LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 7/15 pp. 12-16
  • Għasses Kontra Mużika Moralment taʼ Ħsara!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għasses Kontra Mużika Moralment taʼ Ħsara!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Abbuż tal-​Mużika
  • Bżonn għal Attenzjoni
  • Mużika Rap—il-​Mużika tal-​Irvell
  • Heavy Metal​—Sess, Vjolenza, u Sataniżmu
  • Taħsad Dak li Tiżraʼ
  • Ibqaʼ Għassa
  • Tagħmel differenza liema mużika nagħżel li nismaʼ?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 7/15 pp. 12-16

Għasses Kontra Mużika Moralment taʼ Ħsara!

“Żommu għassa stretta li kif timxu ma hux bla għaqal imma bħal persuni għaqlin, billi tixtru ż-​żmien opportun għalikom infuskom, għaliex il-​jiem huma mill-​agħar.”—EFESIN 5:15, 16.

1. Il-​mużika għala tistaʼ tissejjaħ “rigal divin”?

“IL-​MUŻIKA . . . hija rigal divin.” Hekk kitbet Lulu Rumsey Wiley fil-​ktieb tagħha Bible Music. Mill-​iktar żminijiet antiki, irġiel u nisa li jibżgħu minn Alla għarfu dan is-​sentiment. Permezz tal-​mużika, il-​bniedem esprima l-​iktar sentimenti profondi tiegħu​—il-​ferħ, in-​niket, il-​korla, u l-​imħabba. Il-​mużika b’hekk kellha rwol importanti fi żminijiet Bibliċi, billi ġiet imsemmija f’dak il-​ktieb sagru mill-​bidu sat-​tmiem.—Ġenesi 4:21; Rivelazzjoni 18:22.

2. Il-​mużika kif kienet tintuża biex tfaħħar lil Jehovah fi żminijiet Bibliċi?

2 Kienet fil-​qima taʼ Jehovah li l-​mużika sabet l-​iktar espressjoni nobbli tagħha. Xi wħud mill-​iktar espressjonijiet sublimi taʼ tifħir li qatt saru lil Alla Jehovah kienu oriġinalment miktubin għall-​mużika. “Jien se nfaħħar lill-​isem t’Alla bil-​kant,” kiteb is-​salmista David. (Salm 69:30) Il-​mużika kienet użata fis-​solitudni bħala akkumpannjament għal riflessjoni bit-​talb. “Jien se niftakar il-​mużika fuq il-​kordi tiegħi bil-​lejl; b’qalbi se nuri tħassib, u l-​ispirtu tiegħi se jfittex bir-​reqqa,” kiteb Asaf. (Salm 77:6) Fit-​tempju taʼ Jehovah, il-​mużika kienet organizzata fuq skala grandjuża. (1 Kronaki 23:​1-5; 2 Kronaki 29:​25, 26) Xi drabi, kienu jiġu organizzati forzi mużikali kbar ħafna, bħal per eżempju fid-​dedikazzjoni tat-​tempju, meta ġew użati 120 trumbettier. (2 Kronaki 5:​12, 13) M’għandniex kopja taʼ kif instemgħet din il-​mużika maestuża, imma l-​ktieb The Music of the Bible josserva: “M’huwiex diffiċli li tifforma opinjoni tal-​effett ġenerali tal-​mużika tat-​Tempju f’okkażjonijiet solenni . . . Li kieku wieħed minna issa jistaʼ jiġi ttrasportat f’nofs xena bħal din, sens qawwi taʼ stagħġib u sublimità jkun inevitabbli.”a

L-​Abbuż tal-​Mużika

3, 4. Ir-​rigal tal-​mużika kif kien jiġi abbużat mill-​poplu t’Alla u mill-​ġirien pagani tagħhom?

3 Il-​mużika ma kinitx dejjem titpoġġa għal użu sublimi bħal dan, madankollu. Ħdejn il-​Muntanja Sinaj, il-​mużika ntużat biex tinkuraġġixxi l-​qima idolatruża taʼ għoġol tad-​deheb. (Eżodu 32:18) Il-​mużika kienet ukoll xi drabi marbuta maʼ kondotta taʼ sokor u saħansitra prostituzzjoni. (Salm 69:12; Isaija 23:15) Il-​ġirien pagani taʼ Iżrael ma kienu xejn inqas ħatjin taʼ abbuż minn dan ir-​rigal divin. “Fil-​Feniċja u s-​Sirja,” igħid The Interpreter’s Dictionary of the Bible, “kważi l-​mużika popolari kollha rriflettiet il-​qima taʼ Ixtar, l-​alla mara tal-​fertilità. B’hekk, kant popolari kien normalment preludju għal orġji sesswali.” Il-​Griegi tal-​qedem bl-​istess mod użaw il-​mużika biex takkumpannja “żifniet erotiċi” popolari.

