Għandhom il-Kristjani Jkunu Għajjurin?
L-GĦIRA—hija din kwalità li l-Kristjani għandhom jikkultivaw? Bħala Kristjani, aħna niġu inkuraġġiti biex ‘infittxu l-imħabba,’ u jintqalilna li “l-imħabba m’hijiex għajjura.” (1 Korintin 13:4; 14:1) Mill-banda l-oħra, jintqalilna wkoll li “l-Mulej . . . Alla għajjur hu” u niġu kmandati biex ‘inkunu nixbhu lil Alla.’ (Eżodu 34:14; Efesin 5:1) Għala hemm din li donnha hi kontradizzjoni?
Għaliex il-kliem Ebrajk u Grieg tradott “għira” fil-Bibbja għandu bosta tifsiriet. Jistaʼ jkollu tifsira pożittiva jew negattiva, skond kif jintuża l-kliem. Per eżempju, il-kelma Ebrajka tradotta “għira” tistaʼ tfisser “li wieħed jinsisti għal devozzjoni esklużiva; li ma jittollera ebda rivalità; żelu; ħrara; għira [ġusta jew midinba]; invidja.” Il-kelma Griega li taqbel magħha għandha tifsira simili. Dan il-kliem jistaʼ jirreferi għal emozzjoni mgħawġa u żbilanċjata lejn xi ħadd meqjus bħala rival jew suspettat bħala li qed igawdi vantaġġ. (Proverbji 14:30) Jistaʼ jirreferi wkoll għal espressjoni pożittiva taʼ kwalità mogħtija minn Alla—xewqa biex wieħed jipproteġi mill-ħsara lil xi ħadd maħbub.—2 Korintin 11:2.
L-Aqwa Eżempju
Jehovah jagħti l-aqwa eżempju fl-eżerċitar t’għira xierqa. Il-motivi tiegħu huma safja u nodfa għax huma mqanqlin mix-xewqa li jħares lill-poplu tiegħu mill-korruzzjoni spiritwali u morali. Dwar il-poplu tiegħu tal-qedem, li b’mod figurattiv jissejjaħ Sijon, hu qal: “Jien għajjur fuq li għajjur għal Sijon, għajjur għaliha b’korla li ma bħalha.” (Żakkarija 8:2) Sewwa sew bħalma missier li jħobb ikun dejjem attent biex jipproteġi lil uliedu mill-ħsara, Jehovah hu attent biex jipproteġi lill-qaddejja tiegħu minn periklu fiżiku u spiritwali.
Biex iħares lin-nies tiegħu, Jehovah ipprovda l-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Din fiha ħafna inkuraġġiment għalihom biex jimxu bil-għaqal, u fiha ħafna u ħafna eżempji taʼ dawk li mxew tajjeb. F’Isaija 48:17, naqraw: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.” Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li l-għira tiegħu tqanqlu biex jieħu ħsiebna u jgħasses fuqna! Kieku ma kienx għajjur b’dan il-mod tajjeb, konna nsofru kull tip taʼ ħsara minħabba n-nuqqas t’esperjenza tagħna. L-espressjonijiet t’għira minn Jehovah bl-ebda mod m’huma egoistiċi.
Mela, allura, x’differenza hemm bejn l-għira bħal t’Alla u l-għira mhix xierqa? Biex inkunu nafu, ejja nikkunsidraw l-eżempju taʼ Mirjam u dak taʼ Fineħas. Innota x’qanqalhom.
Mirjam u Fineħas
Mirjam kienet akbar minn ħutha Mosè u Aron, li kienu l-mexxejja taʼ l-Iżraelin matul l-Eżodu. Waqt li l-Iżraelin kienu fid-deżert, Mirjam bdiet tgħir għal ħuha Mosè. Ir-rakkont Bibliku jgħidilna: “Mirjam u Aron gergru kontra Mosè minħabba l-mara minn Kus, [li] kien ħa b’martu . . . U huma qalu: ‘Jaqaw il-Mulej lil Mosè biss kellem? Ma kellimx lilna wkoll?’” Milli jidher, Mirjam kienet minn taʼ quddiem f’din l-azzjoni kontra Mosè, għax Jehovah iddixxiplina lilha, mhux lil Aron, bil-ġdiem li dam fuqha ġimgħa minħabba l-kondotta tagħha li kienet nieqsa mir-rispett.—Numri 12:1-15.
X’qanqal lil Mirjam biex taġixxi kontra Mosè? Kien l-interess li kellha għall-qima vera u x-xewqa biex tipproteġi lil sħabha l-Iżraelin mill-ħsara? Jidher ċar li dan ma kienx il-każ. Donnu jidher li Mirjam kienet ħalliet tinbet ġo qalbha xewqa mhix xierqa għal iktar prestiġju u awtorità. Bħala profetessa f’Iżrael, hi gawdiet rispett kbir min-nies, b’mod partikulari min-nisa. Hi ggwidathom f’dik li hi mużika u kant wara s-salvazzjoni mirakoluża taʼ Iżrael ħdejn il-Baħar l-Aħmar. Iżda, issa, Mirjam forsi bdiet tinkwieta żżejjed dwar il-fatt li se tiħdilha mill-prominenza tagħha waħda li kienet tqisha bħala r-rival tagħha, il-mara taʼ Mosè. Imqanqla minn għira egoistika, hi qanqlet l-inkwiet kontra Mosè, dak li kien maħtur minn Jehovah.—Eżodu 15:1, 20, 21.
Mill-banda l-oħra, l-aġir taʼ Fineħas kien imqanqal minn motiv differenti. Ftit qabel ma l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda, meta kienu kkampjati fil-wita taʼ Mowab, nisa Mowabin u Midjanin ħajru lil ħafna rġiel Iżraelin għall-immoralità u l-idolatrija. Biex inaddfu l-kamp u jreġġgħu lura l-qilla taħraq taʼ Jehovah, l-imħallfin taʼ Iżrael intqalilhom biex joqtlu lill-irġiel kollha li kienu dinbu b’dan il-mod. Għal skopijiet immorali, Żimri, il-prinċep mit-tribù taʼ Simgħon, bil-wiċċ tost kollu ġab lill-mara Midjanija Kożbi ġewwa l-kamp “quddiem għajnejn il-ġemgħa kollha taʼ wlied Iżrael.” Fineħas aġixxa b’mod deċiżiv. Imqanqal minn sentimenti taʼ għira, jew ħeġġa, għall-qima taʼ Jehovah u xewqa li jżomm is-safa morali tal-kamp, hu qatel liż-żinjin fit-tinda tagħhom. Hu ġie mfaħħar għar-“rabja għajjura” tiegħu, u għax “ma ttollera assolutament ebda rivalità” lejn Jehovah. L-azzjoni fil-pront li ħa Fineħas waqqfet il-flaġell b’kastig li kien diġà ħa l-ħajja taʼ 24,000 ruħ, u Jehovah ippremjah b’patt għas-saċerdozju li kellu jibqaʼ fil-linja tiegħu għal żmien indefinit.—Numri 25:4-13; The New English Bible.
X’kienet id-differenza bejn dawn iż-żewġ espressjonijiet t’għira? Mirjam aġixxiet kontra ħuha għax kellha għira egoistika, filwaqt li Fineħas esegwixxa l-ħaqq ibbażat fuq l-għira bħal t’Alla. Ikun hemm drabi meta aħna, bħal Fineħas, għandna nħossuna mġagħlin niftħu fommna jew nieħdu xi azzjoni biex niddefendu l-isem taʼ Jehovah, il-qima tiegħu, u l-poplu tiegħu.
Għira Żbaljata
Iżda, huwa possibbli li jkollna sentimenti t’għira żbaljata jew mhix f’postha? Iva, dan hu possibbli. Dan kien il-każ b’mod ġenerali tal-Lhud fl-ewwel seklu. Huma kienu jgħassu b’għira kbira l-Liġi mogħtija minn Alla u t-tradizzjonijiet tagħhom. Bi sforz biex jipproteġu l-Liġi, huma ħolqu regolamenti u restrizzjonijiet dettaljati bla għadd li għabbew lin-nies b’piż tqil. (Mattew 23:4) Peress li ma setgħux jew ma kinux lesti jirrikonoxxu li Alla issa kien neħħa l-Liġi Mosajka u flokha poġġa r-realtà li l-Liġi kienet iffigurat bil-quddiem, l-għira tagħhom qanqlithom b’mod żbaljat biex jesprimu rabja kbira bla kontroll kontra s-segwaċi taʼ Ġesù Kristu. L-appostlu Pawlu, li hu nnifsu darba kien leali b’għira żbaljata lejn il-Liġi, kiteb li n-nies li kienu qed jiddefendu l-Liġi kellhom “ħeġġa [għira] għal Alla, iżda din m’hijiex ħeġġa skond l-għerf veru.”—Rumani 10:2; Galatin 1:14.
Anki ħafna mil-Lhud li saru Kristjani sabuha diffiċli biex jeħilsu minn din il-ħeġġa żbaljata għal-Liġi. Wara t-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, Pawlu ta rapport lill-ġemgħa li tiggverna taʼ l-ewwel seklu dwar il-konverżjoni tal-ġnus. Dak iż-żmien, eluf taʼ Lhud Kristjani kienu “għadhom imħeġġa għal-Liġi.” (Atti 21:20) Dan kien snin sħaħ wara li l-ġemgħa li tiggverna kienet iddeċidiet li l-Kristjani Ġentili ma kellhomx għalfejn jiġu ċirkonċiżi. Kwistjonijiet relatati maʼ l-osservanza tal-Liġi kienu qed joħolqu tilwim fil-kongregazzjoni. (Atti 15:1, 2, 28, 29; Galatin 4:9, 10; 5:7-12) Peress li kienu neqsin minn fehma sħiħa dwar kif Jehovah issa kien qed jittratta mal-poplu tiegħu, xi Kristjani Lhud insistew fuq l-opinjonijiet tagħhom stess, waqt li kkritikaw lil oħrajn.—Kolossin 2:17; Lhud 10:1.
Aħna, allura, irridu nevitaw in-nasba taʼ li nipprovaw b’għira nipproteġu l-ideat jew il-modi li jkunu għeżież għalina imma li ma jkunux ibbażati fis-sod fuq il-Kelma t’Alla. Nagħmlu tajjeb li naċċettaw id-dawl li issa qed jiddi fuq il-Kelma t’Alla permezz taʼ dak il-mezz li Jehovah qed juża llum.
Kun Għajjur għal Jehovah
Madankollu, l-għira bħal t’Alla għandha postha fil-qima vera. Meta tiġina t-tentazzjoni li nkunu mħassbin bla bżonn dwar ir-reputazzjoni jew id-drittijiet tagħna stess, l-għira bħal t’Alla tiġbdilna l-attenzjoni lejn Jehovah. Tqanqalna biex infittxu modi kif niddikjaraw il-verità dwaru, waqt li niddefendu l-mogħdijiet u n-nies tiegħu.
Akiko, ministru full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah, ġiet imċanfra bl-aħrax minn inkwilina li kellha ideat żbaljati dwar il-liġi t’Alla fuq id-demm. Akiko ddefendiet il-Kelma t’Alla bit-tattika, u saħansitra semmiet il-komplikazzjonijiet u l-problemi mediċi assoċjati mat-trasfużjonijiet tad-demm. Imqanqla minn xewqa ħerqana biex titkellem dwar Jehovah, hi dawret il-konversazzjoni lejn dak li fiehmet li kien il-bażi vera għall-oġġezzjonijiet li ġabet il-mara—in-nuqqas tat-twemmin tagħha fl-eżistenza taʼ Ħallieq. Akiko rraġunat maʼ l-inkwilina dwar kif il-ħolqien kien jappoġġa t-twemmin f’Ħallieq. Id-difiża qalbiena tagħha ma wasslitx biss biex jitneħħew il-preġudizzji bla bażi imma wkoll biex jinbeda studju tal-Bibbja fid-dar maʼ dik il-mara. Dik li qabel kienet inkwilina mgħaddba llum qed tfaħħar lil Jehovah.
Il-ħeġġa, jew l-għira xierqa, għall-qima vera ġġagħalna noqogħdu attenti u naħtfu kull opportunità li jkollna biex nitkellmu dwar il-fidi tagħna u niddefenduha fuq ix-xogħol, fl-iskola, fejn imorru nixtru, u waqt li nivvjaġġaw. Per eżempju, Midori hi determinata li titkellem dwar il-fidi tagħha maʼ sħabha tax-xogħol. Waħda minnhom, li kellha fuq l-40 sena, qalet li ma riedet li jkollha x’taqsam xejn max-Xhieda taʼ Jehovah. Iktar tard, waqt konversazzjoni oħra, il-mara lmentat li bintha kienet qed tiżviluppa xejriet koroh fil-karattru tagħha. Midori wrietha l-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom,a u offriet li tistudja l-ktieb mal-bint. L-istudju nbeda, imma l-omm ma qagħditx magħhom għad-diskussjoni. Midori ddeċidiet li lill-mara turiha l-vidjo Jehovah’s Witnesses—The Organization Behind the Name (Ix-Xhieda taʼ Jehovah—L-Organizzazzjoni wara l-Isem).* Dan iċċaralha ħafna mill-impressjonijiet ħżiena li kellha. Imqanqla minn dak li rat, hi qalet: “Irrid inkun bħax-Xhieda taʼ Jehovah.” Hi ssieħbet maʼ bintha fl-istudju tal-Bibbja.
L-għira xierqa għandha postha wkoll fil-kongregazzjoni Kristjana. Din l-għira tippromwovi spirtu kordjali taʼ mħabba u interess u tqanqalna biex nirreżistu influwenzi li jifirdu u li jagħmlu ħsara lil ħutna spiritwali, bħalma huma t-tqassis li jagħmel ħsara u l-ħsieb apostata. L-għira bħal t’Alla tqanqalna biex nappoġġaw id-deċiżjonijiet taʼ l-anzjani, li minn żmien għal żmien isibu li għandhom bżonn iwiddbu lil min jiżbalja. (1 Korintin 5:11-13; 1 Timotju 5:20) Meta kiteb dwar is-sentimenti t’għira li kellu għal sħabu fit-twemmin fil-kongregazzjoni taʼ Korintu, Pawlu qal: “Jiena għajjur għalikom bl-istess għira taʼ Alla: għax jiena għarrastkom lil għarus wieħed, bħallikieku kontu xebba safja biex inressaqkom quddiem Kristu.” (2 Korintin 11:2) Hekk, ukoll, l-għira tagħna tqanqalna biex nagħmlu l-almu tagħna kollu ħalli nipproteġu s-safa duttrinali, spiritwali, u morali taʼ kull wieħed u waħda fil-kongregazzjoni.
Iva, l-għira b’motiv xieraq—l-għira bħal t’Alla—għandha influwenza bnina fuq ħaddieħor. Iġġib l-approvazzjoni taʼ Jehovah u għandha tkun waħda mill-kwalitajiet osservati fil-Kristjani llum.—Ġwann 2:17.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikati mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Stampi f’paġna 29]
L-aġir taʼ Fineħas kien ibbażat fuq l-għira bħal t’Alla
[Stampi f’paġna 30]
Evita n-nasba t’għira żbaljata
[Stampi f’paġna 31]
L-għira bħal t’Alla tqanqalna biex nitkellmu dwar il-fidi tagħna m’oħrajn u ngħożżu lil ħutna spiritwali