Kapitlu Sebgħa
Erbaʼ Kelmiet li Biddlu d-Dinja
1. Kemm kien estensiv l-impatt taʼ erbaʼ kelmiet miktubin żmien twil ilu fuq ħajt?
ERBAʼ kelmiet sempliċi miktubin fuq ħajt miksi bil-ġir. Madankollu, dawn l-erbaʼ kelmiet tant beżżgħuh lil wieħed ħakkiem potenti li kważi ġennewh. Dawn ħabbru t-tneħħija minn fuq it-tron taʼ żewġ slaten, il-mewt taʼ wieħed minnhom, u t-tmiem taʼ qawwa dinjija setgħana. Dawn il-kelmiet irriżultaw fl-umiljazzjoni taʼ ordni reliġjuż meqjum. L-iktar importanti, eżaltaw il-qima pura taʼ Jehovah u affermaw mill-ġdid is-sovranità tiegħu fi żmien meta l-biċċa l-kbira tan-nies ftit li xejn taw kas taʼ dawn iż-żewġ affarijiet. Iva, dawn il-kelmiet saħansitra tefgħu dawl fuq il-ġrajjiet dinjin illum! Kif setgħu erbaʼ kelmiet jagħmlu dan kollu? Ejja naraw.
2. (a) X’ġara f’Babilonja wara l-mewt taʼ Nabukodonosor? (b) Liema ħakkiem issa kellu l-poter?
2 Kienu għaddew għexur taʼ snin mill-ġrajjiet deskritti f’kapitlu 4 taʼ Danjel. Ir-renju taʼ 43 sena fil-belt taʼ Babilonja mis-Sultan kburi Nabukodonosor intemm bil-mewt tiegħu fis-sena 582 Q.E.K. Mill-familja tiegħu ħarġet sensiela taʼ suċċessuri, imma l-ħakma taʼ wieħed wara l-ieħor intemmet jew b’mewta bikrija jew b’assassinar. Fl-aħħarnett, raġel li kien jismu Nabonidu kiseb it-tron permezz taʼ rewwixta. Bħala bin is-saċerdotessa l-kbira taʼ l-alla-qamar Sin, Nabonidu b’mod evidenti ma kienx mid-demm tad-dar irjali taʼ Babilonja. Xi awtoritajiet jissuġġerixxu li hu żżewweġ lil waħda mill-bniet taʼ Nabukodonosor biex jagħmel il-ħakma tiegħu stess leġittima, lil binhom Beltassar għamlu l-koreġġent tiegħu, u ħallieh jikkmanda lil Babilonja għal perijodi twal taʼ żmien. F’dak il-każ, Beltassar kien ikun in-neputi taʼ Nabukodonosor. Mill-esperjenzi taʼ nannuh, tgħallem hu li Jehovah hu dak Alla Suprem, kapaċi jumilja lil kwalunkwe sultan? Ma tantx!—Danjel 4:34 [4:37, NW].
FESTA LI MA TIBQAX TAĦT KONTROLL
3. Kif kienet il-festa taʼ Beltassar?
3 Kapitlu 5 taʼ Danjel jiftaħ b’ikla kbira. “Is-sultan Beltassar għamel ikla kbira lil elf mill-kbarat tiegħu, u quddiem dawn l-elf qabad jixrob l-inbid.” (Danjel 5:1) Bħalma tistaʼ timmaġina, bilfors li kienet sala enormi biex tesaʼ dawn l-irġiel kollha, flimkien man-nisa sekondarji u l-konkubini tas-sultan. Wieħed studjuż jinnota: “L-ikliet kbar Babiloniżi kienu manjifiċi, għalkemm ġeneralment kulħadd kien jispiċċa fis-sakra. Il-mejda kienet tkun mimlija nbid, importat minn barra, u lussu taʼ kull xorta. Is-sala kienet tkun mimlija fwejjaħ; għannejja u mużiċisti kienu jpaxxu lill-mistidnin miġburin.” Waqt li ppresieda fejn kulħadd setaʼ jarah, Beltassar xorob l-inbid—u xorob, u xorob.
4. (a) Għala tistaʼ tidher ħaġa stramba li l-Babiloniżi kienu qegħdin jiffesteġġaw fil-lejl tal-5/6 t’Ottubru, tas-sena 539 Q.E.K.? (b) X’kien evidentement li lill-Babiloniżi għamilhom kunfidenti meta kienu ffaċċjati mill-eżerċti invadenti?
4 Tidher ħaġa stramba li l-Babiloniżi kienu f’burdata festiva bħal din f’dan il-lejl—il-5/6 t’Ottubru tas-sena 539 Q.E.K. Il-ġens tagħhom kien fi gwerra, u l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb għalihom. Dan l-aħħar, Nabonidu kien sofra telfa minn idejn il-qawwiet armati invadenti Medo-Persjani u kien sab refuġju f’Borsippa, lejn il-lbiċ taʼ Babilonja. U issa l-eżerċti taʼ Ċiru kienu kkampjati preċiż barra Babilonja. Madankollu, ma tantx jidher li Beltassar u l-kbarat tiegħu kienu inkwetati. Wara kollox, il-belt tagħhom kienet Babilonja l-impenetrabbli! Is-swar kolossali tagħha kienu jsorġu fuq fossijiet fondi mimlijin bl-ilma tax-Xmara l-kbira Ewfrat hekk kif din kienet tgelgel minn ġol-belt. Ebda għadu ma kien ħa lil Babilonja b’attakk frontali f’iktar minn elf sena. Mela għalfejn kellhom jinkwetaw? Forsi Beltassar irraġuna li l-ħoss tax-xalar tagħhom kien se juri kemm kienu kunfidenti, u b’hekk l-għedewwa li kien hemm barra kienu se jiskuraġġixxu ruħhom.
5, 6. X’għamel Beltassar taħt l-influwenza taʼ l-inbid, u dan għala kien insult kbir għal Jehovah?
5 Fi żmien qasir, ix-xorb eċċessiv kellu effett fuq Beltassar. Bħalma jgħid Proverbji 20:1 (NW), “l-inbid iwaqqaʼ għaċ-ċajt.” F’dan il-każ, l-inbid tabilħaqq li wassal lis-sultan biex jikkommetti bluha t’għamla serja ferm. Hu ordna li jinġiebu fil-festa r-reċipjenti sagri mit-tempju taʼ Jehovah. Dawn ir-reċipjenti, meħudin bħala priża matul il-konkwista taʼ Ġerusalemm minn Nabukodonosor, kellhom jintużaw biss fil-qima pura. Saħansitra l-qassisin Lhud li fl-imgħoddi kienu ngħataw l-awtorità biex jużawhom fit-tempju taʼ Ġerusalemm kienu ġew imwissijin biex iżommu ruħhom indaf.—Danjel 5:2; qabbel Isaija 52:11.
6 Madankollu, Beltassar kellu f’moħħu att jerġaʼ iktar insolenti. “Is-sultan u kbaratu, in-nisa tiegħu u l-konkubini li kellu . . . xorbu l-inbid, u faħħru l-allat tad-deheb u tal-fidda, tal-bronż u tal-ħadid, taʼ l-injam u tal-ġebel.” (Danjel 5:3, 4) Mela Beltassar ried jeżalta lill-allat foloz tiegħu fuq Jehovah! Donnu li din l-attitudni kienet tipika fost il-Babiloniżi. Dawn kienu jiddisprezzaw lill-ilsiera Lhud li kellhom, billi jwaqqgħulhom għaċ-ċajt il-qima tagħhom u ma joffrulhom ebda tama li jirritornaw lejn il-maħbuba art twelidhom. (Salm 137:1-3; Isaija 14:16, 17) Forsi dan il-monarka fis-sakra ħass illi li jumilja lil dawn l-eżiljati u jinsulta lil dak Alla tagħhom kien se jimpressjona lin-nisa u lill-uffiċjali tiegħu, u dan jagħmlu jidher setgħan.a Imma jekk Beltassar fil-fatt ħass xi ftit eċċitament taʼ qawwa, dan ma damx wisq.
IL-KITBA MINN ID FUQ IL-ĦAJT
7, 8. Kif ġiet interrotta l-festa taʼ Beltassar, u dan x’effett kellu fuq is-sultan?
7 “Minnufih,” jgħid ir-rakkont imnebbaħ, “ħarġu swabaʼ taʼ id taʼ bniedem, u bdew jiktbu biswit il-gandlier, fuq il-ġir tal-ħajt tal-palazz tas-sultan. Is-sultan raha dik l-id miftuħa hi u tikteb.” (Danjel 5:5) X’dehra tal-biżaʼ! Mill-baħħ dehret id, titħarrek fl-arja ħdejn sezzjoni mdawla sewwa tal-ħajt. Immaġina s-skiet li waqaʼ fil-festa hekk kif il-mistidnin daru b’ħalqhom miftuħ iħarsu lejha. L-id bdiet tikteb messaġġ misterjuż fuq il-ġir.b Dan il-fenomenu kien tant waħxi, tant ma jintesiex, li sal-ġurnata tal-lum in-nies jużaw l-espressjoni “l-kitba fuq il-ħajt” biex jissuġġerixxu twissija taʼ xi kundanna imminenti.
8 X’kien l-effett fuq dan is-sultan kburi li kien ipprova jeżalta lilu nnifsu u lil allatu fuq Jehovah? “Mbagħad is-sultan wiċċu tbiddel u ħsibijietu ħasduh, il-ġogi taʼ ġenbejh inħallu, u rkubbtejh bdew iħabbtu maʼ xulxin.” (Danjel 5:6) Beltassar kien immira biex jidher grandjuż u maestuż quddiem is-sudditi tiegħu. Minflok, hu sar stampa ħajja taʼ terrur servili—wiċċu sar abjad karti, ġenbejh inħallu mill-ġogi tagħhom, l-għadam kollu taʼ ġismu tant triegħed b’mod vjolenti li rkobbtejh bdew iħabbtu maʼ xulxin. Tabilħaqq kien minnu kliem David indirizzat f’għanja lil Jehovah: “Għajnejk fuq il-kburin, biex tbaxxihom.”—2 Samwel 22:1, 28, KŻ; qabbel Proverbji 18:12.
9. (a) It-terrur taʼ Beltassar għala ma kienx l-istess bħall-biżaʼ minn Alla? (b) Is-sultan x’offrielhom lill-għorrief taʼ Babilonja?
9 Taʼ min jinnota li l-biżaʼ taʼ Beltassar ma kienx l-istess bħall-biżaʼ minn Alla, rispett kbir u profond lejn Jehovah, li hu l-bidu taʼ l-għerf kollu. (Proverbji 9:10) Le, dan kien terrur morbuż, u ma pproduċa ebda għerf fil-monarka mheżżeż.c Minflok ma talab maħfra mingħand dak Alla li lilu kien għadu kif insulta, hu għajjat b’leħen qawwi għall-“bassara, għall-Kaldin, u għall-astroloġi.” Hu saħansitra ddikjara: “Porpra jilbes min jaqra din il-kitba u jfissirhieli, u kullana tad-deheb maʼ għonqu, u jkun it-tielet wieħed fost il-ministri tas-sultan.” (Danjel 5:7) It-tielet ħakkiem fis-saltna kien se jkun setgħan tabilħaqq, preċedut biss miż-żewġ slaten renjanti, Nabonidu u Beltassar innifsu. Post bħal dan ġeneralment kien jinżamm għall-iben il-kbir taʼ Beltassar. Sa dan il-punt kien iddisprat is-sultan biex jispjegawlu dan il-messaġġ mirakoluż!
10. X’riżultat kellhom l-għorrief fl-isforzi tagħhom biex jinterpretaw il-kitba fuq il-ħajt?
10 L-għorrief daħlu wieħed wara l-ieħor fis-sala l-kbira. Kien hemm għadd mhux ħażin minnhom, għax Babilonja kienet belt mgħaddsa fir-reliġjon falza u mimlija tempji. Irġiel li kienu jsostnu li kellhom il-ħila jaqraw sinjali taʼ tbassir u jfissru kitba misterjuża żgur li kienu jeżistu bir-radam. Dawn l-għorrief bilfors li ħassewhom eċċitati bl-opportunità li kellhom quddiemhom. Hawnhekk kellhom iċ-ċans li jipprattikaw l-arti tagħhom quddiem udjenza taʼ nies importanti, jirbħu l-favur tas-sultan, u jitilgħu għal pożizzjoni taʼ qawwa kbira. Imma kemm ħarġu taʼ mażetta! “Ma kellhomx ħila jaqraw il-kitba lis-sultan jew ifissruhielu.”d—Danjel 5:8.
11. X’setgħet kienet ir-raġuni għala l-għorrief taʼ Babilonja ma setgħux jaqraw il-kitba?
11 M’aħniex ċerti jekk l-għorrief taʼ Babilonja sabux il-kitba stess—l-ittri nfushom—ma tinqarax. Jekk sabuha hekk, dawn l-irġiel bla skruplu kien ikollhom l-opportunità li jivvintaw kwalunkwe interpretazzjoni qarrieqa tkun xi tkun, forsi anki waħda li tneffaħ lis-sultan. Possibbiltà oħra hija li l-ittri setgħu jinqraw mhux ħażin. Madankollu, ladarba l-lingwi bħall-Aramajk u l-Ebrajk kienu jinkitbu mingħajr vokali, kull kelma setaʼ jkollha diversi tifsiriet possibbli. Jekk inhu hekk, l-għorrief x’aktarx li ma kellhomx il-ħila jiddeċiedu liema kliem kien intenzjonat. Anki kieku kellhom il-ħila jiddeċiedu, xorta waħda ma setgħux jifhmu t-tifsira tal-kliem sabiex jinterpretawh. Kien x’kien il-każ, ħaġa waħda hi żgura: l-għorrief taʼ Babilonja fallielhom—bl-ikrah!