4 Iva, il-​mużika għandha l-​qawwa li ċċaqlaq, li thenni, u li tinfluwenza. Għaxriet taʼ snin ilu, il-​ktieb taʼ John Stainer The Music of the Bible saħansitra wasal biex qal: “L-​ebda arti ma qiegħda teżerċita influwenza daqstant qawwija fuq ir-​razza umana fil-​preżent daqs l-​arti tal-​Mużika.” Il-​mużika tkompli teżerċita influwenza potenti llum ukoll. Għaldaqstant, il-​għamla ħażina taʼ mużika tistaʼ tippreżenta periklu reali għal żgħażagħ li jibżgħu minn Alla.

Bżonn għal Attenzjoni

5. (a) Il-​mużika kemm għandha post importanti fil-​ħajjiet taʼ ħafna teenagers? (b) X’inhi l-​ħarsa t’Alla dwar li ż-​żgħażagħ jieħdu pjaċir?

5 Jekk int persuna żagħżugħa, allura int taf tajjeb kemm hi importanti l-​mużika—b’mod partikulari id-​diversi forom taʼ mużika pop jew rock—għal ħafna taʼ mparek. Il-​mużika ġiet saħansitra msejħa “parti mill-​metaboliżmu taż-​żgħażagħ.” Huwa kkalkolat li fl-​aħħar sitt snin tiegħu taʼ skola, iż-​żagħżugħ fl-​Istati Uniti jismaʼ medja taʼ iktar minn erbaʼ sigħat taʼ mużika rock kuljum! Dak ċertament juri nuqqas taʼ bilanċ. Mhux għax hemm xi ħaġa ħażina f’li tieħu pjaċir b’xi ħaġa li ġġagħlek tħossok tajjeb jew hieni. Ċertament Jehovah, il-​Ħallieq taʼ mużika ferriħija, ma jistenniex li ż-​żgħażagħ ikunu wiċċhom imqarras u miżerabbli. Fil-​fatt, hu jikkmanda lill-​poplu tiegħu: “Ifirħu b’Jehovah u kunu mimlijin ferħ, intom it-​twajbin; u għajtu mimlijin ferħ, intom kollha li intom retti fil-​qalb.” (Salm 32:11) Liż-​żgħażagħ il-​Kelma tiegħu tgħidilhom: “Ifraħ, raġel żagħżugħ, f’żgħożitek, u ħalli qalbek tagħmillek il-​ġid f’jiem il-​bidu taʼ rġulitek.”​—Ekkleżjasti 11:9.

6. (a) Iż-​żgħażagħ għala għandhom bżonn joqgħodu attenti fil-​għażla tagħhom tal-​mużika? (b) Ħafna mill-​mużika llum għala hija iżjed oġġezzjonabbli mill-​mużika taʼ ġenerazzjonijiet taʼ qabel?

6 Madankollu, hemm raġuni tajba biex int toqgħod attent għall-​għażla taʼ mużika tiegħek. L-​appostlu Pawlu qal f’Efesin 5:​15, 16: “Żommu għassa stretta li kif timxu ma hux bla għaqal imma bħal persuni għaqlin, billi tixtru ż-​żmien opportun għalikom infuskom, għaliex il-​jiem huma mill-​agħar.” Xi żgħażagħ jistgħu joġġezzjonaw, bħalma għamlet waħda tfajla: “Il-​ġenituri tagħna kienu jisimgħu l-​mużika taʼ żmienhom meta kienu żgħażagħ. Aħna għala ma nistgħux nisimgħu l-​mużika taʼ żmienna?” Xi ftit mill-​mużika li kienu jieħdu pjaċir biha l-​ġenituri tagħkom meta kienu daqskom ukoll setaʼ kien fiha xi aspetti oġġezzjonabbli. Meta teżaminahom bir-​reqqa, ħafna mill-​kanzunetti popolari ssib li fihom għadd sorprendenti taʼ insinwazzjonijiet sesswali u referenzi moħbijin għall-​immoralità. Imma dak li qabel kien biss insinwat issa jiġi deskritt b’mod espliċitu. Josserva wieħed kittieb: “It-​tfal jiġu issa bbombardjati b’messaġġi espliċiti fuq skala li qatt ma rat bħala l-​kultura tagħna.”

