Ċittadini jew Barrani, Alla Jagħtik Merħba!
“Għamel minn raġel wieħed kull ġens taʼ bnedmin, biex igħammru fuq il-wiċċ kollu tal-art.”−ATTI I7:26.
1. Liema sitwazzjoni diffiċli teżisti f’ħafna postijiet illum rigward l-aċċettar taʼ nies minn kulturi differenti?
RAPPORTI tal-istampa jindikaw li f’ħafna artijiet qed jikber it-tħassib dwar barranin, imigranti, u refuġjati. Miljuni huma ħerqanin biex jitilqu minn partijiet tal-Asja, l-Afrika, l-Ewropa, u l-Amerka taʼ Fuq u t’Isfel. Forsi jfittxu serħan minn faqar li jifni, minn xi gwerra ċivili, jew minn xi persekuzzjoni. Imma jingħataw merħba x’imkien ieħor? Ir-rivista Time stqarret: “Hekk kif it-taħlita etnika fl-Ewropa tibda tinbidel, xi pajjizi jiskopru li m’humiex daqstant tolleranti għal kulturi barranin daqs kemm kienu jaħsbu li kienu.” Dwar it-18,000,000 refuġjat “li ma jridhom ħadd,” Time qalet: “L-isfida li dawn jipprezentaw lil ġnus stabbli mhix se twarrab.”
2, 3. (a) Il-Bibbja toffri liema assigurazzjoni rinfreskanti f’konnessjoni mal-aċċettar? (b) Għala nistgħu nibbenefikaw jekk neżaminaw dak li tippreżenta l-Iskrittura dwar kif Alla ttratta mal-popli?
2 Hu x’inhu li jiżżviluppa f’dan ir-rigward, il-Bibbja turi li Alla jagħti merħba lil nies taʼ kull ġens−kemm jekk wieħed ikun ċittadin imwieled fil-post, inkella imigrant, jew refuġjat. (Atti 10:34, 35) ‘Madankollu,’ xi whud forsi jistaqsu, ‘kif tistaʼ tgħid hekk? Ma għażilx Alla lil Iżrael tal-qedem biss bħala l-poplu tiegħu, waqt li eskluda lill-oħrajn?’
3 Sewwa, ejjew naraw kif Alla ttratta maʼ popli tal-qedem. Nistgħu neżaminaw ukoll certi profeziji li jittrattaw dwar liema privileġġi jistgħu jinkisbu minn adoraturi veri llum. Li nirrevedu dan il-materjal profetiku jistaʼ jgħinna nifhmu ferm aħjar xi ħaġa li int tistaʼ ssibha taʼ inkuraġġiment kbir. Jagħti indikazzjoni, ukoll, dwar kif Alla jistaʼ jittratta maʼ individwi “mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha” wara t-tribulazzjoni l-kbira.−Rivelazzjoni 7:9, 14-17.
‘Il-Ġnus Kollha Se Jbierku Lilhom Infushom’
4. Kif żviluppat il-problema tan-nazzjonalità, imma Alla x’passi ħa?
4 Wara d-Dulluvju, il-familja immedjata taʼ Noè kienet tifforma l-umanità kollha, u lkoll kienu adoraturi veri. Imma dik l-unità malajr inbidlet. Wara ftit taż-żmien, xi nies, billi njoraw ir-rieda t’Alla, bdew jibnu torri. Dan wassal biex l-umanità nqasmet fi gruppi lingwistiċi li saru popli u ġnus mifruxin. (Ġenesi 11:1-9) Xorta waħda, il-qima vera kompliet fil-linja li kienet twassal għal Abraham. Alla bierek lil-leali Abraham u wiegħed li nislu kellu jsir ġens kbir. (Ġenesi 12:1-3) Dak il-ġens kien Iżrael tal-qedem.
