Id-Dulluvju li Ma Jintesa Qatt
MADWAR 4,300 sena ilu, dulluvju katastrofiku kompletament kesa l-art. B’kinsa ġganteska waħda, qered kważi kull ħaġa ħajja. Tant kellu sinjifikat li ħalla impressjoni li ma titħassar qatt fuq l-umanità, u kull ġenerazzjoni għaddiet l-istorja lil dik taʼ warajha.
Kważi 850 sena wara d-Dulluvju, il-kittieb Ebrew Mosè niżżel ir-rakkont tad-Dulluvju globali bil-miktub. Ġie ppriservat fil-ktieb Bibliku taʼ Ġenesi, fejn nistgħu naqraw id-dettalji grafiċi f’kapitli 6 sa 8.
Ir-Rakkont Bibliku tad-Dulluvju
Ġenesi jagħti dawn id-dettalji, ovvjament dawk taʼ wieħed li ra b’għajnejh: “Fis-sitt mitt sena tal-ħajja taʼ Noè, fit-tieni xahar, fis-sbatax-il jum tax-xaħar, f’dan il-jum il-għejjun kollha tal-fond vast bl-ilma nkisru beraħ u r-rixtelli tal-għarar tas-smewwiet infetħu. U d-dulluvju baqaʼ sejjer għal erbgħin jum fuq l-art, u l-ilmijiet baqgħu jiżdiedu u bdew iġorru l-arka u din kienet qiegħda żżomm f’wiċċ l-ilma‘l fuq ferm mill-art. U l-ilmijiet għattew l-art tant bil-kbir li l-muntanji twal kollha li kienu taħt is-smewwiet kollha ġew li jkunu mgħottijin.” —Ġenesi 7:11, 17, 19.
Dwar l-effett tad-Dulluvju fuq l-affarijiet ħajjin, il-Bibbja tgħid: “Il-laħam kollu li kien qiegħed jitħarrek fuq l-art miet, fost il-ħlejjaq li jtiru u fost l-annimali domestiċi u fost il-bhejjem selvaġġi u fost il-qtajja kollha li kienu qegħdin jiġru fi qtajja fuq l-art, u l-umanità kollha.” Madankollu, Noè u sebaʼ persuni oħra salvaw, flimkien ma kampjuni minn kull bhima, kull ħlejqa li tittajjar, u kull ħaġa li tiċċaqlaq fuq l-art. (Ġenesi 7:21, 23) Kollox ġie ppriservat f’arka kbira f’wiċċ l-ilma li kienet twila madwar 437 pied, wiesgħa 73 pied, u għolja 44 pied. Ladarba l-uniċi funzjonijiet tal-arka kienu li ma jidħlilhiex ilma u li żżomm fil-wiċċ, la kellha qiegħ li ġej fit-tond, la pruwa ppuntata, la skrejjen, u lanqas tmun. L-arka taʼ Noè kienet sempliċement biċċa tal-baħar forma taʼ kaxxa kbira rettangulari.
Ħames xhur wara li beda d-Dulluvju, l-arka sabet ruħha sserraħ fuq il-muntanji taʼ Ararat, fejn illum insibu l-Lvant tat-Turkija. Noè u l-familja tiegħu harġu ’l barra mill-arka għal fuq art niexfa sena wara li beda d-Dulluvju u bdew mill-ġdid ir-rutina normali tal-ħajja. (Ġenesi 8:14-19) Maż-żmien, l-umanità kienet immultiplikat biżżejjed biex tibda tibni l-belt taʼ Babel u t-torri infami tagħha ħdejn ix-Xmara Ewfrat. Minn hemm in-nies ġew imxerrdin ftit ftit lejn il-partijiet kollha tal-art meta Alla ħawwad il-lingwa tal-umanità. (Ġenesi 11:1-9) Imma x’ġara mill-arka?
It-Tfittxija għall-Arka
Mis-seklu 19‘il hawn, kien hemm attentati numerużi biex isibu l-arka fuq il-muntanji taʼ Ararat. Dawn il-muntanji għandhom żewġ quċċati prominenti, waħda għolja 16,950 pied u l-oħra 12,840 pied. L-ogħla waħda minn dawn hija dejjem miksija bis-silġ. Minħabba t-tibdil fil-klima li ġie wara d-Dulluvju, l-arka f’qasir żmien kienet ġiet miksija bis-silġ. Xi investigaturi jemmnu sew li l-arka għadha hemm, midfuna fil-fond fi blokka silġ kbira. Huma jsostnu li kien hemm perijodi meta s-silġ inħall biżżejjed biex ippermetta parti mill-arka tidher temporanjament.
Il-ktieb In Search of Noah’s Ark jikkwota lil George Hagopian, ċertu Armen, li sostna li ħu telaʼ fuq il-Muntanja Ararat u ra l-arka fl-1902 u reġaʼ fl-1904. Fl-ewwel żjara tiegħu, ħu qal li sa telaʼ fuqha l-arka.“Jien waqaft dritt u ħarist lejn il-bastiment kollu. Kien twil. Il-għoli madwar erbgħin pied.” Rigward l-osservazzjoni tiegħu fiż-żjara taʼ wara tiegħu, ħu qal: “Ma rajt ebda kurvaturi veri. Kienet differenti minn kull dgħajsa oħra li jien qatt rajt. Kienet qisha barkun bil-qiegħ ċatt.”
Mill-1952 sal-1969, Fernand Navarra għamel erbaʼ tentattivi biex isib evidenza tal-arka. Fit-tielet mawra tiegħu lejn il-Muntanja Ararat, ħu niżel fil-qiegħ taʼ ħofra fis-silġ, fejn ħu sab biċċa njama sewda midfuna fis-silġ.“Bil-fors li kienet twila ħafna,” huwa qal, “u forsi għadha mwaħħla ma xi partijiet oħra tal-iskeletru tal-bastiment. Stajt biss naqtaʼ mal-vina sakemm qaċċatt biċċa twila madwar Ħames piedi.”
Il-professur Richard Bliss, wieħed mill-ħafna esperti li eżaminaw l-injama, qal: “Il-kampjun tal-injama taʼ Navarra huwa travu strutturali u mgħaddas fil-qatran likwidu. Kellu minċotti u ingasti. U kien maħdum bl-idejn u magħmul kwadru.” L-età tal-injam hija stmata li hi taʼ erbaʼ jew ħamest elef sena.
Għalkemm sforzi ġew magħmulin biex isibu l-arka fuq il-Muntanja Ararat, il-prova definittiva li l-arka ġiet użata biex issalva minn dulluvju katakliżmiku teżisti fir-rekord miktub taʼ dik il-ġrajja fil-ktieb Bibliku taʼ Ġenesi. Konferma taʼ dak ir-rekord tistaʼ tidher fin-numru kbir taʼ leġġendi dwar dulluvju fost popli primittivi madwar id-dinja kollha. Ikkunsidra x-xiehda tagħhom fl-artiklu li ġej.