Mużika Rap—il-​Mużika tal-​Irvell

7, 8. (a) X’inhi l-​mużika rap, u għala hi daqshekk popolari? (b) Persuna kif tistaʼ tiġi identifikata bħala li ssegwi l-​istil taʼ ħajja tar-​rap?

7 Ikkunsidra, per eżempju, il-​furja preżenti għall-​mużika rap. Skond ir-​rivista Time, ir-​rap sar “b’garanzija r-​revoluzzjoni tar-​ritmu globali” u huwa popolari immens fil-​Brażil, fl-​Ewropa, fil-​Ġappun, fir-​Russja, u fl-​Istati Uniti. Taʼ spiss kompletament nieqes mill-​melodija, il-​versi tiegħu huma mitkellma, mhux kantati, għall-​akkumpannjament taʼ beat qawwi. Huwa dak il-​beat penetranti, iżda, li donnu li hu s-​sigriet tas-​suċċess kummerċjali kbir tar-​rap. “Meta nismaʼ l-​mużika rap,” tgħid waħda żagħżugħa Ġappuniża, “inħossni eċċitata, u meta nkun qiegħda niżfen, inħossni libera.”

8 Il-​versi tar-​rap—taʼ spiss taħlita sfaċċata taʼ kliem baxx u pastaż—jidhru li huma raġuni oħra għall-​popolarità tar-​rap. Kuntrarju għall-​versi tar-​rock tradizzjonali, li ħafna minnhom jenfasizzaw fuq is-​suġġett tal-​imħabba romantika tat-​teenagers, il-​versi tar-​rap taʼ spiss ikun fihom messaġġ iktar serju. Xi mużika rap titkellem kontra l-​inġustizzja, ir-​razziżmu, u l-​brutalità tal-​pulizija. Xi drabi, iżda, ir-​rimi ripetuti huma esprimuti bl-​iktar lingwa maħmuġa u goffa immaġinabbli. Ir-​rap jidher li jikkonsisti wkoll f’irvell kontra livelli taʼ lbies, apparenza, u moralità sesswali. Kif mistenni, ir-​rap sar saħansitra stil taʼ ħajja. Dawk li jħaddnuh huma identifikati mill-​ġesti esaġerati, mill-​kliem pastaż, u mill-​bixra—jeans wesgħin, żraben tat-​tromba bil-​lazz maħlul, ktajjen tad-​deheb, brieret bil-​pizz twil, u nuċċalijiet skuri.

9, 10. (a) Iż-​żgħażagħ liema fatturi għandhom jikkunsidraw f’li jiddeterminaw jekk il-​mużika rap u l-​istil taʼ ħajja tiegħu humiex “aċċettabbli għall-​Mulej”? (b) Xi żgħażagħ Kristjani liema ħaġa jidhru li m’humiex qegħdin jieħdu bis-​serjetà?

9 F’​Efesin 5:​10, lill-​Kristjani jintqalilhom biex ‘jibqgħu jiżżguraw x’inhu aċċettabbli għall-​Mulej.’ Meta tqis x’reputazzjoni għamel ir-​rap għalih innifsu, taħseb int li se jkun “aċċettabbli għall-​Mulej” li int tiġi nvolut fih? Se jkun irid żagħżugħ Kristjan li jiġi identifikat maʼ stil taʼ ħajja li hu meqjus mhux aċċettabbli saħansitra minn ħafna nies tad-​dinja? Innota kif wieħed li jirrapporta ddeskriva kunċert tar-​rap: “Il-​kantanti tar-​rap impikaw bejniethom minn se jkun l-​iktar sfaċċat bil-​profanità u versi sesswali espliċiti. . . . Żeffiena rġiel u nisa imitaw atti sesswali fuq il-​palk.” Rigward ċerta preżentazzjoni prominenti, wieħed mill-​organizzaturi tal-​kunċert qal: “Tistaʼ tgħid kull kelma minn fommhom hi (oxxena).”

10 B’dan kollu, il-​mużika li ndaqqet dik il-​lejla ma kinitx meqjusa bħala differenti mir-​rap normali. Qal id-​direttur tas-​sala tal-​kunċert: “Li qegħdin tisimgħu hu rap normali—l-​istess bħalma ż-​żgħażagħ qegħdin jixtru mill-​ħwienet.” Kemm hu taʼ niket li tirrapporta li fost l-​4,000 jew iktar żgħażagħ li attendew għal dak il-​kunċert kien hemm xi wħud li jistqarru li huma Xhieda taʼ Jehovah! Xi wħud milli jidher ma jiħdux bis-​serjetà l-​fatt li Satana hu “l-​ħakkiem tal-​awtorità tal-​arja.” Hu jiggverna “l-​ispirtu [jew, l-​attitudni mentali dominanti] li issa jopera f’ulied id-​diżubbidjenza.” (Efesin 2:2) L-​interessi taʼ min se taqdi jekk tiġi involut mal-​mużika rap jew mal-​istil tal-​ħajja tar-​rap? Veru, xi rap jistaʼ jkun inqas oġġezzjonabbli fil-​kontenut tiegħu. Imma jagħmel sens li ssir tħobb kwalunkwe tip taʼ mużika li hi b’mod predominanti offensiva għal-​livelli Kristjani?

Heavy Metal​—Sess, Vjolenza, u Sataniżmu

11, 12. X’inhi l-​mużika heavy metal, u liema fatturi oġġezzjonabbli jikkaratterizzawha?

11 Għamla popolari oħra taʼ mużika hi l-​heavy metal. Il-​heavy metal hu iżjed minn rock qawwi u taʼ volum għoli. Igħid rapport f’The Journal of the American Medical Association: “Il-​mużika heavy metal . . . tippreżenta ritmu taʼ taħbit qawwi u hija abbundanti b’versi li jigglorifikaw il-​mibgħeda, l-​abbuż, il-​perverżjoni sesswali, u kultant is-​sataniżmu.” Iva, l-​ismijiet biss taʼ xi wħud mill-​iktar gruppi popolari jixhdu kemm hi korrotta moralment din il-​għamla taʼ rock. Jinkludu kelmiet bħalma huma “velenu,” “armi tan-​nar,” u “mewt.” Madankollu, il-​heavy metal tidher mansa meta tqabbilha mat-​thrash metal u mad-​death metal—kategoriji mużikali sekondarji li ħarġu mill-​heavy metal. L-​ismijiet taʼ dawn il-​gruppi jinkludu termini bħal “kannibalu” u “obitwarju.” Żgħażagħ f’ħafna pajjiżi forsi ma jirrealizzawx kemm huma offensivi dawn il-​kelmiet għaliex huma bl-​Ingliż jew b’xi lingwa barranija oħra.

12 Il-​mużika heavy metal ġiet b’mod ripetut assoċjata maʼ suwiċidju taʼ żgħażagħ, dipressjoni, u użu taʼ drogi. Il-​konnessjoni tagħha maʼ kondotta vjolenti ġagħlet lil wieħed konsulent tar-​radju jlaqqamha “mużika għall-​akkumpannjament fil-​qtil tal-​ġenituri tiegħek.” Huwa l-​konnessjoni mas-​Sataniżmu li jallarma lil ħafna ġenituri—u lil uffiċjali tal-​pulizija. Wieħed investigatur isostni li xi żgħażagħ li jinvolvu ruħhom f’qima satanika ġew introdotti fl-​okkult permezz taʼ din il-​mużika. “Ma jafux għalxiex huma deħlin,” hu jikkonkludi.

13. Liema hu l-​periklu f’li wieħed jiġi nvolut fil-​mużika heavy metal?

13 Iż-​żgħażagħ Kristjani, madankollu, m’għandhomx ikunu ‘ma jafux bit-​tfassil taʼ Satana.’ (2 Korintin 2:11) Wara kollox, “aħna għandna sarâr . . . kontra l-​forzi tal-​ispirti mill-​agħar fl-​imkejjen tas-​sema.” (Efesin 6:12) Kemm tkun ħaġa taʼ bluha li, bil-​għażla tal-​mużika tagħna, nistiednu lid-​demonji fil-​ħajja tagħna! (1 Korintin 10:​20, 21) Madankollu, għadd taʼ żgħażagħ Kristjani milli jidher togħġobhom ħafna din il-​mużika. Xi wħud saħansitra rrikorrew għal mezzi sigrieti biex jissodisfaw il-​gosti mużikali tagħhom. Tistqarr waħda tfajla: “Jien kont noqgħod nismaʼ l-​heavy metal, xi drabi kważi l-​lejl kollu. Kont nixtri rivisti [tal-fans] tal-​heavy metal u naħbihom mill-​ġenituri tiegħi ġo kaxxi taż-​żraben. Kont nigdbilhom lill-​ġenituri tiegħi. Jien naf li Jehovah ma kienx kuntent bija.” Hi nġabet f’sensiha minn artiklu fir-​rivista Awake!. Kemm żgħażagħ oħrajn forsi għadhom maqbudin f’nassa minn mużika bħal din?

Taħsad Dak li Tiżraʼ

14, 15. Għala nistgħu nkunu ċerti illi li nisimgħu mużika moralment taʼ ħsara se jkollu effett negattiv fuqna? Agħti eżempju.

14 Tipprovax tinjora l-​periklu li tistaʼ timponi din il-​mużika. Veru, forsi int m’intix inklinat li toqtol lil xi ħadd jew li tikkommetti immoralità sesswali sempliċement għaliex tismaʼ kanzunetta. Madankollu, Galatin 6:8 igħid: “Dak li qiegħed jiżraʼ b’ħarsa għal laħmu se jaħsad il-​korruzzjoni minn laħmu.” Li tismaʼ mużika li hi tal-​art, annimaleska, u saħansitra demonika jistaʼ jkollu biss effett negattiv fuqek. (Qabbel Ġakbu 3:15.) Il-​professur tal-​mużika Joseph Stuessy huwa kkwotat li qal: “Kwalunkwe tip taʼ mużika teffettwa l-​burdati, l-​emozzjonijiet, l-​attitudnijiet u l-​kondotta tagħna li tirriżulta . . . Kull min igħid, ‘jien nistaʼ nismaʼ l-​heavy metal, imma ma niġix effettwat,’ sempliċement għandu żball. Hija sempliċement teffettwa lil nies differenti bi gradi differenti u b’modi differenti.”

15 Wieħed żagħżugħ Kristjan jammetti: “Jien kont involut fil-​mużika thrash metal b’mod tant qawwi li l-​personalità tiegħi kollha kemm hi tbiddlet.” Malajr hu beda jġarrab problemi mid-​demonji. “Jien fl-​aħħar armejt id-​diski tiegħi u ġejt meħlus mid-​demonji.” Jistqarr żagħżugħ ieħor: “Il-​mużika li kont nismaʼ kienet jew tittratta mal-​ispiritiżmu, jew mad-​drogi, jew mas-​sess. Ħafna żgħażagħ igħidu li ma teffettwahomx, imma hija verament teffettwak. Jien kont kważi spiċċajt mill-​verità.” Wieħed mill-​proverbji jistaqsi: “Jistaʼ raġel ikebbes flimkien in-​nar fi ħdanu u madankollu l-​istess ħwejġu ma jinħarqux?”—Proverbji 6:27.

Ibqaʼ Għassa

16. X’jistaʼ jingħad dwar il-​kittieb, il-​mużiċisti, u l-​kantanti taʼ ħafna mill-​mużika tal-​lum?

16 Pawlu kiteb lill-​Kristjani ġewwa Efesu tal-​qedem: “Dan, għalhekk, ingħid u nagħti xiehda dwaru fil-​Mulej, li intom ma tibqgħux timxu iktar kif il-​ġnus ukoll jimxu fin-​nuqqas taʼ siwi taʼ mħuħhom, waqt li huma fid-​dlam mentalment, u maqtugħin mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla, minħabba l-​injoranza li tinsab fihom, minħabba li qlubhom ma jħossux.” (Efesin 4:​17, 18) Ma jistax dan jingħad rigward il-​kittieba u dawk li jdoqqu u jkantaw il-​biċċa l-​kbira tal-​mużika tal-​lum? Iktar minn qatt qabel, il-​mużika taʼ kull kategorija tirrifletti l-​influwenza tal-​“alla taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet,” Satana x-​Xitan.—2 Korintin 4:4.

17. Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jiġġudikaw, jew jittestjaw, il-​mużika?

17 Rigward l-​“aħħar jiem,” il-​Bibbja bassret: “Nies mill-​agħar u imposturi se jimxu ’l quddiem mill-​ħażin għall-​agħar.” (2 Timotew 3:​1, 13) Iktar minn qatt qabel, allura, għandek bżonn tagħmel għassa stretta fuq liema mużika tagħżel. Taʼ spiss, it-​titlu diżgustanti se jiskwalifika ċerti diski. Ġob 12:11 jistaqsi: “Il-​widna nfisha ma tittestjax il-​kliem bħalma l-​palat iduq l-​ikel?” B’mod simili, int tistaʼ tittestja l-​mużika billi tismaʼ biċċa b’widna kritika. Liema xorta taʼ sentimenti tqajjem fik il-​melodija? Tavvanza hi l-​imġieba bla kontroll u moralment korrotta​—l-​ispirtu taʼ xalar sfrenat? (Galatin 5:19-21) Xi ngħidu dwar il-​versi? Javvanzaw huma l-​immoralità sesswali, l-​abbuż tad-​drogi, jew xi affarijiet ħżiena oħra li huma “taʼ għajb saħansitra li tirrakkontahom?” (Efesin 5:12) Il-​Bibbja tgħid li affarijiet bħal dawn m’għandhom “lanqas biss jissemmew” fost il-​poplu t’Alla, aħseb u ara kemm għandhom jindaqqu u jiġu rrepetuti għal darba wara l-​oħra. (Efesin 5:3) Xi ngħidu dwar id-​disinn tal-​qoxra tad-​diska? Fih xi temi spiritistiċi jew xi stampi li jqanqlu sesswalment?

18. (a) Xi żgħażagħ liema bidliet forsi jkollhom jagħmlu fejn tidħol il-​mużika? (b) Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jiżżviluppaw il-​gosti tagħhom għal mużika iżjed edifikanti?

18 Forsi għandek bżonn tagħmel xi bidliet dwar il-​għamla taʼ mużika li tagħżel. Jekk għandek xi diski, tapes, u compact discs li fihom temi mmorali u demoniċi, għandek teħles minnhom immedjatament. (Qabbel Atti 19:19.) Dan ma jfissirx li int ma tistax tieħu pjaċir bil-​mużika; mhux il-​mużika popolari kollha hija oġġezzjonabbli. Xi żgħażagħ tgħallmu wkoll jespandu l-​gosti mużikali tagħhom u issa jieħdu pjaċir jisimgħu xi mużika klassika, folkloristika, jazz moderat, u għamliet oħra taʼ mużika. It-​tapes tal-​Kingdom Melodies għenu lil ħafna żgħażagħ biex jiżżviluppaw il-​gosti tagħhom għal mużika orkestrali edifikanti.

19. Għala huwa importanti li żżomm il-​mużika f’postha?

19 Il-​mużika hija rigal divin. Għal ħafna nies, iżda, hija ssir fissazzjoni taʼ ħsara. Dawn huma bħall-​Iżraeliti tal-​qedem li kienu jieħdu gost bid-​daqq taʼ ‘strument bil-​kordi, tanburlin u flawt, . . . imma l-​attività taʼ Jehovah ma ħarsux lejha.’ (Isaija 5:12) Għamilha l-​mira tiegħek li żżomm il-​mużika f’postha u ħalli l-​attività taʼ Jehovah tkun l-​interess ewlieni tiegħek. Kun selettiv u attent dwar il-​mużika li tagħżel. B’hekk int tkun tistaʼ tuża lil—mhux tabbuża minn—dan ir-​rigal divin.

[Nota taʼ taħt]

a Il-ġens taʼ Iżrael milli jidher kien jibbrilla fl-​arti tal-​mużika. Skultura antika Assirjana tirrivela li s-​Sultan Sennakerib ordna li jingħatawlu mużiċisti Iżraeliti bħala ħaraġ mingħand is-​Sultan Ħeżekija. Jinnota Grove’s Dictionary of Music and Musicians: “Li tordna biex jingħatawlek mużiċisti bħala ħaraġ . . . kien tabilħaqq mhux tas-​soltu.”

Tiftakar Int?

◻ Il-​mużika għala tistaʼ tissejjaħ rigal divin?

◻ Il-​mużika kif kienet abbużata fi żminijiet tal-​qedem?

◻ Liema perikli tippreżenta l-​mużika rap u heavy metal għal żgħażagħ Kristjani?

◻ Żgħażagħ Kristjani kif jistgħu jeżerċitaw attenzjoni fil-​għażla tagħhom taʼ mużika?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja