20 SANSUN
Fl-Iktar Mument Dgħajjef Kien Kuraġġuż
SANSUN kien f’sitwazzjoni diffiċli. Hu kien għamel xi ħaġa stupida u kixef minn fejn tiġi s-saħħa tiegħu. Minħabba f’hekk, il-Filistin qabduh, qalgħulu għajnejh, tefgħuh il-ħabs, u għamluh skjav. Avolja ma setaʼ jara xejn, hu setaʼ jismaʼ lill-Filistin jidħqu bih u bl-Alla tiegħu Ġeħova. Sansun kien jaf li l-biċċa l-kbira taʼ dak li kien għaddej minnu kien it-tort tiegħu. Hu dejjem kien kuraġġuż. Imma issa li ma kellux is-saħħa li kellu qabel, kien se jirnexxilu jerġaʼ jkun kuraġġuż?
Sansun għamel 20 sena bħala mħallef f’Iżrael, imma ma kienx imħallef bħall-oħrajn. Barak, Gidegħon, Ġefta, u oħrajn kienu kapijiet taʼ armata u ġġieldu kontra l-għedewwa t’Alla. Ġeħova uża lil Sansun ukoll biex jiġġieled kontra l-għedewwa tiegħu, imma dan iġġieled waħdu! Hu qatel lil ħafna Filistin mingħajr armata. Kif irnexxielu?
Ġeħova ried li l-ġenituri taʼ Sansun jiddedikaw lit-tifel tagħhom bħala Nażirit biex jaqdi lil Ġeħova għal ħajtu kollha, u huma obdew. Allura Sansun qatt ma qataʼ xagħru. Sakemm hu baqaʼ jobdi r-regoli li kellhom jimxu magħhom in-Nażiriti, Ġeħova kien se jtih saħħa tal-għaġeb. Darba Sansun qatel iljun billi ċarrtu fi tnejn b’idejh! Sansun uża s-saħħa li tah Ġeħova biex jiġġieled kontra l-Filistin, għax kienu qed jaħqru lill-Iżraelin li kienu reġgħu telqu lil Ġeħova.
Meta darba Sansun qatel ħafna Filistin, l-Iżraelin bdew jibżgħu li Filistin oħra se jpattuhielhom. Allura rabtulu jdejh u ħaduh għandhom. Imma Sansun qataʼ l-ħbula bħallikieku kienu ħjut tal-għażel u qatel 1,000 Filisti b’xedaq taʼ ħmar. Iktar tard, hu kien fil-belt taʼ Gaża. Mal-lejl, l-għedewwa tiegħu staħbew biex filgħodu jaqbduh u joqtluh. Imma hu qam f’nofsillejl, qabad il-bibien taʼ bieb il-belt u ż-żewġ pilastri tal-ġenb u qalagħhom flimkien mal-istanga. Imbagħad ġarrhom fuq dahru u mexa bihom madwar 60 kilometru fuq muntanja viċin Ħebron!
Sansun rebaħ lill-Filistin għal darba wara l-oħra. Hu wriehom li l-allat tagħhom, bħal Dagon, ma kellhomx saħħa biżżejjed biex jgħinuhom jirbħu lill-qaddej leali taʼ Ġeħova. Imma l-Filistin użaw moħħhom u rnexxielhom isibu mod kif jirbħu lil Sansun. Huma użaw mara jisimha Dalila.
Sansun sar iħobbha, imma hi ma kinitx leali lejh u ttradietu. Il-Filistin ħallsuha biex issir taf għala Sansun kien b’saħħtu ħafna, allura hi baqgħet issaqsih biex jgħidilha. Fl-aħħar, għejjietu ssaqsi u qalilha s-sigriet minn fejn iġib is-saħħa tiegħu. Hu qal: “Kieku kelli naqtaʼ xagħri qasir is-saħħa tiegħi titlaqni, niddgħajjef, u nsir bħal bnedmin oħra.” Allura Dalila stenniet sakemm Sansun raqad, imbagħad qalet lil xi ħadd biex jidħol jaqtagħlu xagħru. Il-Bibbja tgħid li Ġeħova kien telqu, b’hekk Sansun ma baqax b’saħħtu iktar minn oħrajn. Il-Filistin daħlu jiġru, għamewh, u tefgħuh il-ħabs.
Il-Filistin ġiegħlu lil Sansun jagħmel xogħol iebes, li jitħan iċ-ċereali. Huma kienu ferħanin ħafna li l-għadu tagħhom kien sar skjav tagħhom. Allura ddeċidew li jagħmlu festa lill-alla tagħhom Dagon. Fil-ġurnata tal-festa, eluf taʼ Filistin marru f’tempju kbir. Fuq il-bejt kien hemm 3,000 oħra. Il-Filistin riedu jwaqqgħu lil Sansun għaċ-ċajt, allura ġabuh mill-ħabs u poġġewh taħt żewġ kolonni kbar. Sa dak iż-żmien, xagħru reġaʼ beda jitwal u hu kien iddispjaċieh ħafna għal li kien għamel.
Minħabba l-iżball li għamel, Sansun spiċċa l-ħabs, imma l-aħħar darba li uża saħħtu kien għal Ġeħova
Hu poġġa jdejh mal-kolonni u talab lil Ġeħova biex jerġaʼ jtih is-saħħa li kellu qabel. Sansun talab: “Jekk jogħġbok, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ftakar fija u saħħaħni għall-aħħar darba.” Imbagħad għajjat: “Ħa mmut mal-Filistin!” Hu imbotta l-kolonni b’saħħtu kollha, tant li bdew jiċċaqalqu. Qabel ma l-Filistin setgħu jwaqqfuh, il-kolonni u t-tempju kollu waqgħu! Din kienet l-aħħar darba li Sansun uża s-saħħa tal-għaġeb tiegħu. Hu qatel iktar nies f’mewtu milli qatel f’ħajtu.
Iktar minn elf sena wara, l-appostlu Pawlu kiteb dwar uħud li “minn dgħajfin saru b’saħħithom.” U meta qal dan il-kliem, żgur li kellu lil dan l-imħallef kuraġġuż f’moħħu.—Lhud 11:32-34.
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Sansun kif wera kuraġġ?
Fittex Iktar
1. Kif setaʼ Sansun imiss iġsma mejtin u jibqaʼ Nażirit? (w05 1/15 30 ¶1–31 ¶1)
2. X’juri li Sansun kellu bżonn l-ispirtu qaddis t’Alla biex iġorr il-bibien taʼ bieb il-belt u ż-żewġ pilastri tal-ġenb minn Gaża għal Ħebron? (w04 10/15 15 ¶7-8) A
Stampa A
3. X’jindika li Dalila jistaʼ jkun li kienet Iżraelija? (w05 3/15 28 ¶2)
4. Sansun għala talab biex jivvendika ruħu “għal waħda minn [għajnejh]”? (Imħ. 16:28; it “Sansun” ¶10-wcgr)
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Meta Dalila għamlitlu pressjoni, Sansun kixef affarijiet kunfidenzjali. L-anzjani u n-nisa tagħhom x’jistgħu jitgħallmu minn dan? B
Stampa B
Sansun għamel żball serju, imma meta nidem, Ġeħova xorta użah b’mod tal-għaġeb. Jekk illum Kristjan jagħmel żball, l-eżempju taʼ Sansun kif jistaʼ jgħinu jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova?
Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wera Sansun?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Sansun, x’nixtieq nistaqsih?
Tgħallem Iktar
Għallem lit-tfal tiegħek x’għamel lil Sansun wieħed mill-iktar irġiel b’saħħithom li qatt għexu.
X’lezzjonijiet oħra nistgħu nitgħallmu minn Sansun?