Meta l-Lvant Jiltaqaʼ mal-Punent
“IVA, LVANT hu Lvant, u Punent hu Punent, u qatt it-tnejn maʼ xulxin.” Dawn il-kelmiet tal-Poeta Britanniku Rudyard Kipling ifakkruna fid-differenzi kulturali profondi li jifirdu lill-umanità, u li jikkontribwixxu għal din il-mibgħeda kollha razzjali, nazzjonalistika u taʼ bejn it-tribujiet li qiegħda tinfirex madwarna llum. Ħafna jistaqsu, Ma jistax Alla jagħmel xi ħaġa dwar din is-sitwazzjoni? Iva, jistaʼ! U qiegħed jagħmel xi ħaġa saħansitra issa! Il-vers l-ieħor tal-poeżija taʼ Kipling irrefera saħansitra għal dan. Kemm se jdumu mifrudin il-Lvant u l-Punent? Kipling qal: “Sakemm l-Art u s-Sema quddiem t’Alla t-Tron kbir taʼ Ħaqq hemm miġburin.”
Alla għadda r-responsabbiltà taʼ l-iġġudikar lil Ibnu, Ġesù Kristu. (Ġwann 5:22-24, 30) Imma dak iż-żmien taʼ ġudizzju meta jibda? Min jiġi ġġudikat, u b’liema riżultat? Kien Ġesù li ddeskriva fil-profezija l-gwerer dinjin u n-niket li ġabu u li beda jifleġ lill-umanità fis-sena 1914. Hu stqarr li dawn jimmarkaw “is-sinjal” tal-“preżenza” inviżibbli tiegħu “u tal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.”—Mattew 24:3-8.
Fil-quċċata taʼ din il-profezija hekk kbira, Ġesù jidentifika ż-żmien preżenti tagħna bħala wieħed taʼ ħaqq, billi jgħid dwaru nnifsu: “Meta Bin il-bniedem jasal fil-glorja tiegħu, u l-anġli kollha miegħu, imbagħad se joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu. U l-ġnus kollha se jinġabru quddiemu, u hu se jifred lin-nies wieħed mill-ieħor, sewwa sew bħalma ragħaj jifred in-ngħaġ mill-mogħoż. U se jpoġġi lin-ngħaġ fuq il-leminija tiegħu, imma l-mogħoż fuq ix-xellug tiegħu.” B’mod figurattiv, il-popli kollha taʼ l-art qegħdin issa miġburin quddiem l-Imħallef u jridu jagħtu kont lilu għall-mod li bih iwieġbu għall-messaġġ tiegħu taʼ salvazzjoni. Meta jiġi esegwit il-ġudizzju f’qasir żmien fit-tribulazzjoni l-kbira, in-nies diżubbidjenti bħal mogħoż “se jitilqu fil-qtugħ taʼ dejjem, imma t-twajbin [l-uħud ubbidjenti bħal ngħaġ] fil-ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:31-33, 46; Rivelazzjoni 16:14-16.
‘Minn Tlugħ Ix-Xemx u Minn Inżul Ix-Xemx’
Il-ġudizzju taʼ din id-dinja beda attwalment matul is-snin tempestużi taʼ l-Ewwel Gwerra Dinjija. F’dak iż-żmien, il-kleru tal-Kristjaneżmu b’qalbhom kollha taw appoġġ lil dawn il-fazzjonijiet li kienu qegħdin jiggwerraw. Dan identifikahom bħala parti mid-dinja korrotta li jimmeritaha “l-korla t’Alla.” (Ġwann 3:36) Madankollu xi ngħidu dwar Kristjani li jħobbu l-paċi u li eżerċitaw fidi f’Alla? Mill-1919 ’il hawn, dawn bdew jinġabru għal fuq in-naħa tas-Sultan, Kristu Ġesù.
Mill-partijiet kollha tal-globu ġew, l-ewwel l-uħud li baqaʼ tal-144,000 midlukin, magħżulin matul is-sekli taʼ l-era Kristjana. Dawn se jkunu “werrieta bi sħab maʼ Kristu” fis-Saltna tiegħu tas-sema. (Rumani 8:17) Lil dawn il-profeta t’Alla jgħidilhom: “Tkunx beżgħan, għax jien miegħek. Minn tlugħ ix-xemx se nġib iż-żerriegħa tiegħek, u minn inżul ix-xemx jien se niġbrok flimkien. Jien se ngħid lit-Tramuntana, ‘Ċedi!’ u lin-Nofs in-Nhar, ‘Iżżommx lura. Ġib lil uliedi subien mill-bogħod, u lil uliedi bniet mill-estremità taʼ l-art, lil kulmin hu msejjaħ b’ismi u li ħloqt għall-glorja tiegħi stess, li sawwart, iva, li għamilt.’”—Isaija 43:5-7.
Imma dak mhux kollox! Partikolarment mis-snin tletin ’il hawn, folla kbira, li issa tgħodd bil-miljuni, bdiet tinġabar. Dawn huma “n-ngħaġ” li Ġesù rrefera għalihom f’Mattew 25:31-46. Bħall-fdal midlukin qabilhom, dawn jiġu li ‘jkollhom fidi’ f’Dak li jiddikjara: ‘Intom ix-xhieda tiegħi, u jien Alla.’ (Isaija 43:10-12) Il-ġbir taʼ din il-folla kbira qiegħed jibda ‘minn tlugħ ix-xemx u nżul ix-xemx, mit-Tramuntana u n-Nofs in-Nhar, u sa l-estremitajiet taʼ l-art.’
Dawn in-ngħaġ li jħobbu l-paċi qegħdin jiġu ssaldjati fi fratellanza waħda internazzjonali. Huma jitkellmu l-ħafna lingwi differenti tal-229 art fejn joqogħdu. Madankollu huma uniti spiritwalment f’li jitgħallmu l-“lingwa pura” tal-messaġġ tas-Saltna tal-Bibbja, “sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla.” (Sofonija 3:9) L-unità tagħhom taʼ twemmin, għan, u azzjoni tipprovdi testimonjanza meraviljuża li l-Lvant tabilħaqq iltaqaʼ mal-Punent, u mal-popli mid-direzzjonijiet kollha, biex jaqdu u jfaħħru lill-Mulej Sovran Jehovah.
F’xi artijiet dan il-ġbir qiegħed iseħħ taħt ċirkostanzi l-iktar taʼ l-għaġeb, kif se juruna r-rapporti li ġejjin. [w94 1/1]