12. Il-falliment taʼ l-għorrief x’wera?
12 B’hekk l-għorrief ġew esposti bħala imposturi, u l-ordni reliġjuż u meqjum tagħhom kien ingann. Kemm iddiżappuntaw! Meta Beltassar ra li l-fiduċja tiegħu f’dawn ir-reliġjonisti kienet għalxejn, sar iktar beżgħan, wiċċu sfar iktar, u saħansitra l-kbarat tiegħu “tħawwdu.”e—Danjel 5:9.
RAĠEL TAʼ DEHEN JISSEJJAĦ FUQ IL-POST
13. (a) Is-sultana għala ssuġġeriet li jissejjaħ Danjel? (b) Danjel liema tip taʼ ħajja kien qiegħed jgħix?
13 F’dan il-mument kritiku, is-sultana nfisha—x’aktarx is-sultana omm—daħlet fis-sala fejn kien hemm ikla kbira. Kienet semgħet bil-kommozzjoni fil-festa, u kienet taf b’wieħed li setaʼ jfisser il-kitba fuq il-ħajt. Għexur taʼ snin qabel, missierha, Nabukodonosor, kien ħatar lil Danjel fuq l-għorrief kollha tiegħu. Is-sultana ftakritu bħala bniedem bi “spirtu li ma bħalu, u dehen u għaqal.” Ladarba Danjel donnu li ma kienx magħruf maʼ Beltassar, x’aktarx li l-profeta kien tilef il-pożizzjoni għolja u governattiva tiegħu wara l-mewt taʼ Nabukodonosor. Imma Danjel ftit kien jimpurtah mill-prominenza. Sa dan iż-żmien hu x’aktarx li kien qabiżhom id-90 sena, u kien għadu qed jaqdi fedelment lil Jehovah. Minkejja xi tmenin sena taʼ eżilju f’Babilonja, hu kien għadu magħruf bl-isem Ebrajk tiegħu. Saħansitra s-sultana rreferiet għalih bħala Danjel, billi ma wżatx l-isem Babiloniż li kien ngħatalu darba. Tabilħaqq, hi ħeġġet lis-sultan: “Ħa jissejjaħ Danjel, u hu jagħti t-tifsira.”—Danjel 1:7; 5:10-12.
14. X’kienet il-pożizzjoni perikoluża taʼ Danjel malli ra l-kitba fuq il-ħajt?
14 Bagħtu għal Danjel u dan daħal quddiem Beltassar. Kienet ħaġa imbarazzanti li jintalab favur mingħand dan il-Lhudi li s-sultan kien għadu kif insultalu lil Alla tiegħu. Xorta waħda, Beltassar ipprova jneffaħ lil Danjel, billi offrielu l-istess premju—it-tielet post fis-saltna—kieku kellu jaqra u jispjega l-kliem misterjuż. (Danjel 5:13-16) Danjel refaʼ għajnejh lejn il-kitba fuq il-ħajt, u bis-saħħa taʼ l-ispirtu qaddis setaʼ jirrikonoxxi xi tfisser. Kien messaġġ taʼ kundanna mingħand Alla Jehovah! Kif setaʼ Danjel jippronunzja ġudizzju aħrax f’wiċċ dan is-sultan mimli bih innifsu—u fuq kollox quddiem in-nisa u l-kbarat tiegħu? Immaġina l-pożizzjoni perikoluża taʼ Danjel! Ġie hu influwenzat mill-kliem melliesi tas-sultan u l-offerta tiegħu taʼ għana u prominenza? Kien sejjer il-profeta jrattab id-dikjarazzjoni taʼ Jehovah?
15, 16. Beltassar kien naqas li jitgħallem liema lezzjoni vitali mill-passat, u kemm hu komuni llum nuqqas simili?
15 Danjel tkellem bil-kuraġġ, billi qal: “Ħa jibqgħu għalik ir-rigali tiegħek, u d-doni tiegħek agħtihom lil ħaddieħor. Madankollu l-kitba naqrahielu lis-sultan, u nagħtih it-tifsira tagħha.” (Danjel 5:17) Imbagħad, Danjel irrikonoxxa l-kobor taʼ Nabukodonosor, sultan tant potenti li kellu l-ħila joqtol, jattakka, jeżalta, jew jumilja lil kulmin kien jagħżel. Madankollu, Danjel fakkar lil Beltassar li kien Jehovah, “Alla l-[Iktar] Għoli,” li kien għamel lil Nabukodonosor kbir. Kien Jehovah li kien umilja lil dak is-sultan setgħan meta sar imkabbar. Iva, Nabukodonosor kien ġie sforzat jitgħallem li “Alla l-Għoli hu setgħani fuq is-saltna tal-bnedmin u jqiegħed fuqha ’l min irid.”—Danjel 5:18-21.
16 Beltassar ‘dan kollu kien jafu.’ Madankollu, ma kienx tgħallem mill-passat. Fil-fatt, hu kien għamel ħażen ferm akbar mid-dnub tal-kburija żbaljata taʼ Nabukodonosor u kkommetta att taʼ insolenza diretta kontra Jehovah. Danjel espona d-dnub tas-sultan. Barra minn hekk, quddiem dik l-assemblea pagana, lil Beltassar qallu bil-kuraġġ li l-allat foloz “la jaraw, la jisimgħu u lanqas jagħrfu.” Il-profeta kuraġġuż t’Alla żied li b’kuntrast maʼ dawk l-allat inutli, Jehovah hu dak Alla li “f’idejh tinsab ħajtek.” Sal-ġurnata tal-lum, in-nies jagħmlu allat minn affarijiet bla ħajja, billi jidolizzaw il-flus, il-karriera, il-prestiġju, u saħansitra l-pjaċiri. Imma ebda waħda minn dawn l-affarijiet ma tistaʼ tagħti l-ħajja. Jehovah waħdu hu l-wieħed li lilu lkoll kemm aħna nafu l-istess eżistenza tagħna, u li fuqu niddependu għal kull nifs li nieħdu.—Danjel 5:22, 23; Atti 17:24, 25.
ĦAĠA MOĦĠAĠA SOLVUTA!
17, 18. X’kienu l-erbaʼ kelmiet miktubin fuq il-ħajt, u x’inhu t-tifsir litterali tagħhom?
17 Il-profeta xwejjaħ issa ssokta jagħmel dak li wera li kien impossibbli għall-għorrief kollha taʼ Babilonja. Hu qara u interpreta l-kitba mnaqqxa fuq il-ħajt. Il-kelmiet kienu: “Mene, [Mene,] Teqel, Parsin.” (Danjel 5:24, 25) X’ifissru?
18 Litteralment, il-kelmiet ifissru “mina, mina, xekel, u nofs xekel.” Kull kelma kienet qies taʼ piż monetarju, elenkata skond il-valur tagħha, mill-kbira saż-żgħira. Mur sib tarf! Saħansitra kieku l-għorrief Babiloniżi kellhom il-ħila jidentifikaw l-ittri, xorta waħda m’hijiex sorpriża li ma setgħux jinterpretawhom.
19. X’kienet l-interpretazzjoni tal-kelma “Mene”?
19 Taħt l-influwenza taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla, Danjel spjega: “It-tifsira tal-kliem hija din: Mene, Alla għadd il-jiem taʼ saltnatek u temmha.” (Danjel 5:26) Il-konsonanti taʼ l-ewwel kelma ppermettew kemm il-kelma “mina” u kemm forma tal-kelma Aramajka għal “ikkontja,” jew “għadd,” skond il-vokali fornuti mill-qarrej. Danjel kien jaf sewwa li l-eżilju tal-Lhud kien riesaq lejn it-tmiem. Mill-perijodu mbassar tiegħu taʼ 70 sena, kienu diġà għaddew 68 sena. (Ġeremija 29:10) Il-Gran Padrun tal-Ħin, Jehovah, kien għadd il-jiem tar-renju taʼ Babilonja bħala qawwa dinjija, u t-tmiem kien eqreb milli kien jaħseb kulmin kien fl-ikla kbira taʼ Beltassar. Fil-fatt, iż-żmien kien spiċċa—mhux biss għal Beltassar imma wkoll għal missieru, Nabonidu. Din tistaʼ tkun ir-raġuni għala l-kelma “Mene” nkitbet darbtejn—biex tħabbar it-tmiem taʼ dawn iż-żewġ saltniet.
