LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 19 pp. 148-155
  • “Ibqaʼ Tkellem u Taqtax Qalbek”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ibqaʼ Tkellem u Taqtax Qalbek”
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kellhom is-“Sengħa li Jagħmlu t-Tined” (Atti 18:1-4)
  • “Ħafna Korintin . . . Bdew Jemmnu” (Atti 18:5-8)
  • “Għad Għandi Ħafna Nies X’jinġabru fil-Belt” (Atti 18:9-17)
  • “Jekk Ġeħova Jrid” (Atti 18:18-22)
  • Il-Kelma taʼ Jehovah Tegħleb!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • “M’Iniex Responsabbli għall-Mewt taʼ Xi Ħadd”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Atti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 19 pp. 148-155

KAPITLU 19

“Ibqaʼ Tkellem u Taqtax Qalbek”

Pawlu jmantni lilu nnifsu, u madankollu jagħti prijorità lill-ministeru tiegħu

Ibbażat fuq Atti 18:1-22

1-3. L-appostlu Pawlu għala jmur Korintu, u liema sfidi jiffaċċja?

HIJA l-aħħar parti tas-sena 50 WK. L-appostlu Pawlu qiegħed f’Korintu, ċentru taʼ kummerċ għani li fih tgħix popolazzjoni kbira taʼ Griegi, Rumani, u Lhud.a Pawlu ma ġiex hawnhekk biex jixtri jew ibigħ xi affarijiet jew biex ifittex xi xogħol sekulari. Ġie Korintu għal raġuni bil-wisq iktar importanti—biex jagħti xhieda dwar is-Saltna t’Alla. Xorta waħda, Pawlu għandu bżonn post fejn joqgħod, u hu determinat li ma jkunx taʼ piż finanzjarju għal oħrajn. Ma jrid jagħti lil ħadd l-impressjoni li qed jistenna li oħrajn imantnuh minħabba l-ministeru tiegħu. X’se jagħmel?

2 Pawlu għandu sengħa—dik li jagħmel it-tined. Ix-xogħol tat-tined mhuwiex faċli, imma hu lest li jagħmel xogħol manwali biex imantni lilu nnifsu. Se jsib xogħol hawnhekk f’din il-belt mimlija attività? Se jsib post xieraq fejn joqgħod? Għalkemm qed jiffaċċja dawn l-isfidi, Pawlu ma jittraskurax ix-xogħol prinċipali tiegħu, il-ministeru.

3 Kif żvolġew l-affarijiet, Pawlu baqaʼ f’Korintu għal xi żmien, u l-ministeru tiegħu hemmhekk kellu riżultati liema bħalhom. X’nistgħu nitgħallmu mill-attivitajiet taʼ Pawlu f’Korintu li se jgħinna nagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla fit-territorju tagħna?

KORINTU—SID TAʼ ŻEWĠ IBĦRA

Korintu tal-qedem kienet biċċa art żgħira u dejqa, bejn l-art prinċipali tal-Greċja u l-peniżola tan-Nofsinhar, il-Peloponnese. L-art kienet wiesaʼ inqas minn sitt kilometri fl-idjaq biċċa tagħha, u għalhekk Korintu kellu żewġ portijiet. Fil-Golf taʼ Korintu kien hemm Lekew, port li minnu kienu jmorru lejn l-Italja, Sqallija, u Spanja, li jinsabu fil-Punent. Fil-Golf taʼ Saron, Kenkre kien jintuża għat-traffiku marittimu lejn u mir-reġjun Eġew, l-Asja Minuri, is-Sirja, u l-Eġittu.

Ladarba l-peniżoli fit-tarf nett tan-Nofsinhar tal-Peloponnese kienu perikolużi għall-bastimenti minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp, in-navigaturi spiss kienu jippreferu li jankraw f’wieħed miż-żewġ portijiet taʼ Korintu, jittrasportaw it-tagħbija tagħhom minn fuq l-art, u jerġgħu jgħabbuha fil-port l-ieħor. Bejn iż-żewġ portijiet kien hemm triq li kien fiha l-kanali u kien hemm pjattaforma li setgħet tgħaddi minn fuq dawn il-kanali. L-iġfna li ma kinux tqal ħafna setgħu jitqiegħdu fuq din il-pjattaforma u jiġu rmonkati bejn il-portijiet. B’hekk, il-pożizzjoni tal-belt kienet tippermettilha li tiddomina l-kummerċ marittimu bejn il-Lvant u l-Punent u wkoll in-negozju minn fuq l-art bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. Kummerċ bla waqfien ma ġabx biss għana f’Korintu, imma wkoll vizzji komuni f’ħafna portijiet.

Fi żmien l-appostlu Pawlu, Korintu kien il-belt kapitali tal-provinċja Rumana tal-Akaja u ċentru amministrattiv importanti. Id-diversità reliġjuża tal-belt tidher mill-fatt li kien hemm tempju għall-qima imperjali, niċeċ u tempji dedikati lil għadd taʼ divinitajiet Griegi u Eġizzjani, u sinagoga Lhudija.—Atti 18:4.

Il-kompetizzjonijiet atletiċi li kienu jinżammu kull sentejn f’Isthmia li kienet fil-viċin, kienu t-tieni fl-importanza wara l-Logħob Olimpiku biss. L-appostlu Pawlu x’aktarx li kien f’Korintu matul il-logħob tas-sena 51 WK. Għal din ir-raġuni, dizzjunarju tal-Bibbja jikkummenta, “ma jistax ikun li kien b’kumbinazzjoni li l-ewwel darba li uża lingwa figurattiva li fiha termini atletiċi tidher f’ittra lill-Korintin.”—1 Kor. 9:24-27.

Kellhom is-“Sengħa li Jagħmlu t-Tined” (Atti 18:1-4)

4, 5. (a) Pawlu fejn qagħad waqt li kien Korintu, u liema xogħol sekulari għamel? (b) Pawlu kif għandu mnejn tgħallem jagħmel it-tined?

4 Xi żmien wara li wasal Korintu, Pawlu ltaqaʼ maʼ koppja ospitabbli—Lhudi naturali jismu Akwila u martu, Prixilla, jew Priska. Il-koppja marru joqogħdu f’Korintu minħabba digriet mill-Imperatur Klawdju li ordna “lil-Lhud kollha biex jitilqu minn Ruma.” (Atti 18:1, 2) Akwila u Prixilla lil Pawlu ma laqgħuhx biss f’darhom imma wkoll fin-negozju tagħhom. Naqraw: “[Pawlu] qagħad id-dar tagħhom, u ħadem magħhom peress li kellhom l-istess sengħa li jagħmlu t-tined” (Atti 18:3) Matul il-ministeru tiegħu f’Korintu, Pawlu baqaʼ jgħix fid-dar taʼ din il-koppja qalbha tajba. Waqt li kien qed joqgħod m’Akwila u Prixilla, Pawlu għandu mnejn kiteb xi ftit mill-ittri li iktar tard saru parti mil-lista tal-kotba mqaddsin.b

5 Kif jistaʼ jkun li Pawlu, raġel li kien ġie mgħallem “b’mod personali minn Gamaljel” kellu wkoll is-sengħa taʼ li jagħmel it-tined? (Atti 22:3) Il-Lhud tal-ewwel seklu milli jidher ma kinux iqisuh bħala xi ħaġa li tnaqqas id-dinjità li jgħallmu sengħa lil uliedhom, avolja tfal bħal dawn għandhom mnejn irċivew ukoll iktar edukazzjoni. Pawlu x’aktarx li tgħallem is-sengħa f’żgħożitu peress li kien minn Tarsu fiċ-Ċiliċja, il-post famuż għad-drapp imsejjaħ ċiliċjum li minnu jagħmlu t-tined. Ix-xogħol tat-tined x’kien jinvolvi? Is-sengħa setgħet involviet l-insiġ tad-drapp tat-tined jew il-qtugħ u l-ħjata tad-drapp oħxon u iebes sabiex isiru t-tined. B’mod jew ieħor, dan kien xogħol iebes.

6, 7. (a) Pawlu kif kien iqisu x-xogħol tat-tined, u x’jindika li Akwila u Prixilla kienu jqisuh bħalu? (b) Illum, il-Kristjani kif isegwu l-eżempju taʼ Pawlu, Akwila, u Prixilla?

6 Pawlu ma kkunsidrax ix-xogħol tat-tined bħala l-vokazzjoni, jew il-karriera, tiegħu. Kien jaħdem f’din is-sengħa sempliċement biex imantni lilu nnifsu fil-ministeru, u jxandar l-aħbar tajba “bla ħlas.” (2 Kor. 11:7) Akwila u Prixilla kif kienu jqisuha s-sengħa tagħhom? Bħala Kristjani, huma mingħajr dubju kienu jqisu x-xogħol sekulari kif kien iqisu Pawlu. Fil-fatt, meta Pawlu telaq minn Korintu fis-sena 52 WK, Akwila u Prixilla marru miegħu Efesu, u darhom hemmhekk kienet tintuża bħala l-post fejn tiltaqaʼ l-kongregazzjoni lokali. (1 Kor. 16:19) Iktar tard, huma rritornaw lejn Ruma u mbagħad reġgħu marru lura Efesu. Din il-koppja żeluża poġġiet l-interessi tas-Saltna l-ewwel u minn rajha tat minnha nfisha biex taqdi lil oħrajn, u b’hekk kisbet il-gratitudni tal-“kongregazzjonijiet kollha tal-ġnus.”—Rum. 16:3-5; 2 Tim. 4:19.

7 Il-Kristjani taʼ żmienna jsegwu l-eżempju taʼ Pawlu, Akwila, u Prixilla. Illum, ministri żelużi jaħdmu iebes ‘biex ma jkunux taʼ piż finanzjarju’ għal oħrajn. (1 Tess. 2:9) Xi ħaġa taʼ min ifaħħarha hi li ħafna proklamaturi tas-Saltna full-time jaħdmu part-time jew jaħdmu f’ċertu żmien tas-sena biex imantnu lilhom infushom fil-vokazzjoni tagħhom, il-ministeru Kristjan. Bħal Akwila u Prixilla, ħafna qaddejja taʼ Ġeħova qalbhom tajba jiftħu djarhom għall-indokraturi li jivvjaġġaw. B’hekk, dawk li ‘juru dejjem l-ospitalità’ jafu kemm il-fatt li jagħmlu hekk jistaʼ jkun inkuraġġanti u edifikanti.—Rum. 12:13.

ITTRI ISPIRATI LI TAW INKURAĠĠIMENT

Matul it-18-il xahar li qagħad f’Korintu, madwar is-snin 50-52 WK, l-appostlu Pawlu minn tal-inqas kiteb żewġ ittri li saru parti mill-Iskrittura Griega Kristjana—l-Ewwel u t-Tieni Tessalonikin. Hu kiteb l-ittra tiegħu lill-​Galatin jew matul l-istess żmien jew ftit wara.

L-Ewwel Tessalonikin hija l-ewwel kitba ispirata taʼ Pawlu. Pawlu żar Tessalonika f’madwar is-sena 50 WK, matul it-tieni vjaġġ taʼ ppritkar tiegħu. Il-kongregazzjoni li ġiet stabbilita hemmhekk malajr kellha tiffaċċja l-oppożizzjoni, li ġiegħlet lil Pawlu u lil Sila jitilqu mill-belt. (Atti 17:1-10, 13) Peress li kien inkwetat dwar il-benesseri taʼ din il-kongregazzjoni l-ġdida, Pawlu darbtejn ipprova jmur lura, imma ‘Satana għalaqlu t-triq.’ Għalhekk, Pawlu bagħat lil Timotju biex ifarraġ u jsaħħaħ lill-aħwa. X’aktarx li lejn l-aħħar tas-sena 50 WK, Timotju reġaʼ ngħaqad maʼ Pawlu f’Korintu u ġab rapport tajjeb dwar il-kongregazzjoni taʼ Tessalonika. Wara dan, Pawlu kiteb din l-ittra.—1 Tess. 2:17–3:7.

It-Tieni Tessalonikin probabbilment inkitbet ftit wara l-ewwel ittra, forsi fis-sena 51 WK. Fiż-żewġ ittri, Timotju u Silvanu (imsejjaħ Sila fl-​Atti) ngħaqdu maʼ Pawlu f’li jibagħtu t-tislijiet, imma m’għandna mkien miktub li dawn it-tlieta reġgħu kienu flimkien wara ż-żmien li Pawlu qattaʼ f’Korintu. (Atti 18:5, 18; 1 Tess. 1:1; 2 Tess. 1:1) Pawlu għala kiteb din it-tieni ittra? Milli jidher kien irċieva iktar aħbarijiet dwar il-kongregazzjoni, forsi permezz tal-persuna li kienet wasslet l-ewwel ittra tiegħu. Dan ir-rapport qanqal lil Pawlu mhux biss biex ifaħħar lill-aħwa għall-imħabba u s-sabar tagħhom, imma wkoll biex jikkoreġi l-idea taʼ xi wħud f’Tessalonika li l-preżenza tal-Mulej kienet imminenti.—2 Tess. 1:3-12; 2:1, 2.

L-ittra taʼ Pawlu lill-​Galatin timplika li hu kien żarhom minn tal-inqas darbtejn qabel ma kitbilhom. Fis-snin 47-48 WK, Pawlu u Barnaba żaru Antjokja tal-Pisidja, Ikonju, Listra, u Derbe, li kollha kienu fil-provinċja Rumana tal-Galazja. Fis-sena 49 WK, Pawlu mar lura fl-istess inħawi maʼ Sila. (Atti 13:1–14:23; 16:1-6) Pawlu kiteb din l-ittra minħabba li l-​Ġudaisti, li waslu ftit wara ż-żjara taʼ Pawlu, issa kienu qed jgħallmu li ċ-ċirkonċiżjoni u l-osservanza tal-Liġi taʼ Mosè kienu neċessarji għall-Kristjani. Mingħajr dubju, Pawlu kiteb lill-​Galatin malli semaʼ dwar dan it-tagħlim falz. Jistaʼ jkun li kiteb minn Korintu, imma huwa possibbli wkoll li kiteb jew minn Efesu, matul waqfa qasira fil-vjaġġ tiegħu lura lejn Antjokja tas-Sirja, jew minn Antjokja stess.—Atti 18:18-23.

“Ħafna Korintin . . . Bdew Jemmnu” (Atti 18:5-8)

8, 9. Pawlu x’għamel meta x-xhieda qawwija li ta lil-Lhud ġiet wiċċ imb wiċċ mal-oppożizzjoni, u mbagħad fejn mar jipprietka?

8 Il-fatt li Pawlu qies ix-xogħol sekulari tiegħu bħala għajnuna biex iwettaq il-ministeru tiegħu sar ovvju meta Sila u Timotju waslu mill-Maċedonja b’għotjiet ġenerużi. (2 Kor. 11:9) Immedjatament, Pawlu “uża l-ħin kollu tiegħu biex jipprietka l-messaġġ [“ta ruħu kollu kemm hu għax-xandir,” Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija].” (Atti 18:5) Madankollu, ix-xhieda qawwija li ta lil-Lhud ġabitu wiċċ imb wiċċ m’oppożizzjoni konsiderevoli. Filwaqt li rrifjuta li jibqaʼ jkun responsabbli talli ma ridux jaċċettaw il-messaġġ li jsalva l-ħajjiet dwar il-Kristu, Pawlu farfar ħwejġu u qal lill-opponenti Lhud tiegħu: “Intom se tkunu ħatjin għal dak li se jiġrilkom. Jien m’iniex ħati. Mil-lum ’il quddiem jien se mmur għand in-nies taʼ popli oħra.”—Atti 18:6; Eżek. 3:18, 19.

9 Allura, issa fejn kien se jipprietka Pawlu? Raġel jismu Tizju Ġustu, li x’aktarx kien proselita Lhudi li daru kienet tmiss mas-sinagoga, fetaħ daru għal Pawlu. Għalhekk, Pawlu mis-sinagoga mar fid-dar taʼ Ġustu. (Atti 18:7) Pawlu baqaʼ joqgħod fid-dar t’Akwila u Prixilla waqt li kien f’Korintu, imma d-dar taʼ Ġustu saret iċ-ċentru li minnu l-appostlu wettaq l-attività tal-ippritkar tiegħu.

10. X’juri li Pawlu ma kienx determinat li jipprietka biss lin-nies tal-ġnus?

10 L-istqarrija taʼ Pawlu li minn dakinhar ’il quddiem kien se jmur għand in-nies tal-ġnus, kienet tfisser li hu ma kienx se jagħti kas iktar il-Lhud u l-proseliti Lhud kollha, saħansitra dawk li wieġbu b’mod favorevoli? Ma jistax ikun li dan kien il-każ. Pereżempju, “Krispu, il-mexxej tas-sinagoga, u dawk kollha fil-familja tiegħu saru dixxipli tal-Mulej.” Evidentement, numru minn dawk assoċjati mas-sinagoga ngħaqdu maʼ Krispu, għax il-Bibbja tgħid: “Ħafna Korintin li semgħu l-aħbar tajba bdew jemmnu u jitgħammdu.” (Atti 18:8) B’hekk, id-dar taʼ Tizju Ġustu saret il-post fejn kienet tiltaqaʼ l-kongregazzjoni Kristjana taʼ Korintu li kienet għadha kif ġiet stabbilita. Jekk ir-rakkont tal-​Atti hu preżentat bl-istil karatteristiku taʼ Luqa—jiġifieri, b’mod kronoloġiku—mela l-konverżjoni taʼ dawn il-Lhud jew proseliti seħħet wara li Pawlu farfar ħwejġu. Din il-ġrajja kieku turi b’mod ċar li l-appostlu kien lest li jaġġusta ruħu għal ċirkustanzi differenti.

11. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum, kif jimitaw lil Pawlu hekk kif jipprovaw jikkomunikaw maʼ dawk fil-Kristjaneżmu?

11 Illum, f’ħafna artijiet, il-knejjes tal-Kristjaneżmu huma stabbiliti sew u għandhom influwenza kbira fuq il-membri tagħhom. F’xi pajjiżi u gżejjer, il-missjunarji tal-Kristjaneżmu kkonvertew ħafna nies. Nies li jsostnu li huma Kristjani spiss huma marbutin bit-tradizzjonijiet, kif kienu l-Lhud taʼ Korintu tal-ewwel seklu. Xorta waħda, bħal Pawlu, aħna bħala x-Xhieda taʼ Ġeħova b’mod żeluż nipprovaw nikkomunikaw maʼ nies bħal dawn, billi nkomplu nibnu fuq kwalunkwe għarfien Skritturali li forsi diġà għandhom. Anki meta jopponuna jew il-mexxejja reliġjużi tagħhom jippersegwitawna, ma naqtgħux qalbna. Fost dawk li “għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-għarfien eżatt,” jistaʼ jkun hemm ħafna wħud ġwejdin li għandna bżonn infittxuhom u nsibuhom.—Rum. 10:2.

“Għad Għandi Ħafna Nies X’jinġabru fil-Belt” (Atti 18:9-17)

12. Pawlu liema garanzija rċieva f’viżjoni?

12 Jekk Pawlu kellu xi dubju dwar jekk kellux ikompli l-ministeru tiegħu f’Korintu, żgur li sparixxa fil-lejl li fih il-Mulej Ġesù deherlu f’viżjoni u qallu: “Tibżax, imma ibqaʼ tkellem u taqtax qalbek, għax għad għandi ħafna nies x’jinġabru fil-belt. Għalhekk, jien se nkun miegħek u ħadd mhu se jattakkak u jagħmillek il-ħsara.” (Atti 18:9, 10) X’viżjoni inkuraġġanti! Il-Mulej innifsu aċċerta lil Pawlu li kien se jiġi protett mill-ħsara u li fil-belt kien hemm ħafna wħud li jixirqilhom. Pawlu kif wieġeb għall-viżjoni? Naqraw: “Hu qagħad hemm għal sena u nofs jgħallimhom dak li jgħid Alla.”—Atti 18:11.

13. Pawlu f’liema ġrajja għandu mnejn ħaseb hekk kif resaq lejn it-tron tal-ġudizzju, imma liema raġuni kellu biex jistenna riżultat differenti?

13 Wara li qattaʼ madwar sena f’Korintu, Pawlu rċieva iktar evidenza tal-appoġġ tal-Mulej. “Il-Lhud ftiehmu, attakkaw lil Pawlu, u ħaduh fil-post fejn isir ġudizzju.” (Atti 18:12) Xi wħud jaħsbu li dan kien pjattaforma merfugħa magħmula minn irħam blu u abjad kollu tinqix dekorattiv. Dan it-tron tal-ġudizzju għandu mnejn kien viċin iċ-ċentru tas-suq taʼ Korintu. Il-fetħa taʼ quddiem it-tron tal-ġudizzju kienet kbira biżżejjed biex tinġabar folla mdaqqsa. Skoperti arkeoloġiċi jissuġġerixxu li t-tron tal-ġudizzju setaʼ kien biss ftit passi ’l bogħod mis-sinagoga, u għalhekk viċin ukoll id-dar taʼ Ġustu. Hekk kif Pawlu resaq lejn it-tron tal-ġudizzju għandu mnejn ħaseb dwar it-tħaġġir taʼ Stiefnu, li kultant issir referenza għalih bħala l-ewwel martri Kristjan. Pawlu, li dak iż-żmien kien magħruf bħala Sawl, kien “approva dan il-qtil.” (Atti 8:1) Kienet se tiġrilu xi ħaġa simili issa lil Pawlu? Le, għax hu kien ġie mwiegħed: “Ħadd ma hu se . . . jagħmillek ħsara.”—Atti 18:10, GħBM.

Galljon ikeċċi lill-akkużaturi taʼ Pawlu. Is-suldati Rumani qed jippruvaw jikkontrollaw il-folla rrabjata.

“Għalhekk keċċiehom mill-post fejn isir ġudizzju.”—Atti 18:16

14, 15. (a) Il-Lhud attakkaw lil Pawlu b’liema akkuża, u Galljon għala għalaq il-każ? (b) Xi ġralu Sostene, u x’setaʼ sar minnu?

14 X’ġara meta Pawlu tressaq quddiem it-tron tal-ġudizzju? L-amministratur li kellu l-kariga kien il-prokonslu tal-Akaja, jismu Galljon—dan kien ħu l-filosfu Ruman Seneka u kien akbar minnu. Il-Lhud attakkaw lil Pawlu b’din l-akkuża: “Dan ir-raġel qed jikkonvinċi lin-nies biex iqimu lil Alla b’mod li jmur kontra l-liġi.” (Atti 18:13) Il-Lhud implikaw li Pawlu kien qed jikkonverti lin-nies b’mod illegali. Madankollu, Galljon ra li Pawlu ma kien għamel ebda “ħaġa ħażina” u ma kienx ħati taʼ xi “att kriminali serju.” (Atti 18:14) Galljon ma kellu ebda intenzjoni li jinvolvi ruħu fil-kontroversji tal-Lhud. Tant, li qabel ma Pawlu lissen saħansitra kelma waħda biex jiddefendi ruħu, Galljon għalaq il-każ! L-akkużaturi kienu inkorlati. Huma sfogaw ir-rabja tagħhom fuq Sostene, li x’aktarx kien ħa post Krispu bħala l-uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga. Huma ħatfu lil Sostene “u bdew isawtuh quddiem il-post fejn isir ġudizzju.”—Atti 18:17.

15 Galljon għala ma żammx lill-folla milli jsawtu lil Sostene? Forsi Galljon ħaseb li Sostene kien il-perċimes tar-rewwixta kontra Pawlu, u għalhekk kien qed jieħu dak li ħaqqu. Jekk dan kienx il-każ jew le, il-ġrajja jistaʼ jkun li kellha riżultat tajjeb. Fl-ewwel ittra tiegħu lill-kongregazzjoni tal-Korintin, miktuba diversi snin wara, Pawlu rrefera għal ċertu Sostene bħala ħu. (1 Kor. 1:1, 2) Kien dan l-istess Sostene li ġie msawwat f’Korintu? Jekk inhu hekk, l-esperjenza taʼ wġigħ għandha mnejn għenet lil Sostene jħaddan il-Kristjanità.

16. Il-kliem tal-Mulej, “ibqaʼ tkellem u taqtax qalbek, . . . Jien se nkun miegħek,” liema effett għandu fuq il-ministeru tagħna?

16 Ftakar li kien wara li l-Lhud ċaħdu l-ippritkar taʼ Pawlu li l-Mulej Ġesù aċċerta lil Pawlu: “Tibżax, imma ibqaʼ tkellem u taqtax qalbek, . . . Jien se nkun miegħek.” (Atti 18:9, 10) Nagħmlu tajjeb li nżommu dan il-kliem f’moħħna, speċjalment meta l-messaġġ tagħna jiġi miċħud. Qatt tinsa li Ġeħova jaqra l-qlub u jiġbed lil uħud taʼ qalb onesta lejh. (1 Sam. 16:7; Ġw. 6:44) X’inkuraġġiment hu dan għalina biex nibqgħu beżlin fil-ministeru! Kull sena mijiet t’eluf qed jitgħammdu—mijiet kuljum. Lil dawk li jobdu l-kmand biex ‘jgħallmu lin-nies mill-popli kollha,’ Ġesù joffri din iċ-ċertezza: “Jien se nibqaʼ magħkom sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.”—Mt. 28:19, 20.

“Jekk Ġeħova Jrid” (Atti 18:18-22)

17, 18. Pawlu fuq xiex għandu mnejn irrifletta hekk kif telaq lejn Efesu?

17 Ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert jekk l-attitudni taʼ Galljon lejn l-akkużaturi taʼ Pawlu rriżultatx f’perijodu taʼ paċi għall-kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kif ġiet stabbilita f’Korintu. Madankollu, Pawlu baqaʼ hemmhekk għal “xi żmien” qabel ma sellem lil ħutu Korintin. Fir-rebbiegħa tas-sena 52 WK, hu ppjana li jitlaq lejn is-Sirja mill-port taʼ Kenkre, madwar 11-il kilometru lejn il-Lvant taʼ Korintu. Imma qabel ma telaq minn Kenkre, Pawlu “qataʼ xagħru. . . , għax kien għamel wegħda.”c (Atti 18:18) Wara dan, hu ħa lil Akwila u Prixilla miegħu u qasam il-Baħar Eġew lejn Efesu fl-Asja Minuri.

18 Hekk kif Pawlu telaq minn Kenkre, hu x’aktarx li rrifletta fuq iż-żmien li qattaʼ f’Korintu. Kellu ħafna memorji sbieħ u bosta raġunijiet biex iħoss sodisfazzjon profond. Il-ministeru tiegħu taʼ 18-il xahar hemmhekk kien ipproduċa riżultati tajbin. Kienet ġiet stabbilita l-ewwel kongregazzjoni f’Korintu, u d-dar taʼ Ġustu kienet il-post fejn kienu jiltaqgħu. Fost dawk li saru kredenti kien hemm Ġustu, Krispu u taʼ daru, u ħafna oħrajn. Dawn l-aħwa ġodda kienu għeżież għal Pawlu, għax hu kien għenhom isiru Kristjani. Iktar tard, hu kien se jiktbilhom u jiddeskrivihom bħala ittra taʼ rakkomandazzjoni mnaqqxa f’qalbu. Aħna wkoll inħossuna qrib dawk li kellna l-privileġġ li ngħinuhom iħaddnu l-qima vera. Kemm hu taʼ sodisfazzjon li naraw “ittri taʼ rakkomandazzjoni” ħajjin bħal dawn!—2 Kor. 3:1-3.

19, 20. Pawlu x’għamel malli wasal Efesu, u aħna x’nitgħallmu minnu dwar li nipprovaw nilħqu miri spiritwali?

19 Malli wasal Efesu, Pawlu immedjatament mar fuq xogħlu. Hu “mar fis-sinagoga jirraġuna mal-Lhud.” (Atti 18:19) F’din l-okkażjoni, Pawlu baqaʼ f’Efesu għal perijodu qasir biss. Għalkemm talbuh biex jibqaʼ iktar, “hu ma riedx.” Meta sellmilhom, hu qal lill-​Efesin: “Jekk Ġeħova jrid, nerġaʼ niġi għandkom.” (Atti 18:20, 21) Pawlu mingħajr dubju rrikonoxxa li kien hemm ħafna ppritkar xi jsir f’Efesu. L-appostlu ppjana li jirritorna, imma għażel li jħalli kollox f’idejn Ġeħova. Mhuwiex dan eżempju mill-aħjar għalina biex inżommuh f’moħħna? Meta nipprovaw nilħqu miri spiritwali, għandna bżonn nieħdu l-inizjattiva. Madankollu, dejjem għandna nistrieħu fuq id-direzzjoni taʼ Ġeħova u nistinkaw biex naġixxu f’armonija mar-rieda tiegħu.—Ġak. 4:15.

20 Lil Akwila u Prixilla, Pawlu ħalliehom f’Efesu, u baħħar u niżel Ċesarija. Milli jidher “telaʼ” Ġerusalemm u sellem lill-kongregazzjoni t’hemmhekk. (Ara nota taʼ studju bl-Ingliż f’​Atti 18:22, nwtsty.) Imbagħad Pawlu mar id-dar tiegħu—f’Antjokja tas-Sirja. It-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu wasal fi tmiemu u kien taʼ suċċess. X’kien hemm jistennieh fl-aħħar vjaġġ missjunarju tiegħu?

IL-WEGĦDA TAʼ PAWLU

Atti 18:18 jgħid li meta Pawlu kien f’Kenkre, “qataʼ xagħru. . . , għax kien għamel wegħda.” X’tip taʼ wegħda kienet?

Ġeneralment, wegħda hi meta persuna tgħid lil Alla li se tagħmel xi ħaġa, li se tagħtih xi ħaġa, jew li se taqdih b’xi mod speċjali. Xi wħud jaħsbu li Pawlu qataʼ xagħru biex iwettaq wegħda Nażirita. Imma għandu jiġi notat li skont l-Iskrittura, wara li jtemm perijodu taʼ servizz speċjali lil Ġeħova, Nażirit kellu jqaxxar rasu “fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.” Jidher li ħtieġa bħal din setgħet titwettaq biss f’Ġerusalemm, u b’hekk mhux f’Kenkre.—Num. 6:5, 18.

Ir-rakkont tal-​Atti ma jgħid xejn rigward meta Pawlu għamel il-wegħda tiegħu. Jistaʼ jkun li għamilha saħansitra qabel ma sar Kristjan. Ir-rakkont lanqas jgħidilna jekk Pawlu talabx xi ħaġa speċifika lil Ġeħova. Xogħol wieħed taʼ referenza jissuġġerixxi li Pawlu setaʼ qataʼ xagħru bħala “espressjoni taʼ radd il-ħajr lil Alla għall-protezzjoni tiegħu, li kienet ippermettiet [lil Pawlu] ikompli l-ministeru tiegħu f’Korintu.”

a Ara l-kaxxa “Korintu—Sid taʼ Żewġ Ibħra.”

b Ara l-kaxxa “Ittri Ispirati li Taw Inkuraġġiment.”

c Ara l-kaxxa “Il-Wegħda taʼ Pawlu.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja