Dak li l-Kristjaneżmu Żeraʼ fl-Africa
FL-1867, Charles Lavigerie, Kattoliku Franċiż, ġie fl-Afrika bħala l-arċisqof maħtur ġdid taʼ Alġiers. “Alla għażel lil Franza,” huwa qal, “biex jagħmel mill-Alġerija l-benniena taʼ ġens kbir u Kristjan.”
Il-ħolma taʼ Lavigerie estendiet lil hinn mill-Alġerija. Fil-fatt, bagħat missjunarji n-naħa l-oħra tad-deżert bil-mira li “jgħaqqad l-Afrika Ċentrali u dik tat-Tramuntana fil-ħajja komuni tal-Kristjaneżmu.”
Sadattant, fil-partijiet tal-Punent, tan-Nofs in-Nhar, u tal-Lvant tal-kontinent, missjunarji Protestanti kienu diġà qed jaħdmu. Huma ħabbtu wiċċhom maʼ ħafna difflkultajiet, bħalma huma attakki spissi tal-malarja, bis-sintomi tagħha taʼ tertir taʼ bard, tinħasel bil-għaraq, u dillirju. Billi malajr iddgħajfu bil-mard tropikali, ħafna mietu ftit wara l-wasla tagħhom. Imma oħrajn baqgħu ġejjin. “Kulmin jivvjaġġa lejn l-Afrika,” stqarr Adlai Stevenson, “jiġi mfakkar il-ħin kollu fl-eroiżmu tal-missjunarji.... Huma ġġieldu kontra s-suffejra, diżinterija, parassiti u . . . jien rajt . . . l-oqbra tagħhom—mal-Afrika kollha.”
Il-Frott Missjunarju
Hekk kif missjunarjJi ppenetraw l-Afrika, huma sabu li l-biċċa l-kbira tat-tribujiet kienu illitterati. “Minn madwar tminn mitt lingwa [Afrikana],” jispjega Ram Desai fil-ktieb tiegħu Christianity in Africa as Seen by Africans, “erbgħa biss ġew miktubin qabel il-miġja tal-missjunarji.” Mela l-missjunarji vvintaw mod kif jiktbu dawn il-lingwi li qatt ma nkitbu. Imbagħad huma produċew kotba u bdew biex igħallmu lin-nies jaqraw. Għal dan il-għan bnew skejjel mal-Afrika kollha.
Il-missjunarji bnew ukoll sptarijiet. “M’hemm l-ebda aġenzija oħra li tħabbatha mar-rekord tagħhom taʼ xogħol umanitarju,” jistqarr Ram Desai. Barra minn kura medika, l-Afrikani fittxew l-affarijiet materjali tal-Ewropa. Xi missjunarji waqqfu postijiet tan-negozju, għax ħasbu li dan se jiġbed lin-nies lejn il-konverżjoni. Per eżempju, il-missjoni taʼ Basel mill-Iżvizzera stabbiliet kumpanija kommerċjali fil-Ghana. Huma skoprew li s-siġar tal-kawkaw kienu jikbru mhux ħażin hemmhekk, u llum il-Ghana hija t-tielet l-akbar produttriċi tal-kawkaw.
Ħaġa li tispikka li wettqu l-missjunarji tal-Kristjaneżmu kienet li ttraduċew il-Bibbja. Madankollu li wieħed ixerred il-messaġġ tal-Bibbja jġib miegħu responsabbiltà iktar serja. L-appostlu Kristjan Pawlu wera dan billi staqsa: “Int, . . . dak li qiegħed tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int, dak li qiegħed tippriedka ‘Tisraqx,’ tisraq int?” Il-Bibbja twissina li dawk li qed igħallmu l-Kristjanità jridu huma nfushom igħixu fi qbil mal-prinċipji mill-aħjar li huma miktubin fil-Kelma t’Alla.—Rumani 2:21, 24.
Xi ngħidu għall-missjoni tal-Kristjaneżmu fl-Afrika? Onorat lil Alla tal-Bibbja, jew uriet kemm hi ma taqbilx mat-tagħlim tal-Bibbja?