20. X’kienet l-ispjegazzjoni tal-kelma “Teqel,” u din kif applikat għal Beltassar?
20 Mill-banda l-oħra, il-kelma “Teqel” inkitbet darba biss u fis-singular. Dan jistaʼ jindika li kienet diretta primarjament lejn Beltassar. U dan kien ikun xieraq, għax hu kien personalment wera diżrispett kbir lejn Jehovah. Il-kelma nfisha tfisser “xekel,” imma l-konsonanti jippermettu wkoll il-kelma “wiżen.” B’hekk, Danjel qal lil Beltassar: “Teqel, intiżint fil-miżien u kont misjub nieqes fil-piż.” (Danjel 5:27) Għal Jehovah, ġnus sħaħ huma insinjifikanti bħal għabra trab fuq miżien. (Isaija 40:15) M’għandhomx il-qawwa jgħawġu l-iskopijiet tiegħu. Allura, sultan arroganti wieħed għal xiex setaʼ jammonta? Beltassar kien ipprova jeżalta lilu nnifsu fuq is-Sovran taʼ l-univers. Dan is-sempliċi bniedem kien ażżarda jinsulta lil Jehovah u jirridikola lill-qima pura imma kien ‘instab nieqes fil-piż.’ Iva, Beltassar kien jimmeritah bis-sħiħ il-ġudizzju li kien riesaq bil-ħeffa!
21. Il-kelma “Parsin” kif kienet logħba tripla tal-kliem, u din il-kelma x’indikat għall-futur taʼ Babilonja bħala qawwa dinjija?
21 L-aħħar kelma fuq il-ħajt kienet “Parsin.” Danjel qraha fil-forma singulari, “PERES,” x’aktarx għaliex kien qed jindirizza lil sultan wieħed waqt li l-ieħor kien assenti. Din il-kelma kienet il-quċċata tal-ħaġa moħġaġa l-kbira taʼ Jehovah b’logħba tripla tal-kliem. Litteralment, il-kelma “parsin” tfisser “nofs xekel.” Imma l-ittri jippermettu wkoll żewġ tifsiriet oħrajn—“qasmiet” u “Persjani.” Danjel b’hekk bassar: “PERES, inqasmet saltnatek u ngħatat lill-Medi u lill-Persjani.”—Danjel 5:28, Saydon.
22. Kif irreaġixxa Beltassar għas-soluzzjoni tal-ħaġa moħġaġa, u x’setgħet kienet it-tama tiegħu?
22 B’hekk il-ħaġa moħġaġa ssolviet. Babilonja s-setgħana kienet waslet biex taqaʼ taħt idejn il-qawwiet armati Medo-Persjani. Għalkemm avvilit b’din id-dikjarazzjoni taʼ kundanna, Beltassar żamm kelmtu. Hu qabbad lill-qaddejja tiegħu jlibbsu l-porpra lil Danjel, ixiddulu kullana tad-deheb, u jxandruh bħala t-tielet ħakkiem fis-saltna. (Danjel 5:29) Danjel ma rrifjutahomx dawn l-unuri, billi rrikonoxxa li dawn irriflettew l-unur mistħoqq lil Jehovah. M’għandniex xi ngħidu, Beltassar forsi ttama li jrattab il-ġudizzju taʼ Jehovah billi jonora lill-profeta Tiegħu. Jekk inhu hekk, dan sar tard wisq biex ikun effettiv.
IL-WAQGĦA TAʼ BABILONJA
23. Liema profezija antika kienet qed titwettaq saħansitra waqt li l-festa taʼ Beltassar kienet għadha sejra?
23 Saħansitra waqt li Beltassar u l-kbarat tiegħu fis-servizz irjali kienu qegħdin jixorbu bis-saħħa taʼ l-allat tagħhom u jirridikolaw lil Jehovah, sitwazzjoni drammatika ħafna kienet qed tiżvolġi fid-dlam barra l-palazz. Kienet qegħda titwettaq profezija mitkellma permezz taʼ Isaija kważi żewġ sekli qabel. Dwar Babilonja, Jehovah kien bassar: “Hawn jien biex insikket il-krib” kaġunat minnha. Iva, kellha tintemm l-oppressjoni tal-poplu magħżul t’Alla kaġunata minn dik il-belt mill-agħar. B’liema mezzi? L-istess profezija qalet: “Itlaʼ Għelam, assedja Medja!” Għelam kien sar parti mill-Persja wara żmien il-profeta Isaija. Sa żmien il-festa taʼ Beltassar, li kienet tbassret ukoll fl-istess profezija taʼ Isaija, il-Persja u l-Medja kienu tabilħaqq ngħaqdu flimkien biex ‘jitilgħu’ għal Babilonja u ‘jassedjawha.’—Isaija 21:1, 2, 5, 6.
24. Il-profezija taʼ Isaija kienet bassret liema dettalji rigward il-waqgħa taʼ Babilonja?
24 Fil-fatt, l-istess isem tal-mexxej taʼ dawn il-qawwiet armati kien tbassar, kif ukoll il-punti prinċipali taʼ l-istrateġija tal-battalja tiegħu. Xi 200 sena bil-quddiem, Isaija kien ipprofetizza li Jehovah kien se jidlek lil wieħed jismu Ċiru biex jattakka lil Babilonja. Matul l-attakki tiegħu, l-ostakli kollha kellhom jitwittew quddiemu. L-ilmijiet taʼ Babilonja kellhom ‘jinxfu,’ u l-bibien setgħanin tagħha kellhom jitħallew miftuħin. (Isaija 44:27–45:3) U hekk ġara. L-eżerċti taʼ Ċiru dawru x-Xmara Ewfrat għal rotta oħra, u b’hekk baxxew il-livell taʼ l-ilma sabiex ikunu jistgħu jgħaddu minn fuq qiegħ ix-xmara. Xi bibien fis-sur taʼ Babilonja kienu tħallew miftuħin minn għassiesa traskurati. Bħalma jaqblu xi storjografi sekulari, l-invażjoni tal-belt saret waqt li l-abitanti tagħha kienu qed jixxalaw. Babilonja ttieħdet bi ftit li xejn oppożizzjoni. (Ġeremija 51:30) Iżda, kien hemm għallinqas mewta waħda taʼ min jinnotaha. Danjel irrapporta: “Dak il-lejl Beltassar, is-sultan tal-Kaldin, qatluh. U Dariju l-Medi ħa s-saltna meta kellu madwar tnejn u sittin sena.”—Danjel 5:30; 6:1 [5:30, 31, NW].
NITGĦALLMU MILL-KITBA FUQ IL-ĦAJT
25. (a) Babilonja tal-qedem għala hi simbolu xieraq tas-sistema globali taʼ reliġjon falza tal-lum? (b) Il-qaddejja t’Alla taʼ żmienna f’liema sens kienu miżmumin fil-jasar f’Babilonja?
25 Ir-rakkont imnebbaħ f’kapitlu 5 taʼ Danjel huwa sinjifikanti ferm għalina. Bħala ċentru taʼ prattiċi reliġjużi foloz, Babilonja tal-qedem hija simbolu xieraq taʼ l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Iffigurata f’Apokalissi bħala mara żienja għatxana għad-demm, din it-taħlita globali taʼ qerq tissejjaħ “Babilonja l-Kbira.” (Apokalissi 17:5) Billi ma tatx kas tat-twissijiet kollha dwar il-prattiċi u d-duttrini foloz tagħha li jiddiżonoraw lil Alla, hi ppersegwitat lil dawk li jippridkaw il-verità tal-Kelma t’Alla. Bħall-abitanti taʼ Ġerusalemm u Ġuda tal-qedem, il-fdal leali taʼ Kristjani midlukin kienu effettivament eżiljati ġewwa “Babilonja l-Kbira” meta l-persekuzzjoni mqanqla mill-kleru kważi waqqfet għalkollox ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna fl-1918.
26. (a) “Babilonja l-Kbira” kif waqgħet fl-1919? (b) Aħna nfusna liema twissija għandna nagħtu kasha u naqsmuha maʼ ħaddieħor?
26 Iżda, f’daqqa waħda “Babilonja l-Kbira” waqgħet! M’għandniex xi ngħidu, din kienet prattikament waqgħa bla ħoss—sewwa sew bħalma Babilonja tal-qedem waqgħet kważi bla ħoss, fis-sena 539 Q.E.K. Imma din il-waqgħa figurattiva kienet devastanti xorta waħda. Din seħħet fl-1919 E.K. meta l-poplu taʼ Jehovah ġie liberat mill-jasar Babiloniż u tbierek bl-approvazzjoni divina. Dan temm il-qawwa li “Babilonja l-Kbira” kellha fuq il-poplu t’Alla u mmarka l-bidu tal-kxif pubbliku tagħha bħala ingann li mhux taʼ min jafdah. Dik il-waqgħa kienet bla fejqan, u l-qerda finali tagħha hija imminenti. Il-qaddejja taʼ Jehovah b’hekk qegħdin isemmgħu t-twissija: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi, biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha.” (Apokalissi 18:4) Tajt kasha int dik it-twissija? Taqsamha int maʼ ħaddieħor?f
27, 28. (a) Liema verità vitali qatt ma nesa Danjel? (b) Liema evidenza għandna li Jehovah dalwaqt se jaġixxi kontra d-dinja mill-agħar tal-lum?
27 Mela llum il-kitba qegħda fuq il-ħajt—imma mhux għal “Babilonja l-Kbira” biss. Ftakar verità vitali li hija ċentrali għall-ktieb taʼ Danjel: Jehovah hu s-Sovran Universali. Hu, u hu biss, għandu d-dritt li jqiegħed ħakkiem fuq l-umanità. (Danjel 4:14, 22 [4:17, 25, NW]; Danjel 5:21) Kwalunkwe ħaġa li topponi l-iskopijiet taʼ Jehovah se titneħħa min-nofs. Hija biss kwistjoni taʼ ftit żmien qabel ma Jehovah jaġixxi. (Ħabakkuk 2:3) Għal Danjel, dan iż-żmien ġie finalment meta hu kellu fuq id-disgħin sena. Dakinhar ra lil Jehovah jwarrab qawwa dinjija min-nofs—qawwa li kienet ilha taħqar lill-poplu t’Alla minn mindu Danjel kien għadu naqra taʼ tifel.
28 Hemm provi li ħadd ma jistaʼ jiċħadhom li Alla Jehovah stabbilixxa Ħakkiem għall-umanità fuq tron fis-sema. Il-fatt li d-dinja injorat lil dan is-Sultan u opponiet il-kariga taʼ ħakkiem tiegħu huwa evidenza żgura li Jehovah dalwaqt se jeqred għalkollox lil dawk kollha li jopponu lill-ħakma tas-Saltna. (Salm 2:1-11; 2 Pietru 3:3-7) Qiegħed int taġixxi minħabba l-urġenza taʼ żminijietna u tpoġġi l-fiduċja tiegħek fis-Saltna t’Alla? Jekk iva, int tassew tgħallimt mill-kitba fuq il-ħajt!
[Noti taʼ taħt]
a F’iskrizzjoni antika, is-Sultan Ċiru qal dwar Beltassar: “Bniedem taʼ karattru dgħajjef inħatar bħala l-[ħakkiem] taʼ pajjiżu.”
b Saħansitra dan id-dettall mill-aħjar tar-rakkont taʼ Danjel wera li kien eżatt. Xi arkeoloġi sabu li l-ħitan tal-palazzi f’Babilonja antika kienu magħmulin minn ġebel miksi bil-ġir.
c Is-superstizzjonijiet Babiloniżi x’aktarx li dan il-miraklu għamluh iktar taʼ twerwir. Il-ktieb Babylonian Life and History jinnota: “Minbarra l-għadd taʼ allat li l-Babiloniżi kienu jqimu, insibuhom ossessjonati ferm bit-twemmin fl-ispirti, u din l-ossessjoni kienet tant estrema li t-talb u s-seħer kontra tagħhom jifformaw parti kbira ferm mil-letteratura reliġjuża tagħhom.”
d Il-ġurnal Biblical Archaeology Review jinnota: “Esperti Babiloniżi kkatalogaw eluf taʼ sinjali taʼ tbassir. . . . Meta Beltassar esiġa li jkun jaf xi tfisser il-kitba fuq il-ħajt, l-għorrief taʼ Babilonja, bla dubju, fittxew f’dawn l-enċiklopediji dwar it-tbassir. Imma dawn ma swewlhom xejn.”
e Xi lessikografi jinnotaw li l-kelma wżata hawnhekk għal “tħawwdu” timplika kommozzjoni kbira, bħallikieku l-folla ntefgħet f’konfużjoni sħiħa.
f Ara paġni 205-71 tal-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand! (Rivelazzjoni—Il-Quċċata Grandjuża Tiegħu fil-Qrib!), pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
X’INNOTAJT?
• Il-festa taʼ Beltassar kif ġiet interrotta fil-lejl tal-5/6 t’Ottubru, tas-sena 539 Q.E.K.?
• X’kienet l-interpretazzjoni tal-kitba fuq il-ħajt?
• Liema profezija dwar il-waqgħa taʼ Babilonja kienet qed titwettaq waqt li l-festa taʼ Beltassar kienet għadha sejra?
• Ir-rakkont tal-kitba fuq il-ħajt liema tifsir għandu għal żmienna?
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 98]
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 103]