X’Tama Hemm għall-Mejtin?
FAMILJA żagħżugħa kienet qed tivvjaġġa matul il-kosta tal-lvant tal-Afrika t’Isfel għal vaganza. Il-ġenituri tal-mara kienu f’karozza oħra ftit ’il quddiem. F’daqqa waħda nfaqgħet waħda roti. Waqt li kienu qed iħejju biex jibdluha fil-ġenb tat-triq, sewwieq fis-sakra baqaʼ dieħel ġoż-żewġ karozzi. Il-ġenituri tal-mara mietu mill-ewwel. Ir-raġel tagħha miet ftit jiem wara. II-mara ġarrbet ksur fil-kustilji u ġrieħi oħra. It-tarbija tagħha ġiet paralizzata fil-moħħ.
Xi traġedja għal din il-familja sfortunata! Meta Carolann, oħt il-mara żagħżugħa, semgħet bl-aħbar, hi baqgħet ċassa. Traġedji bħal dawn jiġru f’kull pajjiż. Qraba u ħbieb milqutin minn għali kbir spiss jistaqsu,‘Tgħid il-mejtin veru mejtin,’ jew . .
‘Huma l-Mejtin Ħajjin?’
Kważi r-reliġjonijiet kollha jgħallmu li r-ruħ hija mmortali. B’hekk, is-segwaċi tagħhom jemmnu li dawk li mietu m’humiex verament mejtin iżda għadhom ħajjin fil-ġenna, fil-purgatorju, jew fl-infern. Skond ma hu mgħallem minn ħafna knejjes, dawk fil-post tal-aħħar qegħdin ibatu b’mod orribbli għall-eternità kollha. Iżda Alla taʼ mħabba sejjer verament iġiegħel lill-ħlejjaq tiegħu jbatu daqshekk?—1 Ġwann 4:8.
Ma naħsbux hekk, iżda kif nistgħu nkunu ċerti? Ikkunsidra bir-reqqa dawn il-provi li ġejjin mill-Bibbja. “Alla Jehovah issokta jsawwar lir-raġel mit-trab tal-art u jonfoħ f’imnifsejh in-nifs tal-ħajja, u r-raġel sar ruħ ħajja.” (Ġenesi 2:7) Din l-istqarrija mnebbħa tgħid li l-ewwel raġel, Adam, ingħata ruħ? Le, hu sar ruħ, persuna ħajja. Dan hu kkonfermat mill-appostlu Pawlu, li kiteb: “L-ewwel bniedem, Adam, bħalma tgħid l-iskrittura, sar ruħ ħajja.” Pawlu kien qed jikkwota minn Ġenesi.—1 Korintin 15:45, The Jerusalem Bible.
Tistaʼ r-ruħ umana tmut? Il-profeta Eżekjel kiteb: “L-erwieħ kollha—lili jappartjenu. Bħal ruħ il-missier hekk l-istess ruħ l-iben—lili jappartjenu. Ir-ruħ li qed tidneb—hi nfisha se tmut.” (Eżekjel 18:4, 20; Ekkleżasti 9:5, 10) Ovvjament, jekk ir-ruħ hi mejta, mela l-persuna ma taf xejn, b’hekk ma tistax tbati. Fl-ewwel diskors pubbliku tiegħu wara Pentekoste tat-33 E.K., l-appostlu Pietru ddikjara: “Tabilħaqq, kull ruħ li ma tismax minn dak il-Profeta se tkun meqruda għalkollox minn fost in-nies.” Mela r-ruħ hija mortali.—Atti 3:23.
Se Jerġgħu Jgħixu l-Mejtin?
Dawk kollha li jemmnu li l-Bibbja hi vera jafu li Ġesù miet u ġie rxoxtat fit-tielet jum. (Atti 10:39, 40) Dan kif setaʼ jiġri? Bil-qawwa tal-ispirtu qaddis t’Alla.
Kien l-irxoxt taʼ Ġesù xi eċċezzjoni? Le. Bħalma kiteb Pawlu lill-kongregazzjoni f’Korintu: “Kristu ġie mqajjem mill-imwiet, l-ewwel frott taʼ dawk li raqdu fil-mewt. Għax ladarba l-mewt hi permezz taʼ bniedem, l-irxoxt tal-mejtin hu wkoll permezz taʼ bniedem . . . Kristu.” (1 Korintin 15:20-22) B’hekk, ħafna se jiġu mqajmin mill-imwiet. Ġesù qal ukoll: “Tistagħġbux b’dan, għaliex ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha fl-oqbra tal-mafkar se jisimgħu leħnu u joħorġu, dawk li għamlu affarijiet tajbin għal irxoxt taʼ ħajja.” (Ġwann 5:28, 29) Dan jiggarantixxi l-irxoxt għal miljuni.