Xhieda Kontra l-Allat Foloz
“‘Intom ix-xhieda tiegħi’—Oraklu tal-Mulej—‘u l-qaddej tiegħi li jien ħtart.’”—ISAIJA 43:10.
1. Min hu dak Alla veru, u f’liema aspetti hu suprem ’il fuq mill-kotra t’allat meqjumin illum?
MIN hu dak Alla veru? Illum, din l-iktar mistoqsija importanti tiffaċċja lill-umanità kollha. Għalkemm il-bnedmin iqimu kotra t’allat, Wieħed biss jistaʼ jagħtina l-ħajja u joffrilna futur hieni. Dwar Wieħed biss jistaʼ jingħad: “Aħna fih ngħixu, nitħarrku u aħna.” (Atti 17:28) Tabilħaqq, Alla wieħed biss għandu d-dritt li jiġi meqjum. Kif jgħid il-kor tas-sema fil-ktieb t’Apokalissi: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek.”—Apokalissi 4:11.
2, 3. (a) Satana b’gideb kif sfida d-dritt taʼ Jehovah li jiġi meqjum? (b) X’kien ir-riżultat tad-dnub t’Eva għaliha u għat-tfal tagħha, u x’kien ir-riżultat għal Satana?
2 Fil-ġnien t’Għeden, Satana b’mod giddieb sfida d-dritt taʼ Jehovah li jkun meqjum. Billi uża serpent, qal lil Eva li jekk hi tirribella kontra l-liġi taʼ Jehovah u tiekol mis-siġra li Jehovah kien ipprojbixxa, hi nfisha se tkun bħal Alla. Kliemu kien: “Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” (Ġenesi 3:5) Eva emmnet lis-serpent u kielet mill-frott ipprojbit.
3 M’għandniex xi ngħidu, Satana gideb. (Ġwann 8:44) L-uniku mod li Eva saret “bħal Alla” meta dinbet kien li assumiet fuqha nfisha r-responsabbiltà li tiddeċiedi dak li kien tajjeb u dak li kien ħażin, xi ħaġa li kien imissha tħalliet għal Jehovah. U minkejja l-gidba taʼ Satana, eventwalment hi mietet. Mela l-uniku wieħed li bbenefika mid-dnub t’Eva kien Satana. Tabilħaqq, il-mira li ma ssemietx taʼ Satana f’li jipperswadi lil Eva biex tidneb kienet biex isir alla huwa nnifsu. Meta Eva dinbet, saret l-ewwel segwaċi uman tiegħu, u malajr ingħaqad magħha Adam. Il-biċċa l-kbira minn uliedhom mhux biss twieldu “fid-dnub” imma wkoll waqgħu taħt l-influwenza taʼ Satana, u f’qasir żmien, dinja sħiħa li kienet imbiegħda minn dak Alla veru bdiet teżisti.—Ġenesi 6:5; Salm 51:7 [Salm 51:5] NW.
4. (a) Min huwa l-alla taʼ did-dinja? (b) Dwar liema ħaġa hemm ħtieġa urġenti?
4 Dik id-dinja ġiet meqruda fid-Dilluvju. (2 Pietru 3:6) Wara d-Dilluvju żviluppat dinja oħra mbiegħda minn Jehovah, u din għadha teżisti. Dwarha il-Bibbja tgħid: “[I]d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Billi taġixxi kontra l-ispirtu u l-ittra tal-liġi taʼ Jehovah, din id-dinja taqdi l-għanijiet taʼ Satana. Huwa l-alla tagħha. (2 Korintin 4:4) Madankollu, bażikament huwa alla impotenti. Ma jistax jagħmel lin-nies henjin jew jagħtihom il-ħajja; Jehovah biss jistaʼ jagħmel dan. Għaldaqstant, nies li jridu ħajja taʼ skop u dinja aħjar iridu l-ewwel isiru jafu li Jehovah hu dak Alla veru u mbagħad jitgħallmu jagħmlu r-rieda tiegħu. (Salm 37:18, 27, 28; Koħelet 12:13) Hemm b’hekk ħtieġa urġenti għal irġiel u nisa taʼ fidi li jagħtu xiehda, jew jipproklamaw il-verità, dwar Jehovah.
5. Pawlu liema ‘sħaba taʼ xhieda’ jsemmi? Semmi xi nies fil-lista tiegħu.
5 Sa mill-bidunett, individwi leali bħal dawn dehru fuq ix-xena dinjija. L-appostlu Pawlu, f’Lhud kapitlu 11, jagħti lista twila minnhom u jsejħilhom “sħaba hekk kbira taʼ xhieda.” (Lhud 12:1) It-tieni iben t’Adam u Eva, Abel, kien l-ewwel wieħed fil-lista taʼ Pawlu. Ħenok u Noè wkoll jissemmew miż-żmien taʼ qabel id-Dilluvju. (Lhud 11:4, 5, 7) Prominenti hu Abraham, l-antenat tar-razza Lhudija. Abraham, li hu msejjaħ il-“ħabib t’Alla,” sar l-antenat taʼ Ġesù, “ix-xhud [leali u veru].”—Ġakbu 2:23; Apokalissi 3:14, NW.
Ix-Xiehda T’Abraham Għall-Verità
6, 7. Il-ħajja u l-azzjonijiet t’Abraham b’liema modi kienu xiehda għal dak Alla veru?
6 Abraham kif qeda bħala xhud? Bil-fidi qawwija tiegħu f’Jehovah u bl-ubbidjenza leali lejh. Meta ġie msejjaħ biex jitlaq miċ-ċentru urban t’Ur u jgħix il-bqija taʼ ħajtu f’pajjiż imbiegħed, Abraham obda. (Ġenesi 15:7; Atti 7:2-4) Nies tat-tribujiet li jiġġerrew spiss jabbandunaw il-ħajja nomadika tagħhom u jippreferu l-ħajja iżjed taʼ sigurtà tal-belt. Għaldaqstant, meta Abraham telaq mill-belt biex jibda jgħix fit-tined, hu ta evidenza qawwija tal-fiduċja tiegħu f’Alla Jehovah. L-ubbidjenza tiegħu kienet xiehda għal dawk li rawh. Jehovah bierek b’mod għani lil Abraham minħabba l-fidi tiegħu. Għalkemm kien jgħix fit-tined, Abraham stagħna materjalment. Meta Lot u l-familja tiegħu nġarru fil-jasar, Jehovah ta lil Abraham suċċess fil-ġiri tiegħu warajhom, biex b’hekk setaʼ jeħlishom. Mart Abraham welldet iben fi xjuħitha, u b’hekk il-wegħda taʼ Jehovah li Abraham kellu jkun missier taʼ żerriegħa ġiet ikkonfermata. Permezz t’Abraham, in-nies raw li Jehovah hu Alla ħaj li jwettaq il-wegħdi tiegħu.—Ġenesi 12:1-3; 14:14-16; 21:1-7.
7 Meta rritorna milli jeħles lil Lot, Abraham iltaqaʼ maʼ Melkisedek, sultan taʼ Salem (iktar tard imsejħa Ġerusalemm), li ta merħba lil Abraham billi qal: “Imbierek Abram minn El-għeljon.” Is-sultan taʼ Sodom ukoll iltaqaʼ miegħu u ried jagħtih għotjiet. Abraham irrifjuta. Għala? Ma riedx li jkun hemm xi dubju dwar is-Sors tal-barkiet tiegħu. Qal: “Ngħolli jdejja lejn il-Mulej, El-għeljon, li għamel is-sema u l-art, u naħlef li la ħajta u anqas qafla taʼ qorq, xejn ma nieħu minn kull ma hu tiegħek biex ma tgħidx: ‘Jien għanejt lil Abram.’” (Ġenesi 14:17-24) Kemm kien xhud mill-aħjar Abraham!
Ġens Taʼ Xhieda
8. Mosè kif wera fidi kbira f’Jehovah?
8 Mosè, dixxendent t’Abraham, ukoll jidher fuq il-lista taʼ xhieda taʼ Pawlu. Mosè abbanduna r-rikkezzi taʼ l-Eġittu u iktar tard iffaċċja bil-qlubija lill-ħakkiem taʼ dik il-qawwa dinjija kbira sabiex imexxi lil ulied Iżrael lejn il-ħelsien. Minn fejn ġab il-kuraġġ? Mill-fidi tiegħu. Pawlu jgħid: “[Mosè] żamm iebes, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx.” (Lhud 11:27) L-allat taʼ l-Eġittu kienu jidhru, jistgħu jintmessu. Saħansitra llum, l-istatwi tagħhom jimpressjonaw lin-nies. Imma Jehovah, għalkemm ma jidhirx, kien bil-wisq iżjed reali għal Mosè minn dawk l-allat foloz kollha. Mosè ma kellu ebda dubju li Jehovah jeżisti u li kien se jippremja lill-adoraturi Tiegħu. (Lhud 11:6) Mosè sar xhud li jispikka.
9. Il-ġens taʼ Iżrael kif kellu jaqdi lil Jehovah?
9 Wara li mexxa lill-Iżraeliti lejn il-libertà, Mosè sar il-medjatur taʼ patt bejn Jehovah u d-dixxendenti t’Abraham minn Ġakobb. Bħala riżultat, il-ġens taʼ Iżrael sar jeżisti bħala pussess speċjali taʼ Jehovah. (Eżodu 19:5, 6) Għall-ewwel darba, xiehda nazzjonali kellha tingħata. Il-kliem taʼ Jehovah permezz taʼ Isaija, xi 800 sena wara, applika fil-prinċipju mill-bidu taʼ l-eżistenza tal-ġens: “‘Intom ix-xhieda tiegħi’—Oraklu tal-Mulej—‘u l-qaddej tiegħi li jien ħtart, biex tagħrfuni u temmnuni u tifhmu li jien hu.’” (Isaija 43:10) Dan il-ġens ġdid kif kienu se jaqdu bħala xhieda taʼ Jehovah? Bil-fidi u l-ubbidjenza tagħhom u permezz taʼ l-azzjonijiet taʼ Jehovah għan-nom tagħhom.
10. Ix-xogħlijiet setgħanin taʼ Jehovah għan-nom taʼ Iżrael b’liema mod ipprovdew xiehda, u b’liema riżultati?
10 Madwar 40 sena wara l-bidu tiegħu, Iżrael kien wasal biex jieħu pussess tal-Pajjiż Imwiegħed. Intbagħtu spiji biex jitkixxfu l-belt taʼ Ġeriko, u Raħab, abitanta taʼ Ġeriko, ipproteġiethom. Għala? Hi qalet: “Għax smajna kif il-Mulej reġġaʼ lura l-ilma tal-Baħar tal-Qasab minn quddiemkom meta ħriġtu mill-Eġittu, u x’għamiltu liż-żewġ slaten taʼ l-Amurrin, li hemm lil hemm mill-Ġordan, Siħon u Għog, kif qridtuhom. Malli smajna qalbna nħallet u ma baqgħet ebda ruħ f’ħadd minna minħabba fikom. Veru li l-Mulej, Alla tagħkom, hu Alla fis-sema minn fuq u fuq l-art minn taħt.” (Ġożwè 2:10, 11) Ir-rapport tax-xogħlijiet taʼ qawwa taʼ Jehovah qanqal lil Raħab u l-familja tagħha biex iħallu lil Ġeriko u l-allat foloz tagħha u jqimu lil Jehovah maʼ Iżrael. B’mod ċar, Jehovah kien ta xiehda qawwija permezz taʼ Iżrael.—Ġożwè 6:25.
11. Il-ġenituri Iżraeliti kollha liema responsabbiltà kellhom rigward l-għoti taʼ xiehda?
11 Waqt li l-Iżraeliti kienu għadhom fl-Eġittu, Jehovah bagħat lil Mosè għand Fargħun u qal: “Mur għand il-Fargħun, għax jien webbistlu qalbu u qalb il-qaddejja tiegħu, biex nagħmel dawn is-sinjali tiegħi f’nofshom, u biex ixxandar u ssammaʼ f’widnejn ibnek u wlied ibnek li jien qgħadt nitliegħeb bl-Eġizzjani, u s-sinjali li jien għamilt ġo nofshom, sabiex tkunu tafu li jien il-Mulej.” (Eżodu 10:1, 2) Iżraeliti ubbidjenti kienu se jgħidu lit-tfal tagħhom dwar l-atti setgħanin taʼ Jehovah. It-tfal tagħhom, mill-banda l-oħra, kienu se jirrakkontawhom lit-tfal tagħhom, u hekk kellu jkun, minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. B’hekk, l-għemejjel potenti taʼ Jehovah kienu se jibqgħu miftakkrin. Bl-istess mod illum, il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu xiehda lit-tfal tagħhom.—Dewteronomju 6:4-7; Proverbji 22:6.
12. Il-barka taʼ Jehovah fuq Salamun u Iżrael kif serviet bħala xiehda?
12 Il-barka rikka taʼ Jehovah fuq Iżrael meta dan kien leali serviet bħala xiehda għall-ġnus taʼ madwarhom. Bħalma qal Mosè wara li rrakkonta l-barkiet imwegħdin taʼ Jehovah: “Jaraw il-ġnus kollha taʼ l-art li int iġġib isem il-Mulej, u jibżgħu minnek.” (Dewteronomju 28:10) Salamun ngħata għerf u għana minħabba l-fidi tiegħu. Taħtu l-ġens kellu prosperità u gawda perijodu twil taʼ paċi. Rigward dak iż-żmien naqraw: “Kienu jiġu nies mill-ġnus kollha jisimgħu l-għerf taʼ Salamun, u mingħand is-slaten kollha taʼ l-art, li kienu semgħu b’għerfu.” [1 Slaten 5:5, 9, 10, 14]; [1 Slaten 4:25, 29, 30, 34, NW] Prominenti fost il-viżitaturi taʼ Salamun kienet is-sultana taʼ Xeba. Wara li rat għaliha nfisha l-barka taʼ Jehovah fuq il-ġens u s-sultan tiegħu, qalet: “Ikun imbierek il-Mulej, Alla tiegħek li tgħaxxaq bik, u qiegħdek fuq it-tron tiegħu, b’sultan tal-Mulej Alla tiegħek; għax Alla tiegħek ħabb lil Iżrael.”—2 Kronaki 9:8.
13. Liema setgħet kienet l-iktar xiehda effettiva taʼ Iżrael, u kif għadna nibbenefikaw minnha?
13 L-appostlu Pawlu semma dik li x’aktarx kienet l-iktar xiehda effettiva taʼ Iżrael. Meta kien qiegħed jiddiskuti dwar Iżrael tal-laħam mal-kongregazzjoni Kristjana f’Ruma, qal: “Lilhom kienu fdati l-orakli t’Alla.” (Rumani 3:1, 2) Billi bdew b’Mosè, ċerti Iżraeliti leali kienu spirati biex jiddokumentaw bil-kitba t-trattâr taʼ Jehovah maʼ Iżrael, kif ukoll il-pariri tiegħu, il-liġijiet tiegħu, u l-profeziji tiegħu. Permezz taʼ dawn il-kitbiet dawk l-iskribi tal-qedem taw xiehda għall-ġenerazzjonijiet kollha li kellhom jiġu—inkluża tagħna llum—li hemm biss Alla wieħed, u li ismu huwa Jehovah.—Danjel 12:9; 1 Pietru 1:10-12.
14. Xi wħud li taw xiehda għal Jehovah għala sofrew persekuzzjoni?
14 B’sogħba, Iżrael taʼ spiss naqas li jeżerċita fidi, u mbagħad Jehovah kellu jibgħat xhieda lill-ġens tiegħu stess. Ħafna minn dawn kienu ppersegwitati. Pawlu qal li xi wħud “sofrew żebliħ u swat u saħansitra ktajjen u ħabs.” (Lhud 11:36) Xhieda leali tassew! X’ħasra li l-persekuzzjonijiet tagħhom spiss ġew minn membri sħabhom tal-ġens magħżul taʼ Jehovah! (Mattew 23:31, 37) Fil-fatt, id-dnub tal-ġens sar tant kbir li fis-sena 607 Q.E.K., Jehovah daħħal lill-Babilonjani biex jeqirdu lil Ġerusalemm bit-tempju tagħha u jġorru lill-maġġoranza taʼ l-Iżraeliti li baqgħu ħajjin fl-eżilju. (Ġeremija 20:4; 21:10) Kien dak it-tmiem tax-xiehda nazzjonali għal isem Jehovah? Le.
Ġuri Taʼ L-Allat
15. Kif ingħatat xiehda saħansitra fl-eżilju Babilonjan?
15 Saħansitra fl-eżilju Babilonjan, membri leali tal-ġens ma żammewx lura milli jixhdu dwar id-Divinità u l-qawwa taʼ Jehovah. Per eżempju, Danjel bil-qlubija interpreta l-ħolm taʼ Nebukadneżżar, spjega l-kitba fuq il-ħajt għal Belxażżar, u rrifjuta li jagħmel kompromess quddiem Darjus fil-kwistjoni tat-talb. It-tliet Ebrej ukoll, meta rrifjutaw li jmilu quddiem xbiha, taw lil Nebukadneżżar xiehda meraviljuża.—Danjel 3:13-18; 5:13-29; 6:4-27.
16. Jehovah kif bassar ir-ritorn taʼ Iżrael lejn pajjiżhom, u x’kellu jkun l-iskop taʼ dan ir-ritorn?
16 Minkejja dan, Jehovah kellu skop li xiehda nazzjonali kienet se tingħata mill-ġdid fuq il-ħamrija taʼ Iżrael. Eżekjel, li pprofetizza fost il-Lhud eżiljati fil-Babilonja, kiteb dwar id-determinazzjoni taʼ Jehovah rigward l-art devastata: “Jien inkattrilkom in-nies, dar Iżrael kollha; l-ibliet jitgħammru u l-ħerbiet jinbnew mill-ġdid.” (Eżekjel 36:10) Jehovah għala kien se jagħmel dan? Primarjament bħala xiehda għal ismu stess. Permezz t’Eżekjel qal: “Mhux minħabba fikom sejjer nagħmel dan, ja dar taʼ Iżrael, iżda minħabba f’ismi l-qaddis li intom kasbartu fost il-ġnus.”—Eżekjel 36:22; Ġeremija 50:28.
17. X’kien il-kuntest tal-kliem taʼ Isaija 43:10?
17 Kien meta pprofetizza dwar ir-ritorn taʼ Iżrael mill-eżilju Babilonjan li l-profeta Isaija kien spirat li jikteb il-kliem taʼ Isaija 43:10, billi qal li Iżrael kien ix-xhud taʼ Jehovah, il-qaddej tiegħu. F’Isaija 43 u 44, Jehovah hu deskritt bħala l-Ħallieq, Dak li Sawwar, Alla, il-Qaddis, is-Salvatur, il-Feddej, is-Sultan, u Dak li Għamel lil Iżrael. (Isaija 43:3, 14, 15; 44:2) L-eżilju taʼ Iżrael ġie permess minħabba li l-ġens ripetutament naqas li jigglorifikah bħala tali. Madankollu, kienu għadhom il-poplu tiegħu. Jehovah kien qalilhom: “La tibżax, għax jien fdejtek; jien sejjaħtlek b’ismek. Inti tiegħi.” (Isaija 43:1) L-eżilju taʼ Iżrael f’Babilonja kien se jintemm.
18. Il-liberazzjoni taʼ Iżrael mill-Babilonja kif tat prova li Jehovah hu l-uniku Alla veru?
18 Tabilħaqq, Jehovah għamel il-liberazzjoni taʼ Iżrael mill-Babilonja bħala ġuri taʼ l-allat. Hu sfida lill-allat foloz tal-ġnus biex jippreżentaw lix-xhieda tagħhom, u semma lil Iżrael bħala x-xhud tiegħu. (Isaija 43:9, 12) Meta kisser il-madmad taʼ l-eżilju taʼ Iżrael, hu ta prova li l-allat taʼ Babilonja ma kienu allat xejn u li hu l-uniku Alla veru. (Isaija 43:14, 15) Meta, madwar 200 sena qabel il-ġrajja, hu semma lil Ċiru l-Persjan bħala l-qaddej tiegħu f’li jeħles lil-Lhud, ta iktar prova dwar id-Divinità tiegħu. (Isaija 44:28) Iżrael kien se jiġi lliberat. Għala? Jehovah jispjega: “Biex ixandar it-tifħir tiegħi.” (Isaija 43:21) Dan kien se jagħti iżjed opportunità għal xiehda.
19. Liema xiehda ngħatat mill-istedina taʼ Ċiru lill-Iżraeliti biex jirritornaw lejn Ġerusalemm u bl-atti taʼ Lhud leali wara dak ir-ritorn?
19 Meta wasal iż-żmien, Ċiru l-Persjan ikkonkwista l-Babilonja sewwa sew bħalma kien ipprofetizzat. Ċiru, għalkemm pagan, ipproklama d-Divinità taʼ Jehovah meta ħareġ digriet lil-Lhud f’Babilonja: “Kull min hemm fostkom mill-poplu kollu tiegħu, jalla Alla tiegħu jkun miegħu! Ħa jitlaʼ Ġerusalemm, belt taʼ Ġuda, u jibni t-tempju tal-Mulej, Alla taʼ Iżrael. Hu Alla li qiegħed Ġerusalemm.” (Esdra 1:3) Ħafna Lhud wieġbu. Huma vvjaġġaw lura lejn il-Pajjiż Imwiegħed u bnew artal fil-post fejn qabel kien hemm it-tempju. Minkejja l-iskuraġġiment u l-oppożizzjoni ħarxa, fl-aħħar setgħu jibnu mill-ġdid it-tempju u l-belt taʼ Ġerusalemm. Dan kollu ġara, bħalma qal Jehovah innifsu, “la bil-ħila u lanqas bil-qawwa, imma bl-ispirtu tiegħ[u].” (Żakkarija 4:6) Dawn il-bravuri taw iżjed evidenza li Jehovah hu dak Alla veru.
20. Minkejja d-dgħjufijiet taʼ Iżrael, x’jistaʼ jingħad dwar l-għoti tagħhom taʼ xiehda għal isem Jehovah fid-dinja tal-qedem?
20 B’hekk, Jehovah baqaʼ juża lil Iżrael, għalkemm ġens taʼ nies imperfetti u kultant ribellużi, bħala x-xhud tiegħu. Fid-dinja taʼ qabel il-Kristjanità, dak il-ġens, bit-tempju u s-saċerdozju tiegħu, irrappreżenta ċ-ċentru dinji taʼ qima vera. Kulmin jaqra fl-Iskrittura Ebrajka dwar l-atti taʼ Jehovah f’relazzjoni maʼ Iżrael ma jistaʼ jkollu ebda dubju affattu li hemm biss Alla veru wieħed, u ismu huwa Jehovah. (Dewteronomju 6:4; Żakkarija 14:9) Madankollu, xiehda bil-wisq akbar kellha tingħata għal isem Jehovah, u se niddiskutu dan fl-artiklu li jmiss. (w95 9/1)
Tiftakar Int?
◻ Abraham kif ta xiehda li Jehovah hu dak Alla veru?
◻ Liema kwalità li tispikka taʼ Mosè għenitu biex ikun xhud leali?
◻ Iżrael b’liema modi ta xiehda nazzjonali dwar Jehovah?
◻ Il-liberazzjoni taʼ Iżrael mill-Babilonja kif kienet turija li Jehovah hu l-uniku Alla veru?
[Stampa f’paġna 24]
Permezz tal-fidi u l-ubbidjenza tiegħu, Abraham ta xiehda li tispikka favur id-Divinità taʼ Jehovah