LEZZJONI 11
Il-Prinċipji tal-Bibbja Kif Inhuma taʼ Ġid Għalina?
1. Għala għandna bżonn gwida?
Il-prinċipji Bibliċi kif iwassluna biex nieħdu prekawzjonijiet taʼ sigurtà?—SALM 36:9.
Il-Ħallieq tagħna hu iktar għaref minna. Bħala Missier kollu mħabba, jimpurtah minna. Ukoll, ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li nkunu indipendenti minnu. (Ġeremija 10:23) Għalhekk, sewwasew bħalma tifel żgħir għandu bżonn il-gwida tal-ġenituri, aħna kollha għandna bżonn il-gwida t’Alla. (Isaija 48:17, 18) Il-prinċipji tal-Bibbja jipprovdu l-gwida li hi għotja mingħand Alla.—Aqra t-2 Timotju 3:16.
Il-liġijiet u l-prinċipji taʼ Ġeħova jgħallmuna l-aħjar mod taʼ ħajja issa u juruna kif nistgħu niksbu premjijiet dejjiema fil-futur. Peress li Alla ħalaqna, bix-xieraq nuru apprezzament għall-gwida tiegħu.—Aqra Salm 19:7, 11; Rivelazzjoni 4:11.
2. X’inhuma l-prinċipji tal-Bibbja?
Il-prinċipji tal-Bibbja huma veritajiet fundamentali. Min-naħa l-oħra, liġijiet jistgħu jkunu għal ċirkustanzi speċifiċi. (Dewteronomju 22:8) Irridu nużaw l-abbiltà tal-ħsib biex nifhmu kif prinċipju japplika f’sitwazzjoni partikulari. (Proverbji 2:10-12) Pereżempju, il-Bibbja tgħallem li l-ħajja hi għotja mingħand Alla. Dan il-prinċipju bażiku jistaʼ jiggwidana fix-xogħol, fid-dar, u fl-ivvjaġġar. Iwassalna biex nieħdu prekawzjonijiet taʼ sigurtà.—Aqra Atti 17:28.
3. Liema żewġ prinċipji huma l-iktar importanti?
Ġesù tkellem dwar żewġ prinċipji taʼ importanza kbira. L-ewwel wieħed jikxef l-iskop innifsu tal-ħajja umana—li nkunu nafu lil Alla, li nħobbuh, u li naqduh b’lealtà. Għandna nżommu f’moħħna dan l-ewwel prinċipju kull meta nieħdu deċiżjoni. (Proverbji 3:6) Dawk li jgħixu fi qbil maʼ dan il-prinċipju jiksbu ħbiberija m’Alla, ferħ ġenwin, u ħajja taʼ dejjem.—Aqra Mattew 22:36-38.
It-tieni prinċipju jistaʼ jiggwidana biex ikollna relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn. (1 Korintin 13:4-7) Biex wieħed japplika dan it-tieni prinċipju jrid jimita l-mod kif Alla jittratta lin-nies.—Aqra Mattew 7:12; 22:39, 40.
4. Il-prinċipji tal-Bibbja kif inhuma taʼ ġid għalina?
Il-prinċipji Bibliċi jgħallmu lill-familji kif ikunu magħqudin fl-imħabba. (Kolossin 3:12-14) Ukoll, il-Kelma t’Alla tipproteġi lill-familji billi tgħallem prinċipju ieħor taʼ gwida—li ż-żwieġ għandu jkun permanenti.—Aqra Ġenesi 2:24.
Billi nsegwu t-tagħlim Bibliku, nistgħu nipproteġu l-benesseri materjali u emozzjonali tagħna. Pereżempju, l-imgħallmin spiss jippreferu ħaddiema li jgħixu fi qbil mal-prinċipji Bibliċi tal-onestà u d-diliġenza. (Proverbji 10:4, 26; Ebrej 13:18) Il-Kelma t’Alla tgħallimna wkoll biex inkunu kuntenti bl-affarijiet li huma neċessarji u biex ngħożżu l-ħbiberija m’Alla iktar mill-affarijiet materjali.—Aqra Mattew 6:24, 25, 33; 1 Timotju 6:8-10.
Nistgħu nipproteġu s-saħħa tagħna jekk napplikaw il-prinċipji Bibliċi. (Proverbji 14:30; 22:24, 25) Pereżempju, jekk nobdu l-liġi t’Alla kontra s-sokor nistgħu niġu protetti minn mard fatali u inċidenti. (Proverbji 23:20) Ġeħova jippermettilna nixorbu xorb alkoħoliku imma dan għandu jsir bil-moderazzjoni. (Salm 104:15; 1 Korintin 6:10) Il-prinċipji t’Alla jistgħu jkunu taʼ ġid għalina billi jgħallmuna biex ma ngħassux biss l-azzjonijiet tagħna imma wkoll il-ħsibijiet tagħna. (Salm 119:97-100) Iżda, il-Kristjani veri ma jirrispettawx il-livelli t’Alla sempliċement għax se jibbenefikaw minnhom. Jagħmlu hekk sabiex jonoraw lil Ġeħova.—Aqra Mattew 5:14-16.