5. Għala lkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu kuraġġ mill-mod kif Alla ttratta m’Abraham?
5 Jehovah ma kienx, madankollu, qed jeskludi lin-nies l-oħrajn minbarra Iżrael, għax il-għan tiegħu estenda biex ikopri lill-umanità kollha. Dan narawh ċar minn dak li Alla wiegħed lil Abraham: “Permezz taż-żerriegħa tiegħek il-ġnus kollha tal-art ċertament li se jbierku lilhom infushom minħabba l-fatt li inti smajt minn leħni.” (Ġenesi 22:18) Għal sekli sħaħ, iżda, Alla ttratta b’manjiera speċjali maʼ Iżrael, billi tahom kodiċi tal-Liġi nazzjonali, ħa ħsieb biex qassisin joffru sagrifiċċji fit-tempju tiegħu, u pprovda l-Art Imwiegħda biex igħammru fiha.
6. L-arranġament t’Alla maʼ Iżrael kif kellu jibbenefika lil kulħadd?
6 Il-Liġi t’Alla lil Iżrael kienet tajba għal nies tal-ġnus kollha għaliex hija għamlet lill-istat midneb uman jidher ċar, billi wriet il-ħtieġa għal sagrifiċċju perfett biex igħatti d-dnub uman darba għal dejjem. (Galatin 3:19; Ebrej 7:26-28; 9:9; 10:1-12) Madankollu, x’assigurazzjoni kien hemm li ż-Żerriegħa t’Abraham−li permezz tiegħu l-ġnus kollha kienu se jbierku lilhom infushom− kien se jasal u jikkwalifika? Il-Liġi taʼ Iżrael għenet hawn ukoll. Hi pprojbiet żwieġ imħallat mal-Kanghaniti, nies magħrufin għal prattiċi u riti immorali, bħad-drawwa li jaħarqu lit-tfal ħajjin. (Levitiku 18:6-24; 20:2, 3; Dewteronomju 12:29-31; 18:9-12) Alla qatagħha li huma u l-prattiċi tagħhom kellhom jiġu eliminati. Dak kien għall-benefiċċju dejjiemi taʼ kulħadd, inkluż ir-resident barrani, peress li kien jiswa biex iżomm il-linja taż-Żerriegħa milli tiġi korrotta.−Levitiku 18:24-28; Dewteronomju 7:1-5; 9:5; 20:15-18.
7. Liema indikazzjoni bikrija kien hemm li Alla jilqaʼ lill-istranġieri?
7 Saħansitra waqt li l-Liġi kienet effettiva u Alla żamm lill-Iżraeliti bħala speċjali, hu wera ħniena maʼ nies mhux Iżraeliti. Ir-rieda tiegħu li jagħmel dan kienet ġiet murija meta Iżrael immarċja ’l barra mill-jasar Eġizzjan lejn artu stess. “Kumpanija vasta mħallta wkoll marret ’il fuq magħhom.” (Eżodu 12:38) Il-Professur C. F. Keil jidentifika lil dawk bħala “geġwiġija taʼ barranin . . . taħlita, jew folla nies taʼ ġnus differenti.” (Levitiku 24:10; Numri 11:4) Wisq probabbli ħafna kienu Eġizzjani li aċċettaw lill-veru Alla.
Merħba lill-Barranin
8. Il-Gibjoniti kif sabu post fost il-poplu t’Alla?
8 Hekk kif Iżrael wettaq il-kmand t’Alla biex jeħles lill-Art Imwiegħda minn ġnus degradanti, hu pproteġa grupp wieħed taʼ barranin, il-Gibjoniti, li kienu jgħixu fit-Tramuntana taʼ Ġerusalemm. Huma bagħtu ambaxxaturi travestiti għand Ġożzwè, biex jitolbu għall-paċi u rnexxielhom. Meta l-ingann tagħhom inkixef, Ġożwè ddikjara li l-Gibjoniti kellhom jaqdu bħala “wħud li jiġbru l-injam u li jtellgħu l-ilma għall-assemblea u għall-artal taʼ Jehovah.” (Ġożwè 9:3-27) Illum ħafna imigranti wkoll jaċċettaw servizz umli sabiex isiru parti minn poplu ġdid.
9. L-eżempju taʼ Raħab u l-familja tagħha kif inhu inkuraġġanti rigward barranin f’Iżrael?
9 Jistaʼ jinkuraġġik li tkun taf li l-merħba t’Alla ma kinitx biss għal gruppi taʼ barranin lura f’dak iż-żmien; individwi solitarji wkoll kienu milqugħin. Illum xi ġnus jilqgħu biss imigranti li għandhom pożizzjoni soċjali, ġid x’jinvestu, jew edukazzjoni għolja. Mhux hekk Jehovah, kif naraw minn ġrajja li seħħet preċiż qabel l-episodju mal-Gibjoniti. Din kienet tinvolvi mara Kanghanita li ma tantx kienet taʼ pożizzjoni soċjali għolja. Il-Bibbja ssejħilha “Raħab il-prostituta.” Minħabba l-fidi tagħha fil-veru Alla, hi u taʼ darha ġew meħlusin meta waqaʼ Ġeriko. Għalkemm Raħab kienet barranija, l-Iżraeliti aċċettawha. Hi kienet mudell taʼ fidi li jixraqlu li nimitawh. (Ebrej 11:30, 31, 39, 40; Ġożwè 2:1-21; 6:1-25) Hi saħansitra saret antenata tal-Messija.−Mattew 1:5, 16.
10. L-aċċettar taʼ barranin f’Iżrael minn liema ħaġa kien jiddependi?
10 Nies mhux Iżraeliti kienu aċċettati fl-Art Imwiegħda fi qbil mal-isforz tagħhom li jogħġbu lill-veru Alla. L-Iżraeliti ntqalilhom biex ma jisseħbox, speċjalment b’mod reliġjuż, maʼ dawk li ma kinux jaqdu lil Jehovah. (Ġożwè 23:6, 7, 12, 13; 1 Slaten 11:1-8; Proverbji 6:23-28) Xorta waħda, ħafna li ma kinux Iżraeliti u li ssetiljaw hemm obdew il-liġijiet bażiċi. Oħrajn saħansitra saru prożeliti ċirkonċiżi, u Jehovah laqagħhom għalkollox bħala membri tal-kongregazzjoni tiegħu.−Levitiku 20:2; 24:22; Numri 15:14-16; Atti 8:27.a
11, 12. (a) L-Iżraeliti kif kellhom jittrattaw lil adoraturi barranin? (b) Għala forsi għandna bżonn nitjiebu f’li nsegwu l-eżempju taʼ Jehovah?
11 Alla ordna lill-Iżraeliti biex jimitaw l-attitudni tiegħu lejn l-adoraturi barranin: “Ir-resident barrani li jgħammar bħala barrani magħkom għandu jsir għalikom bħal wieħed tal-post tagħkom; u tridu tħobbuh bħalkom infuskom, għax intom sirtu residenti barranin fl-art tal-Eġittu.” (Levitiku 19:33, 34; Dewteronomju 1:16; 10:12-19) Dan jipprovdi lezzjoni għalina, avolja m’aħniex qegħdin taħt il-Liġi. Huwa faċli li taqaʼ vittma għal preġudizzji u ostilità lejn dawk taˈ xi razza, ġens, jew kultura oħra. Għalhekk nagħmlu tajjeb li nistaqsu: ‘Qed nipprova jien neħles lili nnifsi minn preġudizzji bħal dawn, billi nsegwi l-eżempju taʼ Jehovah?’
12 L-Iżraeliti kellhom prova viżibbli tal-merħba t’Alla. Is-Sultan Salamun talab: “Lill-barrani, li ma hu ebda parti mill-poplu tiegħek Iżrael u li attwalment jiġi minn art imbiegħda minħabba f’ismek . . . u attwalment jiġi u jitlob lejn din id-dar, jalla int innifsek tismaʼ mis-smewwiet . . . sabiex il-popli kollha tal-art jistgħu jsiru jafu lil ismek biex jibżgħu minnek.”−1 Slaten 8: 41-43; 2 Kronaki 6:32, 33.
13. Alla għala għamel provvediment biex ibiddel it-trattament tiegħu maʼ Iżrael?
13 Fil-waqt li Jehovah kien ghadu qed juża lill-ġens taʼ Iżrael bħala l-poplu tiegħu u b’hekk jipproteġi l-linja taʼ dixxendenza tal-Messija, Alla bassar bidliet sinjifikanti. Iktar kmieni, meta Iżrael aċċetta li jkun fil-patt tal-Liġi, Alla tahom li ‘ jkunu s-sors taʼ “saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżodu 19:5, 6) Imma Iżrael wera nuqqas taʼ fedeltà għal sekli sħaħ. Mela Jehovah bassar li kien se jikkonkludi patt ġdid li taħtu dawk li jifformaw “[i]d-dar taʼ Iżrael” kienu se jkollhom l-iżball u d-dnub tagħhom maħfurin. (Ġeremija 31:33, 34) Dak il-patt ġdid kien jistenna lill-Messija, li s-sagrifiċċju tiegħu kien se jnaddaf verament lil ħafna mid-dnub.−Isaija 53:5-7, 10-12.
Iżraeliti fis-Sema
14. Jehovah aċċetta lil liema “Iżrael” ġdid, u kif?
14 L-Iskrittura Kristjana Griega tgħinna biex nifhmu kif dan kollu twettaq. Ġesù kien il-Messija, li l-mewt tiegħu wettqet il-Liġi u qiegħdet il-bażi għall-maħfra sħiħa mid-dnub. Biex jikseb dak il-benefiċċju, wieħed ma kellux bżonn li jkun Lhudi ċirkonċiż fil-laħam. Le. L-appostlu Pawlu kiteb li fil-patt ġdid, “hu Lhudi dak li hu wieħed minn ġewwa, u ċ-ċirkonċiżjoni tiegħu hi dik tal-qalb bl-ispirtu, u mhux b’kodiċi miktuba.” (Rumani 2:28, 29; 7:6) Dawk li poġġew fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù kisbu maħfra, u Alla approvahom bħala ‘Lhud bl-ispirtu,’ li jifformaw ġens spiritwali msejjaħ “l-Iżrael t’Alla.”−Galatin 6:16.
15. In-nazzjonalità tal-laħam għala mhix fattur f’li tkun parti minn Iżrael spiritwali?
15 Iva, li tkun aċċettat f’Iżrael spiritwali ma kienx jiddependi minn xi ċertu sfond nazzjonali jew etniku. Xi wħud, bħall-appostli taʼ Ġesù, kienu Lhud naturali. Oħrajn, bħall-fizzjal tal-armata Rumana Kornelju, kienu Ġentili m’humiex ċirkonċiżi. (Atti 10:34, 35, 44-48) Pawlu qal b’mod korrett rigward Iżrael spiritwali: “La hemm Grieg u lanqas Lhudi, la ċirkonċiżjoni u lanqas bla ċirkonċiżjoni, barrani, Skita, irsir, raġel ħieles.” (Kolossin 3:11) Dawk midlukin bl-ispirtu t’Alla saru “razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu għal pussess speċjali.”−1 Pietru 2:9; qabbel Eżodu 19:5, 6.
16, 17. (a) L-Iżraeliti spiritwali liema rwol għandhom fil-għan t’Alla? (b) Għala huwa xieraq li tikkunsidra lil dawk li m’humiex mill-Iżrael t’Alla?
16 X’futur għandhom l-Iżraeliti spiritwali fil-għan t’Alla? Ġesù wieġeb: “Tibżgħux, merħla ċkejkna, għaliex Missierkom approva li jagħtikom is-saltna.” (Luqa 12:32) Uħud midlukin, li ‘ċ-ċittadinanza tagħhom teżisti fis-smewwiet,’ se jkunu werrieta sħab mal-Ħaruf fit-tmexxija tiegħu tas-Saltna. (Filippin 3:20; Ġwann 14:2, 3; Rivelazzjoni 5:9, 10) Il-Bibbja tindika li dawn huma ‘ssiġillati minn ulied Iżrael’ u “mixtrijin minn fost il-bnedmin bħala l-ewwel frott għal Alla u għall-Ħaruf.” Il-għadd tagħhom hu 144,000. Madankollu, wara li jagħti r-rakkont tal-issiġillar taʼ dan il-għadd, Ġwanni jintroduċi grupp differenti −“folla kbira, li l-ebda bniedem ma kellu l-ħila jgħodd, mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha.”−Rivelazzjoni 7:4, 9; 14:1-4.
17 Xi wħud jistgħu jistaqsu: ‘Xi ngħidu dwar il-miljuni li m’humiex parti minn Iżrael spiritwali, bħal dawk li forsi jgħaddu mit-tribulazzjoni l-kbira bħala dik il-folla kbira? Liema rwol għandhom illum f’relazzjoni mal-ftit uħud li baqaʼ taʼ Iżrael spiritwali?ˈb
Barranin fil-Profezija
18. X’wassal għar-ritorn taʼ Iżrael mill-eżilju Babilonjan?
18 Jekk immorru lura lejn iż-żmien meta Iżrael kienu taħt il-patt tal-Liġi imma ma kinux leali lejh, insibu li Alla ddeċieda li jħalli lill-Babilonjani jagħmlu ħera minn Iżrael. Fis-sena 607 Q.E.K., Iżrael ittieħed fil-jasar għal 70 sena. Imbagħad Alla xtara lura lill-ġens. Taħt it-tmexxija tal-Gvernatur Żerubbabel, fdal taʼ Iżrael naturali rritornaw lejn arthom. Il-ħakkiema tal-Medi u l-Persjani, li kienu waqqghu lil Babilonja, saħansitra għenu lill-eżiljati li kienu qegħdin jirritornaw billi tawhom provisti. Il-ktieb taʼ Isaija bassar dawn l-iżviluppi. (Isaija 1:1-9; 3:1-26; 14:1-5; 44:21-28; 47:1-4) U Eżra jagħtina dettalji storiċi dwar dak ir-ritorn.−Eżra 1:1-11; 2:1, 2.
19. F’konnessjoni mar-ritorn taʼ Iżrael, liema indikazzjoni profetika kien hemm li barranin kellhom ikunu nvoluti?
19 Xorta waħda, meta bassar ix-xiri lura u r-ritorn tal-poplu t’Alla, Isaija għamel din il-profezija allarmanti: “Ġnus ċertament li se jmorru lejn dawlek, u slaten lejn it-tlellix tad-dija tiegħek.” (Isaija 59:20; 60:3) Dan ifisser iktar milli barranin individwali kienu milqugħin, fi qbil mat-talba taʼ Salamun. Isaija kien qed jindika bidla mhux tas-soltu fil-pożizzjoni. “Ġnus” kienu se jaqdu maʼ wlied Iżrael: “Barranin attwalment se jibnu l-ħitan tiegħek, u s-slaten tagħhom stess se jimministrawlek; għax fil-għadab bi stmerrija tiegħi se nkun imissni Lqattek, imma fir-rieda tajba tiegħi ċertament li se jkolli ħniena minnek.”−Isaija 60:10.
20, 21. (a) Liema xebh insibu fiż-żmien modern mar-ritorn taʼ Iżrael mill-jasar? (b) ‘Ulied subien u bniet’ kif żdiedu wara dan maʼ Iżrael spiritwali?
20 F’ħafna aspetti, il-waqgħa u r-ritorn taʼ Iżrael mill-eżilju sab xebh fiż-żminijiet moderni maʼ Iżrael spiritwali. Qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-fdal taʼ Kristjani midlukin ma kinux fi qbil għalkollox mar-rieda t’Alla; huma baqgħu jżommu xi ideat u prattiċi miġjubin mill-knejjes tal-Kristjaneżmu. Imbagħad, matul il-ġenn taʼ żmien il-gwerra u parzjalment minħabba t-tixwix tal-kleru, uħud minn taʼ quddiem fost il-fdal taʼ Iżrael spiritwali ġew mitfugħin il-ħabs b’mod inġust. Wara l-gwerra, fl-1919 E.K., dawk l-uħud midlukin li kienu f’ħabs litterali ġew illiberati u nħelsu minn kull akkuża. Dan kien evidenza li n-nies t’Alla nħelsu mill-jasar taħt Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. In-nies tiegħu ħargu ’l quddiem biex jibnu u jokkupaw ġenna spiritwali.−Isaija 35:1-7; 65:13, 14.
21 Dan kien indikat fid-deskrizzjoni taʼ Isaija: “Ilkoll kemm huma ġew miġburin flimkien; huma ġew għandek. Minn ferm ’il bogħod uliedek stess jibqgħu jiġu, u lill-bniet tiegħek li se jieħdu ħsiebhom fuq id-dirgħajn. F’dak iż-żmien int se tara u żgur li ssir tlellex, u qalbek fil-fatt se titgħawweġ u tikber, għaliex lejk il-għana tal-baħar se jidderieġi lilu nnifsu; l-istess riżorsi tal-ġnus se jiġu għandek.” (Isaija 60:4, 5) Fil-għaxriet taʼ snin taʼ wara, ‘ulied subien u bniet’ baqgħu jidħlu, billi ġew midlukin bl-ispirtu biex jimlew postijiet finali f’Iżrael spiritwali.
22. “Barranin” kif ġew biex jaħdmu flimkien maʼ Iżraeliti spiritwali?
22 Xi ngħidu dwar il-‘barranin li attwalment se jibnu l-ħitan tiegħek’ˈ? Dan ukoll seħħ fi żmienna. Hekk kif is-sejħa tal-144,000 kienet kważi lesta, folla kbira mill-ġnus kollha bdiet tersaq f’kotriet biex tqim maʼ Iżrael spiritwali. Dawn l-uħud iżjed ġodda għandhom l-istennija bbażata fuq il-Bibbja taʼ ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-art. Għalkemm il-lok se jkun differenti fejn eventwalment se jagħtu s-servizz leali tagħhom, huma kienu ferħanin li jgħinu lill-fdal midlukin f’li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna.−Mattew 24:14.
23. “Barranin” sa liema punt għenu lill-midlukin?
23 Illum, iktar minn 4,000,000 li huma “barranin,” flimkien mal-fdal taʼ dawk li ċ-‘ċittadinanza tagħhom hi fis-sema,’ qegħdin jagħtu prova tad-devozzjoni tagħhom lejn Jehovah. Ħafna minnhom, irġiel u nisa, żgħażagħ u xjuħ, qegħdin jaqdu fil-ministeru full-time bħala pijunieri. Fil-biċċa l-kbira tal-iktar minn 66,000 kongregazzjoni, barranin bħal dawn qegħdin iġorru responsabbiltajiet bħala anzjani u qaddejja ministerjali. Il-fdal jifirħu b’dan, billi jaraw twettieq tal-kliem taʼ Isaija: “Stranġieri attwalment se jqumu bil-wieqfa u jirgħu l-merħliet tagħkom, u l-barranin se jkunu l-bdiewa tagħkom u dawk li jiżbrulkom id-dwieli tagħkom.”−Isaija 61:5.
24. Għala nistgħu niġu inkuraġġiti bil-modi taʼ kif Alla ttratta maʼ Iżrael u m’oħrajn fil-passat?
24 Għalhekk fi kwalunkwe ġens tal-art li fih int ċittadin, imigrant, jew refuġjat, għandek l-opportunità grandjuża li ssir barrani spiritwali li lilu Dak li Jistaʼ Kollox jagħti merħba mill-qalb. Il-merħba tiegħu tinkludi l-possibiltà li tgawdi privileġġi fis-servizz tiegħu kemm issa u kemm fil-futur taʼ dejjem.
[Noti taʼ taħt]
a Rigward id-differenzi bejn “resident barrani,” “wieħed li jissetilja fil-pajjiż,” “stranġier,” u “barrani,” ara Insight on the Scriptures, Volum 1, paġni 72-5, 849-51, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Iktar minn 10,600,000 attendew il-mafkar annwali tal-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej imħares mix-Xhieda taʼ Jehovah fl-1991, imma 8,850 biss ipprofessaw li huma mill-fdal taʼ Iżrael spiritwali.
Innotajtu Dan?
◻ Alla kif offra tama li nies mill-ġnus kollha kellhom jiġu aċċettati Minnu?
◻ X’juri li popli oħrajn minbarra l-poplu speċjali t’Alla, Iżrael, setgħu javviċinaw Lilu?
◻ Fil-profezija, Alla kif indika li barranin kellhom jingħaqdu maʼ lżrael?
◻ Liema xebh kellu r-ritorn taʼ lżrael mill-eżilju fil-Babilonja, u “barranin” kif saru nvoluti?
[Stampa f’paġna 8]
Is-Sultan Salamun talab dwar barranin li kelihom jiġu biex iqimu lil Jehovah