art. (Apokalissi 20:12) L-​umanità se titgħallem, mhux il-​gwerra, imma l-​paċi. L-​armamenti distruttivi kollha se jispiċċaw għal dejjem. (Salm 46:10 [46:9, NW]) L-​abitanti tad-​dinja l-​ġdida se jiġu mgħallmin biex jittrattaw lill-​bnedmin sħabhom b’imħabba, b’rispett, u b’dinjità.

14. Id-​dinja kif se tkun differenti meta l-​umanità tkun familja waħda unita?

14 L-​umanità se ssir familja waħda magħquda. Mhux se jkun hemm ostakli għall-​unità u l-​fratellanza. (Salm 133:1-3) Id-​dar taʼ ħadd ma se jkollha tiġi msakkra biex ma jidħlux il-​ħallelin. Il-​paċi se tirrenja f’kull qalb, f’kull dar, f’kull parti taʼ l-​art.—Mikea 4:4.

L-​IRXOXT FERRIEĦI

15. Liema żewġ gruppi se jiġu rxoxtati fuq l-​art?

15 Matul dak il-​Millennju, se jseħħ l-​irxoxt. Dawk li minn rajhom dinbu kontra l-​ispirtu qaddis, jew forza attiva, t’Alla billi mingħajr indiema aġixxew kontra l-​manifestazzjoni jew l-​iggwidar tiegħu m’humiex se jiġu rxoxtati. (Mattew 23:15, 33; Lhud 6:4-6) M’għandniex xi ngħidu, Alla se jiddeċiedi min dineb b’dak il-​mod. Imma żewġ gruppi distinti se jiġu rxoxtati—“it-​twajbin u . . . dawk li m’humiex twajbin.” (Atti 24:15, NW) Ladarba se jkun hemm ordni kif jixraq, huwa raġonevoli li wieħed jikkonkludi li l-​ewwel li jiġu mogħtijin merħba lura għall-​ħajja fuq l-​art se jkunu t-​twajbin, dawk li qdew lil Jehovah lealment.—Lhud 11:35-39.

16. (a) Min se jkun fost “it-​twajbin” irxoxtati fuq l-​art? (b) Liema wħud leali taʼ żmien il-​qedem trid int partikolarment tiltaqaʼ magħhom, u għala?

16 Minflok ma jisimgħu aħbarijiet dwar gwerer, diżastri, u mewt, il-​qaddejja taʼ Jehovah se jirċievu rapporti taʼ l-​għaġeb dwar l-​irxoxt. Se jkun eċċitanti li ssir taf dwar ir-​ritorn taʼ rġiel u nisa leali bħal Abel, Enok, Noè, Abraham, Sarah, Ġob, Mosè, Raħab, Rut, David, Elija, Ester. Min jaf x’fatti storiċi eċċitanti se jippreżentaw hekk kif jagħtu dettalji bħala sfond taʼ ħafna rakkonti Bibliċi! Bla dubju huma u wħud twajbin li jkunu mietu fi żminijiet iktar riċenti se jkunu ħerqanin daqsna biex isiru jafu dwar it-​tmiem tas-​sistema taʼ Satana u kif Jehovah issantifika lill-​isem qaddis tiegħu u vvindika s-​sovranità tiegħu.

17. Liema għajnuna se jagħtu wħud leali lil oħrajn li jiġu rxoxtati?

17 Kemm se jkunu t’għajnuna dawn l-​uħud leali matul il-​fażi li jkun imiss taʼ l-​irxoxt, meta biljuni minn “dawk li m’humiex twajbin” jiġu maħlulin mill-​irbit tal-​mewt! Il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​umanità qatt ma kellha ċ-​ċans issir taf lil Jehovah. Satana kien qiegħed ‘idalmilhom il-​moħħ tagħhom.’ (2 Korintin 4:4) Imma x-​xogħol tax-​Xitan se jispiċċa fix-​xejn. Dawk li m’humiex twajbin se jiġu lura fuq art sabiħa u mimlija paċi. Huma se jiġu mogħtijin merħba minn nies organizzati sewwa biex jgħallmuhom dwar Jehovah u Ibnu renjanti, Ġesù Kristu. Hekk kif biljuni taʼ wħud irxoxtati jsiru jafu u jħobbu lill-​Ħallieq tagħhom, l-​għarfien dwar Jehovah se jimla l-​art b’mod li qatt ma kien hawn bħalu.

18. Kif taħseb li se tħossok int meta tilqaʼ lil uħud maħbubin irxoxtati?

18 X’ferħ se jġib l-​irxoxt lil qlubna! Min ma sofriex minħabba l-​għadu tagħna l-​mewt? Tabilħaqq, min ma ħassux kompletament bla ħila meta xi rabta taʼ mħabba jew ħbiberija spiċċat fix-​xejn hekk kif il-​mard, ix-​xjuħija, xi inċident, jew vjolenza kkaġunaw il-​mewt taʼ xi ħadd maħbub? Immaġina, imbagħad, il-​ferħ taʼ rijunjonijiet fil-​Ġenna. Ommijiet u missirijiet, ulied subjien u bniet, ħbieb u qraba, se jiġru għal ġo dirgħajn xulxin, jidħku u jibku bil-​ferħ.

PERFEZZJONI SA FL-​AĦĦAR!

19. Liema miraklu se jseħħ matul il-​Millennju?

19 Matul il-​Millennju, se jkun qiegħed iseħħ miraklu taʼ l-​għaġeb. Għall-​umanità, se jkun forsi l-​iktar aspett eċċitanti tar-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. Jehovah se jidderieġi lil Ibnu biex japplika l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju tar-​rahan għal kull raġel u mara leali u ubbidjenti. B’dak il-​mezz, id-​dnub kollu se jiġi mneħħi u l-​umanità se tiġi mwassla għall-​perfezzjoni.—1 Ġwann 2:2; Apokalissi 21:1-4.

20. (a) X’se jkun ifisser li wieħed ikun perfett? (b) Dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon u wħud irxoxtati meta se jibdew jgħixu fil-​veru sens tal-​kelma?

20 Perfezzjoni! X’se tkun tfisser? Se tkun tfisser ritorn għal ħajja bil-​mod li Adam u Eva gawdewha qabel ma dinbu kontra Alla Jehovah. Fiżikament, mentalment, emozzjonalment, moralment, spiritwalment—b’kull mod immaġinabbli—bnedmin perfetti se jilħqu għalkollox il-​livelli t’Alla. Imma se jkunu n-​nies kollha f’dak iż-​żmien identiċi? Dażgur li le! Il-​ħolqien taʼ Jehovah—is-​siġar, il-​fjuri, l-​annimali—kollha jgħallmuna li hu jħobb il-​varjetà. Bnedmin perfetti se jkollhom personalitajiet u talenti differenti. Kull wieħed se jgawdi l-​ħajja bħalma Alla riedha li tkun. Apokalissi 20:5 jgħid: “Il-​bqija tal-​mejtin ma reġgħux ħadu l-​ħajja sa ma jkunu ntemmu l-​elf sena.” Bħall-​folla kbira taʼ wħud li baqgħu ħajjin wara Armageddon, l-​uħud irxoxtati se jkollhom il-​ħajja b’abbundanza meta huma jilħqu l-​perfezzjoni bla dnub.

21. (a) X’se jseħħ fit-​tmiem tar-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu? (b) X’se jiġrilhom finalment Satana u dawk kollha li jżommu miegħu?

21 Bnedmin perfetti se jiffaċċjaw test finali wieħed. Fit-​tmiem tal-​Millennju, Satana u d-​demonji tiegħu se jiġu maħlulin mill-​abbiss għal żmien qasir u se jingħataw permess biex jagħmlu sforz finali biex idawru lin-​nies ’il bogħod minn Jehovah. Xi wħud se jpoġġu x-​xewqat ħżiena qabel l-​imħabba għal Alla, imma dan l-​irvell se jiġi mqassar. Jehovah se jeqred lil dawn l-​uħud egoisti flimkien maʼ Satana u d-​demonji kollha tiegħu. Dawk kollha li jagħmlu l-​ħażen f’dak iż-​żmien se jkunu spiċċaw għal dejjem.—Apokalissi 20:7-10.

INT X’SE TAGĦMEL?

22. Liema ħaġa qiegħed tħares ’il quddiem biex tagħmel int fil-​Ġenna?

22 L-​eternità se tiġi estiża quddiem dawk kollha li jħobbu lil Alla Jehovah u jgħammru fl-​art magħmula Ġenna. Bil-​kemm nistgħu nimmaġinaw il-​ferħ tagħhom, u int ukoll tistaʼ tieħu sehem f’dan. Il-​mużika, l-​arti, is-​snajja—iva, il-​kisbiet taʼ l-​umanità perfetta se jissuperaw l-​aqwa xogħlijiet taʼ l-​akbar pampaluni fid-​dinja l-​qadima! Wara kollox, il-​bnedmin se jkunu perfetti u se jkollhom żmien bla limitu quddiemhom. Immaġina x’se tkun kapaċi tagħmel bħala bniedem perfett. Aħseb, ukoll, dwar dak li int u bnedmin sħabek se titgħallmu dwar il-​ħolqien taʼ Jehovah—mill-​biljuni taʼ galassi mifruxin maʼ l-​univers sa l-​iċken frak subatomiku. Kulma tikseb l-​umanità se jkompli jgħaxxaq lil qalb il-​Missier tas-​sema kollu mħabba, Jehovah.—Salm 150:1-6.

23. Il-​ħajja fil-​Ġenna għala qatt ma se tkun tedjanti?

23 Il-​ħajja f’dak iż-​żmien m’hijiex se tkun tedjanti. Se ssir iktar u iktar interessanti hekk kif jgħaddi ż-​żmien. Kif qed tara, m’hemm ebda tmiem għall-​għarfien dwar Alla. (Rumani 11:33) Matul l-​eternità kollha, dejjem se jkun hemm iktar x’wieħed jitgħallem u orizzonti ġodda x’wieħed jesplora. (Koħelet 3:11) U hekk kif tkompli titgħallem dwar Alla Jehovah, int se tkompli tgħix—mhux biss ftit snin imma għal dejjem!—Salm 22:27 [22:26, NW].

24, 25. Għala għandek int issa tgħix f’armonija maʼ l-​għarfien dwar Alla?

24 Ma jiswiex futur li jgħaxxqek f’art magħmula ġenna kwalunkwe sforz jew sagrifiċċju li tistaʼ tagħmel? Dażgur li jiswa! Sewwa, Jehovah tak iċ-​ċavetta għal dak il-​futur splendidu. Dik iċ-​ċavetta hija l-​għarfien dwar Alla. Se tużaha int?

25 Jekk tħobb lil Jehovah, int se ssib għaxqa f’li tagħmel ir-​rieda tiegħu. (1 Ġwann 5:3) Hekk kif issegwi dik il-​korsa, x’barkiet se tesperjenza! Jekk tapplika l-​għarfien dwar Alla, dan jistaʼ jġiblek ħajja iktar hienja saħansitra f’din id-​dinja mimlija inkwiet. U l-​premjijiet futuri huma immensi, għax dan huwa l-​għarfien li jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem! Issa huwa ż-​żmien favorevoli għalik biex taġixxi. Kun determinat li tgħix f’armonija maʼ l-​għarfien dwar Alla. Uri l-​imħabba tiegħek għal Jehovah. Onora l-​isem qaddis tiegħu u agħti prova li Satana huwa giddieb. Mill-​banda l-​oħra, Alla Jehovah, is-​Sors t’għerf u għarfien veri, se jithenna minħabba fik fil-​qalb kbira kollha mħabba tiegħu. (Ġeremija 31:3; Sofonija 3:17) U hu se jħobbok għal dejjem!

ITTESTJA L-​GĦARFIEN TIEGĦEK

X’inhi “l-​ħajja vera”?

Wara Armageddon, x’se jseħħ fuq l-​art?

Min se jiġi rxoxtat fuq l-​art?

L-​umanità kif se ssir perfetta u finalment tiġi ttestjata?

X’inhi t-​tama tiegħek rigward il-​Ġenna?

[Stampa f’paġna 188, 189]

Tittama int li tgħix fil-​Ġenna, meta l-​għarfien dwar Alla jimla l-​art?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja