Itfaʼ l-Anzjetà Kollha Tiegħek fuq Jehovah
“Umiljaw lilkom infuskom . . . taħt l-id setgħana t’Alla, biex hu jistaʼ jeżaltakom fiż-żmien xieraq; waqt li titfgħu l-anzjetà kollha tagħkom fuqu, għaliex hu jimpurtah minnkom.”—1 PIETRU 5:6, 7.
1. L-anzjetà kif tistaʼ teffettwana, u dan kif jistaʼ jiġi muri?
L-ANZJETÀ tistaʼ teffettwa lil ħajjitna b’mod drammatiku. Tistaʼ tiġi mxebbha maʼ l-interferenza li xi drabi tinterrompi melodija sabiħa mismugħa fuq ir-radju. Li kieku ma jkunx hemm interferenza fil-frekwenzi tar-radju, melodiji ħelwin jistgħu jitgawdew u jistgħu jipproduċu stat taʼ kalma. Madankollu, il-ħoss iżarżar taʼ l-interferenza jistaʼ jħassar saħansitra l-isbaħ melodija, billi jikkaġunalna rritazzjoni u frustrazzjoni. L-anzjetà jistaʼ jkollha effett simili fuq is-serenità tagħna. Tistaʼ tant ittaqqalna li ma nkunux nistgħu nlaħħqu m’affarijiet vitali. Tabilħaqq, “tħassib anzjuż fil-qalb taʼ raġel huwa dak li jġegħilha tmil.”—Proverbji 12:25.
2. Ġesù Kristu x’qal dwar l-“anzjetajiet tal-ħajja”?
2 Ġesù Kristu tkellem dwar il-periklu taʼ li wieħed jiġi distratt minn anzjetà eċċessiva. Fil-profezija tiegħu rigward l-aħħar jiem, hu ħeġġeġ: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel żejjed u xorb żejjed u anzjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum ikun minnufih fuqkom bħal nassa. Għax se jiġi fuq dawk kollha li qegħdin jgħammru fuq wiċċ l-art kollha. Ibqgħu mqajmin, allura, il-ħin kollu billi tagħmlu suppliki biex forsi jirnexxilkom taħarbu minn dawn l-affarijiet kollha li huma ddestinati li jseħħu, u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.” (Luqa 21:34-36) Bħalma ikel żejjed u xorb żejjed jistgħu jipproduċu stat tal-moħħ bla ħeġġa, hekk ukoll jekk insiru mtaqqlin bl-“anzjetajiet tal-ħajja” jistaʼ jikkaġunalna li nitilfu l-perspettiva mentali, b’riżultati traġiċi.
Dak Li L-Anzjetà Hija
3. L-“anzjetà” kif ġiet iddefinita, u x’inhuma xi wħud mill-kaġunijiet tagħha?
3 L-“anzjetà” hija definita bħala “moħħ imtaqqal mimli wġigħ jew li dejjem iberren fuq il-ħażin ġeneralment minħabba xi għawġ li jkun riesaq jew antiċipat.” Hija “tħassib jew interess mimli biżaʼ” kif ukoll “sens mhux normali u immens taʼ tberrin fuq il-ħażin u biżaʼ li taʼ spiss huwa mmarkat minn sintomi fiżjoloġiċi (bħalma huwa għaraq, tensjoni, u polz li jgħaġġel iktar), b’dubju rigward ir-realtà u n-natura tat-theddida, u b’dubju fik innifsek dwar jekk intix kapaċi tkampa magħha.” (Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary) Mela l-anzjetà tistaʼ tkun problema komplessa. Fost il-ħafna kaġuni taʼ din hemm il-mard, ix-xjuħija, il-biżaʼ mill-kriminalità, it-telf taʼ impjieg, u t-tħassib dwar il-benesseri tal-familja taʼ dak li jkun.
4. (a) X’inhuwa tajjeb li wieħed jiftakar dwar in-nies u l-anzjetajiet tagħhom? (b) Jekk qegħdin inġarrbu l-anzjetà, x’jistaʼ jsir?
4 B’mod ċar, hemm diversi gradi taʼ anzjetà, bħalma hemm diversi kundizzjonijiet jew ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għaliha. Mhux in-nies kollha jirreaġixxu għal xi sitwazzjoni bl-istess mod. Għalhekk, għandna bżonn nirrealizzaw li saħansitra jekk xi ħaġa ma tinkwetax lilna, tistaʼ tkun il-kaġun taʼ anzjetà serja għal xi wħud minn sħabna adoraturi taʼ Jehovah. X’jistaʼ jsir jekk l-anzjetà tilħaq sal-punt li ma nistgħux nikkonċentraw fuq il-veritajiet armonjużi u t’għaxqa tal-Kelma t’Alla? Xi ngħidu jekk tant inkunu magħdurin bl-anzjetà li ma nkunux kapaċi nżommu għajnejna ffokati fuq il-kwistjonijiet tas-sovranità taʼ Jehovah u l-integrità Kristjana? Forsi ma nistgħux inbiddlu ċ-ċirkostanzi tagħna. Minflok, ikollna bżonn infittxu xi punti Skritturali li se jgħinuna inkampaw maʼ l-anzjetà żejda kkaġunata mill-problemi kollhom xewk tal-ħajja.
Għajnuna Hija Disponibbli
5. Kif nistgħu naġixxu f’armonija maʼ Salm 55:22?
5 Meta l-Kristjani jeħtieġu għajnuna spiritwali u huma mtaqqlin bl-anzjetajiet, jistgħu jiksbu faraġ mill-Kelma t’Alla. Din tipprovdi gwida taʼ min jafdaha u tagħtina ħafna assiguranzi li m’aħniex waħedna bħala qaddejja leali taʼ Jehovah. Per eżempju, is-salmista David għanna: “Ixħet it-tagħbija tiegħek fuq Jehovah innifsu, u hu nnifsu se jsostnik. Hu qatt ma se jħalli lit-twajjeb jixxengel.” (Salm 55:22) Kif nistgħu naġixxu f’armonija maʼ dan il-kliem? Billi nitfgħu l-anzjetajiet, it-tħassib, il-biżaʼ, u d-diżappunti kollha tagħna fuq Missierna tas-sema kollu mħabba. Dan se jgħin biex jagħtina sens taʼ sigurtà u kalma fil-qalb.
6. Skond Filippin 4:6, 7, it-talb x’jistaʼ jagħmel għalina?
6 Talb regulari u mill-qalb huwa essenzjali jekk se nitfgħu t-tagħbija tagħna, inkluża l-anzjetà kollha tagħna, fuq Jehovah. Dan se jġibilna paċi ġewwinija, għax l-appostlu Pawlu kiteb: “Tkunu anzjużi fuq xejn, imma f’kollox bit-talb u bis-suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu l-petizzjonijiet tagħkom ikunu mgħarrfin lil Alla; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb se tgħasses lil qlubkom u l-qawwiet mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Il-“paċi t’Alla” inkomparabbli hija trankwillità mhux tas-soltu gawduta mill-qaddejja ddedikati taʼ Jehovah saħansitra f’sitwazzjonijiet l-iktar taʼ prova. Din tirriżulta mir-relazzjoni persunali mill-qrib tagħna m’Alla. Hekk kif nitolbu għall-ispirtu qaddis u nħalluh jimmotivana, m’aħniex meħlusin mill-problemi kollha tal-ħajja, imma tassew li ngawdu l-frott taʼ l-ispirtu taʼ paċi. (Luqa 11:13; Galatin 5:22, 23) Ma niġux megħlubin mill-anzjetà, għax nafu li Jehovah jġiegħel lin-nies leali kollha tiegħu ‘jgħammru fis-sigurtà’ u ma se jħalli xejn jiġri li se jikkaġunalna ħsara permanenti.—Salm 4:8.
7. Liema rwol jistgħu jkollhom anzjani Kristjani f’li jgħinuna inkampaw maʼ l-anzjetà?
7 Madankollu, xi ngħidu jekk l-anzjetà tagħna tippersisti, avolja qegħdin nimmeditaw fuq l-Iskrittura u qegħdin nipperseveraw fit-talb? (Rumani 12:12) L-anzjani maħturin fil-kongregazzjoni huma wkoll provvediment taʼ Jehovah biex jgħinuna spiritwalment. Jistgħu jfarrġuna u jgħinuna billi jużaw il-Kelma t’Alla u billi jitolbu magħna u għalina. (Ġakbu 5:13-16) L-appostlu Pietru ħeġġeġ lil sħabu l-anzjani biex jirgħu l-merħla t’Alla minn rajhom, bil-ħeġġa, u b’mod eżemplari. (1 Pietru 5:1-4) Dawn l-irġiel għandhom għal qalbhom il-ġid tagħna u jridu jkunu taʼ għajnuna. M’għandniex xi ngħidu, biex nibbenefikaw bis-sħiħ mill-għajnuna taʼ l-anzjani u biex immorru tajjeb spiritwalment fil-kongregazzjoni, ilkoll kemm aħna għandna bżonn napplikaw il-parir taʼ Pietru: “Intom l-irġiel żgħażagħ, kunu sottomessi lejn l-irġiel ixjeħ. Imma lkoll kemm intom ħażżmu lilkom infuskom b’umiltà tal-moħħ lejn xulxin, għaliex Alla jopponi lill-imkabbrin, imma jagħti qalb tajba m’hijiex mistħoqqa lill-umlin.”—1 Pietru 5:5.
8, 9. Liema faraġ nistgħu nieħdu mill-1 Pietru 5:6-11?
8 Pietru żied: “Umiljaw lilkom infuskom, għalhekk, taħt l-id setgħana t’Alla, biex hu jistaʼ jeżaltakom fiż-żmien xieraq; waqt li titfgħu l-anzjetà kollha tagħkom fuqu, għaliex jimpurtah minnkom. Ibqgħu f’sensikom, kunu għassa. L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, idur bħal iljun jgħajjat, ifittex biex jiblaʼ lil xi ħadd. Imma ħudu l-waqfa tagħkom kontra tiegħu, solidi fil-fidi, billi tafu li l-istess affarijiet f’dawk li huma sofferenzi qegħdin jiġu mwettqin fis-sħubija kollha kemm hija taʼ ħutkom fid-dinja. Imma, wara li tkunu sofrejtu għal ftit żmien, dak Alla taʼ kull qalb tajba m’hijiex mistħoqqa, li sejħilkom għall-glorja taʼ dejjem tiegħu f’unjoni maʼ Kristu, se jtemm hu stess it-taħriġ tagħkom, se jagħmilkom sodi, se jagħmilkom b’saħħitkom. Lilu tkun is-setgħa għal dejjem. Amen.”—1 Pietru 5:6-11.
9 Kemm huwa taʼ faraġ li tirrealizza li aħna nistgħu ‘nitfgħu l-anzjetà kollha tagħna fuq Alla għaliex hu jimpurtah minna’! U jekk xi ftit mill-anzjetà tagħna hija riżultat taʼ l-attentati tax-Xitan biex jeqred ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah billi jġib persekuzzjoni jew sofferenzi oħrajn fuqna, m’hijiex din ħaġa taʼ l-għaġeb li tkun taf li kollox se jmur tajjeb għal dawk li jżommu l-integrità? Iva, wara li nkunu sofrejna għal ftit, dak Alla taʼ kull qalb tajba m’hijiex mistħoqqa se jtemm it-taħriġ tagħna u se jagħmilna sodi u b’saħħitna.
10. L-ewwel Pietru 5:6, 7 jalludi għal liema tliet kwalitajiet li jistgħu jgħinuna nnaqsu l-anzjetà?
10 L-ewwel ittra taʼ Pietru 5:6, 7 talludi għal tliet kwalitajiet li jistgħu jgħinuna biex inkampaw maʼ l-anzjetà. Waħda hija l-umiltà, jew “l-umiltà tal-moħħ.” Vers 6 jispiċċa bl-espressjoni “fiż-żmien xieraq,” billi jissuġġerixxi l-ħtieġa għal paċenzja. Vers 7 juri li nistgħu bil-fiduċja nitfgħu l-anzjetà kollha tagħna fuq Alla ‘għaliex jimpurtah minna,’ u dak il-kliem jinkuraġġixxi fiduċja sħiħa f’Jehovah. Mela ejjew naraw kif l-umiltà, il-paċenzja, u l-fiduċja sħiħa f’Alla jistgħu jgħinuna biex innaqqsu l-anzjetà.
Kif L-Umiltà Tistaʼ Tgħin
11. L-umiltà kif tistaʼ tgħinna inkampaw maʼ l-anzjetà?
11 Jekk aħna umlin, se nammettu li l-ħsibijiet t’Alla huma bil-wisq superjuri minn tagħna stess. (Isaija 55:8, 9) L-umiltà tgħinna nirrikonoxxu l-kapaċità mentali limitata tagħna pparagunata mal-perspettiva li tkopri kollox taʼ Jehovah. Hu jara affarijiet li aħna ma nilmħux, kif muri fil-każ tar-raġel twajjeb Ġob. (Ġob 1:7-12; 2:1-6) Billi numiljaw lilna nfusna “taħt l-id setgħana t’Alla,” qegħdin nagħrfu l-pożizzjoni baxxa tagħna f’relazzjoni mas-Sovran Suprem. Mill-banda l-oħra, dan jgħinna biex inkampaw maʼ ċirkostanzi li hu jippermetti. Qlubna għandhom imnejn jixxennqu għal serħan immedjat, imma ladarba l-kwalitajiet taʼ Jehovah huma f’bilanċ perfett, hu jaf preċiżament meta u kif għandu jaġixxi għan-nom tagħna. Bħal tfal żgħar, allura, ejjew umilment naqbdu sod l-id setgħana taʼ Jehovah, fiduċjużi li hu se jgħinna inkampaw maʼ l-anzjetajiet tagħna.—Isaija 41:8-13.
12. L-anzjetà dwar sigurtà materjali kif tistaʼ tiġi effettwata jekk aħna bl-umiltà napplikaw il-kliem taʼ Ebrej 13:5?
12 L-umiltà tinkludi li nkunu lesti li napplikaw il-parir mill-Kelma t’Alla, li taʼ spiss jistaʼ jnaqqas l-anzjetà. Per eżempju, jekk l-anzjetà tagħna rriżultat minn involviment żejjed f’ġiri wara affarijiet materjali, forsi nagħmlu tajjeb li nirriflettu fuq il-parir taʼ Pawlu: “Ħallu l-manjiera tal-ħajja tagħkom tkun ħielsa mill-imħabba tal-flus, waqt li intom kuntenti bl-affarijiet preżenti. Għax [Alla] qal: ‘Bl-ebda mod ma jien se nitilqek u bl-ebda mod ma nabbandunak.’” (Ebrej 13:5) Billi bl-umiltà applikaw parir bħal dan, ħafna ħelsu lilhom infushom minn anzjetà kbira dwar is-sigurtà materjali. Waqt li l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom setgħet ma marritx ’il quddiem, din ma tiddominax il-ħsibijiet tagħhom b’detriment spiritwali għalihom.
Ir-Rwol Tal-Paċenzja
13, 14. (a) Inkwantu għas-sabar bil-paċenzja, liema eżempju pprovda r-raġel Ġob? (b) Li nistennew bil-paċenzja fuq Jehovah jistaʼ jagħmel liema ħaġa għalina?
13 L-espressjoni “fiż-żmien xieraq” fl-1 Pietru 5:6 tissuġġerixxi l-ħtieġa għal sabar paċenzjuż. Xi drabi problema tippersisti għal żmien twil, u dak jistaʼ jżid l-anzjetà. Speċjalment f’sitwazzjoni bħal din ikollna bżonn inħallu l-affarijiet f’idejn Jehovah. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Aħna nippronunzjaw henjin lil dawk li ssaportew. Intom smajtu bis-sabar taʼ Ġob u rajtu r-riżultat li Jehovah ta, illi Jehovah hu teneru ferm fl-affezzjoni u mimli ħniena.” (Ġakbu 5:11) Ġob għadda minn rovina ekonomika, tilef għaxart itfal fil-mewt, sofra minn marda kiefra, u ġie kkundannat b’mod żbaljat minn farraġa foloz. Taʼ l-inqas xi ftit anzjetà tkun normali taħt ċirkostanzi bħal dawn.
14 Kien x’kien, Ġob kien eżemplari fis-sabar paċenzjuż. Jekk inkunu għaddejjin minn prova ħarxa tal-fidi, forsi jkollna nistennew għal serħan, saħansitra bħalma għamel hu. Imma Alla tassew li aġixxa għan-nom tiegħu, billi eventwalment serraħ lil Ġob mis-sofferenza tiegħu u ppremjah b’mod abbundanti. (Ġob 42:10-17) Li bil-paċenzja nistennew fuq Jehovah jiżżviluppa s-sabar tagħna u jirrivela l-profondità tad-devozzjoni tagħna lejh.—Ġakbu 1:2-4.
Fiduċja F’Jehovah
15. Għala għandna nafdaw bis-sħiħ f’Jehovah?
15 Pietru ħeġġeġ lil sħabu kredenti biex ‘jitfgħu l-anzjetà kollha tagħhom fuq Alla għaliex hu jimpurtah minnhom.’ (1 Pietru 5:7) Mela nistgħu u għandna jkollna fiduċja sħiħa f’Jehovah. Proverbji 3:5, 6 jgħid: “Afda f’Jehovah b’qalbek kollha u tistrieħx fuq il-fehma tiegħek stess. Fil-mogħdijiet kollha tiegħek agħti kas tiegħu, u hu nnifsu se jiddritta l-passaġġi tiegħek.” Minħabba f’esperjenzi tal-passat, xi wħud li huma mimlijin b’anzjetà jsibuha diffiċli biex jafdaw bnedmin oħrajn. Imma aħna bir-raġun kollu nafdaw lill-Ħallieq tagħna, l-istess Sors u Sostenitur tal-ħajja. Saħansitra jekk ma nafdawx ir-reazzjoni tagħna stess f’ċerti kwistjonijiet, nistgħu dejjem nistrieħu fuq Jehovah biex jeħlisna mill-gwajiet tagħna.—Salm 34:18, 19; 36:9; 56:3, 4.
16. Ġesù Kristu x’qal dwar l-anzjetà minħabba affarijiet materjali?
16 Li jkollok fiduċja f’Alla jinkludi li tobdi lil Ibnu, Ġesù Kristu, li għallem dak li tgħallem mingħand Missieru. (Ġwann 7:16) Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ‘jaħżnu teżori fis-sema’ billi jaqdu lil Jehovah. Imma xi ngħidu dwar il-ħtiġijiet materjali li jinvolvu l-ikel, l-ilbies, u l-kenn? “Ieqfu milli tkunu anzjużi,” ta parir Ġesù. Hu wera ċar li Alla jitmaʼ lill-għasafar. Ilibbes il-fjuri b’mod sabiħ. Il-qaddejja umani t’Alla ma jiswewx iktar minn dawn? Dażżgur li jiswew. Għalhekk, Ġesù ħeġġeġ: “Ibqgħu, allura, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba [t’Alla], u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.” Ġesù kompla: “Mela, qatt tkunu anzjużi dwar il-jum li jmiss, għax il-jum li jmiss se jkollu l-anzjetajiet tiegħu stess.” (Mattew 6:20, 25-34) Iva, neħtieġu l-ikel, ix-xorb, l-ilbies, u l-kenn, imma jekk nafdaw f’Jehovah, m’aħniex se nkunu anzjużi bla bżonn dwar dawn l-affarijiet.
17. Kif nistgħu nuru b’tixbieha l-ħtieġa li nfittxu l-ewwel is-Saltna?
17 Biex infittxu l-ewwel is-Saltna, irridu nafdaw f’Alla u nżommu l-prijoritajiet tagħna fl-ordni xierqa. Bugħaddas mingħajr apparat tan-nifs jistaʼ jogħdos taħt il-wiċċ taʼ l-ilma biex ifittex xi gajdra b’xi perla ġo fiha. Dan huwa l-mod li bih qiegħed jipprovdi għall-familja tiegħu. Prijorità kbira, tabilħaqq! Imma x’inhuwa iktar importanti? L-Arja! Irid jitlaʼ fil-wiċċ regolarment biex jerġaʼ jimla l-pulmuni tiegħu. L-arja hija prijorità akbar. Bl-istess mod, forsi jkollna b’xi mod niġu involuti f’din is-sistema taʼ affarijiet sabiex nakkwistaw in-neċessitajiet tal-ħajja. Madankollu, affarijiet spiritwali jridu jiġu l-ewwel għaliex l-istess ħajja tan-nies taʼ darna tiddependi fuq dawn l-affarijiet. Biex nevitaw anzjetà bla bżonn fuq ħtiġijiet materjali, irridu jkollna fiduċja sħiħa f’Alla. Barra minn hekk, ‘li jkollna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej’ jistaʼ jgħinna biex innaqqsu l-anzjetà hekk kif “il-ferħ taʼ Jehovah” jagħti prova li huwa l-post b’saħħtu tagħna.—1 Korintin 15:58; Neħemija 8:10.
Ibqgħu Itfgħu L-Anzjetà Tagħkom Fuq Jehovah
18. X’evidenza hemm illi li nitfgħu l-anzjetà kollha tagħna fuq Jehovah jistaʼ tassew jgħinna?
18 Biex nibqgħu ffokati b’mod ċar spiritwalment, irridu nkomplu nitfgħu l-anzjetà kollha tagħna fuq Jehovah. Dejjem ftakar li hu tassew jimpurtah mill-qaddejja tiegħu. Biex nagħtu tixbieha: Minħabba l-infedeltà taʼ żewġha lejha, l-anzjetà taʼ waħda mara Kristjana żdiedet sal-punt li kien impossibbli għaliha li torqod. (Qabbel Salm 119:28.) Fis-sodda, madankollu, kienet titfaʼ l-anzjetà kollha tagħha fuq Jehovah. Kienet tiftaħ qalbha m’Alla, billi tgħidlu dwar l-uġigħ li hi u ż-żewġ bniet żgħar tagħha kienu qegħdin isofru. Wara li għajtet għal serħan f’talba ferventi, kienet dejjem tkun tistaʼ torqod, għax kellha l-fiduċja li Jehovah kien se jieħu ħsiebha u ħsieb uliedha. Din il-mara ddivorzjata Skritturalment hi issa hienja fiż-żwieġ maʼ wieħed anzjan.
19, 20. (a) X’inhuma xi modi li bihom nistgħu inkampaw maʼ l-anzjetà? (b) X’għandna nibqgħu nagħmlu bl-anzjetà kollha tagħna?
19 Bħala l-poplu taʼ Jehovah, għandna modi diversi taʼ kif inkampaw maʼ l-anzjetà. Li napplikaw il-Kelma t’Alla huwa speċjalment t’għajnuna. Għandna l-ikel spiritwali rikk ipprovdut minn Alla permezz taʼ “l-irsir fidil u diskret,” inklużi artikli t’għajnuna u rifreskanti ppubblikati fit-Torri Taʼ L-Għassa u l-Awake! (Mattew 24:45-47) Għandna l-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla. Talb regulari u ferventi jibbenefikana immens. Anzjani Kristjani maħturin huma lesti biex minn jeddhom jipprovdu għajnuna u faraġ spiritwali.
20 L-umiltà u l-paċenzja tagħna stess huma ferm taʼ benefiċċju f’li nittrattaw maʼ l-anzjetà li tistaʼ tiġi fuqna. Speċjalment importanti hija l-fiduċja sħiħa f’Jehovah, għax il-fidi tagħna tiġi msaħħa hekk kif inġarrbu l-għajnuna u d-direzzjoni tiegħu. Mill-banda l-oħra, il-fidi f’Alla tistaʼ żżommna milli nsiru nkwetati bla bżonn. (Ġwann 14:1) Il-fidi tqanqalna biex infittxu l-ewwel is-Saltna u nibqgħu beżlin fix-xogħol ferrieħi tal-Mulej, li jistaʼ jgħinna inkampaw maʼ l-anzjetà. Attività bħal din iġġegħilna nħossuna fis-sigurtà fost dawk li se jgħannu tifħir ’l Alla għall-eternità kollha. (Salm 104:33) Ejjew għalhekk nibqgħu nitfgħu l-anzjetà kollha tagħna fuq Jehovah. (w94 11/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ L-anzjetà kif tistaʼ tiġi definita?
◻ X’inhuma xi modi kif nistgħu inkampaw maʼ l-anzjetà?
◻ L-umiltà u l-paċenzja kif jistgħu jgħinuna biex innaqqsu l-anzjetà?
◻ F’li inkampaw maʼ l-anzjetà, għala huwa vitali li jkollna fiduċja sħiħa f’Jehovah?
◻ Għala għandna nibqgħu nitfgħu l-anzjetà kollha tagħna fuq Jehovah?
[Stampa f’paġna 19]
Taf għala Ġesù qal, “Ieqfu milli tkunu anzjużi”?