KAPITLU 25
Kif Nistaʼ Negħleb il-Vizzju tal-Masturbazzjoni?
“Qbadt il-vizzju tal-masturbazzjoni meta kelli tmien snin. Imbagħad, tgħallimt x’inhi l-ħarsa t’Alla dwar din il-kwistjoni. Kull darba li kont naqaʼ fit-tentazzjoni kont inħossni veru ħażin. Bejni u bejn ruħi kont ngħid: ‘Alla kif jistaʼ jħobb lil xi ħadd bħali?’”—Luiz.
META tkun fiż-żmien tal-pubertà, ix-xewqat sesswali jistgħu jsiru partikolarment qawwijin. Bħala riżultat, għandek mnejn taqaʼ fil-vizzju tal-masturbazzjoni.a Ħafna wħud għandhom mnejn jgħidu li l-masturbazzjoni mhi xejn gravi. Huma jirraġunaw: “Ma tkun qed tagħmel ħsara lil ħadd.” Madankollu, hemm raġuni tajba biex tevita dan il-vizzju. L-appostlu Pawlu kiteb: ‘Għalhekk, mewtu l-membri taʼ ġisimkom . . . fejn jidħol . . . l-aptit sesswali.’ (Kolossin 3:5) Il-masturbazzjoni mhux talli ma tmewwitx l-aptit sesswali, imma talli żżidu iktar. Barra minn hekk, ikkunsidra dan li ġej:
● Il-masturbazzjoni ġġiegħel lil dak li jkun jiżviluppa attitudni totalment egoistika. Pereżempju, meta tkun qed timmasturba, persuna tkun medhija fis-sensazzjonijiet taʼ ġisimha stess.
● Il-masturbazzjoni ġġiegħel lil dak li jkun iħares lejn dawk tas-sess oppost bħala sempliċi oġġetti biex jissodisfa lilu nnifsu.
● Il-ħsibijiet egoistiċi li jirriżultaw minħabba l-vizzju tal-masturbazzjoni jistgħu jagħmluha diffiċli biex jinkiseb sodisfazzjon mir-relazzjonijiet sesswali fiż-żwieġ.
Minflok ma ddur għall-masturbazzjoni biex tissodisfa x-xenqiet sesswali li jkollok miġmugħin ġo fik, stinka biex tikkultiva r-rażan. (1 Tessalonikin 4:4, 5) Sabiex tiġi megħjun tagħmel dan, il-Bibbja tissuġġerixxi li tevita ċirkustanzi li għandhom mnejn iqanqluk sesswalment. (Proverbji 5:8, 9) Iżda, xi ngħidu jekk rikbek il-vizzju tal-masturbazzjoni? Forsi pprovajt tieqaf imma kien kollu għalxejn. Ikun faċli tikkonkludi li ma tistax tinbidel u li m’intix kapaċi tgħix fi qbil mal-livelli t’Alla. Fil-fatt, ġuvni jismu Pedro hekk kien iħares lejh innifsu. Hu jgħid: “Meta kont inċedi għat-tentazzjoni, kont inħossni veru ħażin. Ħsibt li qatt ma stajt ningħata maħfra għal dak li kont għamilt. Kont insibha diffiċli biex nitlob.”
Jekk int tħossok hekk, qawwi qalbek. Il-każ tiegħek mhuwiex bla tama. Ħafna żgħażagħ—u adulti—għelbu l-vizzju tal-masturbazzjoni. Anki int tistaʼ!
Kif Tistaʼ Tegħleb is-Sentimenti taʼ Ħtija
Bħalma diġà rajna, dawk li qabdu l-vizzju tal-masturbazzjoni spiss jinħakmu minn sentimenti taʼ ħtija. Bla dubju, li ‘ssewwed qalbek fi qbil mar-rieda t’Alla’ jistaʼ jagħtik inċentiv biex tegħleb il-vizzju. (2 Korintin 7:11) Iżda l-ħtija żejda jistaʼ jkollha r-riżultat oppost. Tant tistaʼ ġġiegħlek tħossok skuraġġit li kulma tkun trid tagħmel hu li taqtaʼ qalbek.—Proverbji 24:10.
Mela agħmel ħiltek kollha biex ikollok ħarsa bilanċjata lejn is-sitwazzjoni. Il-masturbazzjoni hija forma taʼ nuqqas taʼ ndafa. Tistaʼ tagħmlek ‘ilsir taʼ diversi xewqat u pjaċiri,’ u twasslek biex tiżviluppa attitudnijiet ħżiena. (Titu 3:3) Madankollu, il-masturbazzjoni mhijiex forma taʼ immoralità sesswali gravi, bħalma hi l-fornikazzjoni. (Ġuda 7) Jekk għandek il-problema tal-masturbazzjoni, taħsibx li kkommettejt xi dnub li ma jinħafirx. Is-sigriet hu li tirreżisti x-xenqa u li qatt ma taqtaʼ qalbek!
Huwa faċli li tħossok qalbek maqtugħa wara li tkun ċedejt għat-tentazzjoni. Meta jiġrilek hekk, ftakar fil-kliem taʼ Proverbji 24:16: “Il-ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum; imma n-nies mill-agħar se jitfixklu minħabba l-gwaj.” Jekk għal xi żmien tkun waqajt fit-tentazzjoni ma jfissirx li int persuna mill-agħar. Mela taqtax qalbek. Minflok, analizza xi jkun wasslek biex iċċedi għat-tentazzjoni u pprova evita li tirripeti l-istess affarijiet li wassluk għall-masturbazzjoni.
Ħu l-ħin biex timmedita fuq l-imħabba u l-ħniena t’Alla. Is-salmista David, li ġieli dineb minħabba dgħufija personali, stqarr: “Bħalma missier juri ħniena maʼ wliedu, Ġeħova wera ħniena maʼ dawk li jibżgħu minnu. Għax hu jaf tajjeb kif aħna msawrin, u jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:13, 14) Tabilħaqq, Ġeħova jaf li aħna imperfetti u huwa ‘lest li jaħfer.’ (Salm 86:5) Mill-banda l-oħra, hu jridna nagħmlu sforz biex nitjiebu. Mela liema passi prattiċi tistaʼ tieħu biex tegħleb il-vizzju li għandek?
Analizza d-divertiment tiegħek. Tara int films, programmi fuq it-televixin, jew websajts fuq l-Internet li jqanqluk sesswalment? B’għerf, is-salmista talab lil Alla: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.”b—Salm 119:37.
Agħmel sforz biex iżżomm moħħok iffokat fuq affarijiet oħrajn. William, li hu Kristjan, jagħti dan il-parir: “Qabel ma tmur torqod, aqra xi ħaġa bbażata fuq il-Bibbja. Huwa importanti ħafna li l-aħħar ħsieb tal-ġurnata jkun wieħed spiritwali.”—Filippin 4:8.
Tkellem maʼ xi ħadd dwar il-problema. Il-mistħija għandha mnejn tagħmilhielek diffiċli biex titkellem dwar il-kwistjoni maʼ xi ħadd li tafda. Madankollu, jekk tagħmel dan se tiġi megħjun tegħleb il-vizzju! Kristjan ieħor li jismu David jaqbel maʼ dan. Hu jgħid: “Tkellimt fil-privat maʼ missieri. Qatt mhu se ninsa l-kliem li qalli. Bi tbissima ħelwa fuq wiċċu, hu qalli: ‘Kemm jien kburi bik!’ Hu kien jaf li kelli rrabbi l-kuraġġ biex inkellmu dwar din il-ħaġa. Dan kien proprju l-inkuraġġiment li kelli bżonn u għenni nkun iktar determinat li nitjieb.”
“Missieri mbagħad urieni ftit skritturi biex jgħinni nara li ma kontx persuna ħażina, u wrieni wkoll ftit skritturi oħrajn biex jagħmel ċert li jien fhimt kemm kien serju l-vizzju li kont qbadt. Hu qalli biex inżomm sod u ma nċedix għat-tentazzjoni sakemm nerġgħu niddiskutu din il-kwistjoni. Qalli wkoll biex ma naqtax qalbi jekk nerġaʼ naqaʼ fit-tentazzjoni, u li jkun tajjeb li wara kull darba li nimmasturba nħalli iktar żmien jgħaddi bejn darba u oħra.” David għal liema konklużjoni wasal? Hu jgħid: “Il-fatt li xi ħadd kien jaf bil-problema li kelli u tani l-għajnuna tiegħu kien taʼ ġid kbir għalija.”c
Is-sess każwali mhuwiex xi kwistjoni li tistaʼ tittieħed ħafif ħafif. Kun af għala.
[Noti ta’ taħt]
a Il-masturbazzjoni m’għandhiex tiġi mfixkla mat-tqanqil sesswali li ma jkollokx kontroll fuqu. Pereżempju, ġuvni għandu mnejn iqum mill-irqad imqanqal sesswalment. Jew inkella jkollu tixrid tal-isperma matul il-lejl. B’mod simili, xi tfajliet għandhom mnejn iħossuhom imqanqlin sesswalment bla ma jridu, b’mod speċjali eżatt qabel jew wara l-mestrwazzjoni. Għall-kuntrarju, il-masturbazzjoni tfisser li persuna, minn jeddha, tistimula lilha nfisha sesswalment.
b Għal iktar informazzjoni, ara Kapitlu 33 taʼ Volume 2.
c Għal iktar informazzjoni, ara Volume 2, paġni 239-241.
SKRITTURA PRINĊIPALI
“Aħrab mix-xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija, imma iġri wara s-sewwa, il-fidi, l-imħabba, il-paċi, flimkien maʼ dawk li b’qalb nadifa jsejħu lill-Mulej.”—2 Timotju 2:22.
SUĠĠERIMENT
Itlob qabel ma x-xenqiet isiru qawwijin. Itlob lil Alla Ġeħova jagħtik “qawwa iktar min-normal” sabiex tkampa mat-tentazzjoni.—2 Korintin 4:7.
KONT TAF . . . ?
Kwalunkwe individwu b’karattru dgħajjef għandu mnejn iċedi għax-xenqiet sesswali tiegħu stess. Iżda trid tkun bniedem b’karattru sod biex turi r-rażan, saħansitra meta tkun waħdek.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Nistaʼ nżomm moħħi ffokat fuq affarijiet li huma safjin jekk jien ․․․․․
Minflok ma nċedi għax-xenqa, jien se ․․․․․
Dak li nixtieq nistaqsi lill-ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-suġġett hu ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● Għala hu importanti li tiftakar li Ġeħova ‘lest li jaħfer’?—Salm 86:5.
● Peress li Alla, li ħalaq ix-xenqiet sesswali, jgħid ukoll li għandek tikkultiva r-rażan, liema fiduċja għandu fik?
[Kumment f’paġna 182]
“Mindu għelibt il-problema, għandi kuxjenza nadifa quddiem Ġeħova, u din hi xi ħaġa li ma nbiddilha maʼ xejn!”—Sarah
[Stampa f’paġna 180]
Jekk taqaʼ int u tiġri f’xi tellieqa ma jfissirx li trid tibda mill-bidu; jekk terġaʼ taqaʼ fit-tentazzjoni tal-masturbazzjoni ma tkunx ħassart il-progress li tkun diġà għamilt