LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 10/1 pp. 5-6
  • L-Għira Kważi Rrovinatli Ħajti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Għira Kważi Rrovinatli Ħajti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Materjal Simili
  • L-Imħabba Tikkonkwista l-Għira Mhix Xierqa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Għajjurin għall-Qima Pura taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Dak Li Għandek Tkun Taf Dwar L-Għira
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Għandhom il-Kristjani Jkunu Għajjurin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 10/1 pp. 5-6

L-​Għira Kważi Rrovinatli Ħajti

L-​GĦIRA tassew li kienet bdiet teffettwani ħażin meta żżewwiġt lit-​tieni raġel tiegħi, Mark.a Bejnietna, kellna nieħdu ħsieb numru taʼ tfal tar-​rispett u nittrattaw maʼ dawk li lilhom konna miżżewġin qabel. Xi sitwazzjoni kienet kultant insapportabbli. Kull meta kien hemm xi konfrontazzjoni fil-​familja, donnu li Mark ma kienx jaqbeż għalija. Kont bdejt inħoss li kien għadu jħobb lill-​mara li kellu qabel. Minflok ma kkontrollajt l-​għira tiegħi, ħallejtha tikkontrollali ħajti. Ħassejtni mhedda kull meta kien ikun hemm il-​mara li Mark kellu qabel.

Kont noqgħod il-​ħin kollu għassa għal Mark, saħansitra ngħasses ’l għajnejh biex nara ’l fejn kien iħares. Kont naqralu f’ħarstu affarijiet li lanqas biss kienu f’moħħu. Xi drabi kont nakkużah bil-​miftuħ li kien għadu jħobb lill-​mara li kellu qabel. F’okkażjoni minnhom tant kien inkwetat b’dan li qam u telaq ’il barra waqt assemblea Kristjana. Ħassejtni ħatja quddiem Jehovah. Għamilt il-​ħajja tal-​familja tiegħi miżerabbli għax fl-​aħħar mill-​aħħar it-​tfal ġew effettwati wkoll. Bgħadt lili nnifsi għal dak li kont qed nagħmel, imma pprovajt iebes kemm ipprovajt, sempliċement donni ma stajtx nikkontrolla l-​għira tiegħi.

Minflok għinni, Mark beda jirritalja. Meta kont nakkużah, kien jgħajjat miegħi, “Għajjura, int sempliċement għajjura.” Saħansitra kien jidher li qiegħed jagħmel apposta biex iġegħilni ngħir. Forsi ħaseb li b’hekk kien se jfejjaq l-​għira tiegħi, imma dan iktar għarraq l-​affarijiet. Beda jħares lejn nisa oħrajn, fil-​waqt li jagħmel kummenti dwar kemm kienu ħelwin. Dan ġegħilni nħossni saħansitra iktar inferjuri u mwarrba. Wasalt sal-​punt fejn emozzjoni kerha oħra​—il-​mibgħeda—​refgħet rasha. F’dak il-​punt, kont tant imħawda li ridt biss li hu u l-​familja tiegħu jispiċċaw minn ħajti.

Meta l-​Bibbja tgħid li “l-​għira tħassarlek għadmek,” eżattament li hekk huwa. (Proverbji 14:30) Saħħti issa bdiet tiġi effettwata. Żviluppawli ulċeri fl-​istonku li ħadu żmien twil biex fiequ. Komplejt nagħmel ħajti miżerabbli billi nkun suspettuża dwar dak kollu li kien jagħmel Mark. Kont infittixlu fil-​bwiet, u jekk insiblu xi numri tat-​telefon, kont inċempel biex nara min jirrispondi. Fil-​fond taʼ qalbi kont disgustata bija nnifsi, kont nibki minħabba l-​għajb quddiem Jehovah. Madankollu ma stajtx inwaqqaf lili nnifsi. Kont l-​akbar għadu tiegħi stess.

L-ispiritwalità tiegħi sofriet sal-​punt li ma stajtx nitlob iktar. Kont inħobb lil Jehovah u tassew ridt nagħmel dak li kien tajjeb. Kont naf l-​iskritturi kollha li għandhom x’jaqsmu maʼ rġiel u nisa miżżewġin, imma ma kontx kapaċi napplikahom. Għall-​ewwel darba f’ħajti, ma ridtx ngħix iktar, minkejja l-​fatt li kelli tfal meraviljużi.

L-anzjani fil-​kongregazzjoni Kristjana kienu taʼ inkuraġġiment kbir u għamlu l-​aħjar li setgħu biex jgħinuni. Imma meta qajmu l-​kwistjoni taʼ l-​għira, kont niċħad minħabba li kont inħossni mbarazzata, billi ma ridtx nammetti li kelli din il-​problema.

Eventwalment, saħħti tant marret lura li kelli nidħol l-​isptar għal operazzjoni. Waqt li kont hemmhekk irrealizzajt li l-​ħajja ma setgħetx tibqaʼ sejra kif kienet. Mark u jien iddeċidejna li nisseparaw għal tliet xhur biex neżaminaw is-​sitwazzjoni tagħna mingħajr ma nkunu daqshekk involuti emozzjonalment. Matul dan il-​perijodu ġrat xi ħaġa taʼ l-​għaġeb. Fir-​rivista Awake! deher artiklu ntitolat “Għajnuna Għal Ulied Adulti Taʼ Persuni Alkoħoliċi.”b

Taf xejn, ommi kienet alkoħolika. Għalkemm ma kontx abbużata fiżikament, il-​ġenituri tiegħi qatt ma wrew affezzjoni fiżika lejn xulxin jew lejja. Ma nistax niftakar li ommi qatt ħaddnitni magħha jew qaltli li tħobbni. Għalhekk jien fil-​fatt kbirt mingħajr ma kont naf kif għandi nħobb jew, daqshekk ieħor importanti, kif għandi niġi maħbuba.

Ommi sikwit kienet tgħidli dwar l-​intriċċi taʼ missieri u li ma setgħetx tafdah. Għalhekk naħseb li kbirt b’mod li ma kontx nafda lill-​irġiel inġenerali. Minħabba t-​trobbija tiegħi, dejjem ħassejtni inferjuri għal oħrajn, speċjalment għal nisa oħrajn. Li qrajt dak l-​artiklu fl-​Awake! għenni nifhem is-​sinjifikat taʼ dawn l-​affarijiet. Għall-​ewwel darba, fhimt il-​qofol tal-​problema tiegħi bl-​għira.

Urejt l-​artiklu taʼ l-​Awake! lil żewġi, Mark, u dan għen lilu wkoll biex jifhimni aħjar. Malajr hu u jien stajna nsegwu l-​parir tal-​Bibbja għal koppji li jkunu qegħdin jaħsbu biex jisseparaw. Irranġajna. (1 Korintin 7:10, 11) Issa ż-​żwieġ tagħna huwa aħjar minn qatt qabel. Nagħmlu l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​affarijiet flimkien, speċjalment meta attivitajiet Kristjani huma involuti. Mark juri iktar empatija. Kważi kuljum jgħidli kemm iħobbni, u issa dan nemmnu tassew.

Kull meta nkun naf li se niġu f’kuntatt mal-​mara li Mark kellu qabel, nitlob lil Jehovah għas-​saħħa, billi nitolbu jgħinni naġixxi b’mod Kristjan matur. U dik taħdem. Saħansitra l-​emozzjonijiet taʼ mibgħeda li kelli għaliha qegħdin jonqsu. M’għadnix inberren fuq ħsibijiet negattivi jew inħalli l-​immaġinazzjoni tiġri bija.

Xorta għadhom jiġuni xi emozzjonijiet t’għira li m’humiex xierqa. Hija biss ħajja perfetta fid-​dinja ġdida t’Alla li se teħlisni kompletament minnha. Sadanittant, tgħallimt nikkontrolla l-​għira, minflok ma nħalliha tikkontrollani hija. Iva, l-​għira kważi rrovinatli ħajti, imma grazzi għal Jehovah u l-​organizzazzjoni tiegħu, jien issa persuna ħafna iktar hienja, u saħħti reġgħet lura għan-​normal. Għal darb’oħra għandi relazzjoni soda m’Alla tiegħi, Jehovah.​—Ikkontribut. (w95 9/15)

[Noti taʼ taħt]

a  L-isem ġie mibdul.

b  Ara Awake! tat-​22 taʼ Mejju, 1992, pġi. 8-12.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja