Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ikun qed isir taħlit taʼ twemmin meta jinxtara bini mingħand grupp reliġjuż ieħor u jinbidel f’Sala tas-Saltna?
Ġeneralment, ix-Xhieda taʼ Jehovah jevitaw li jkollhom x’jaqsmu f’affarijiet bħal dawn maʼ reliġjonijiet oħrajn. Xorta waħda, permezz taʼ xi negozju bħal dan jistaʼ ma jkunx qed isir taħlit taʼ twemmin. Nistgħu sempliċement inħarsu lejha bħala biċċa negozju taʼ darba. Il-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah m’hijiex qed taħdem id f’id maʼ grupp reliġjuż ieħor sabiex tibni post għall-qima li se jintuża miż-żewġ organizzazzjonijiet.
X’inhu taħlit taʼ twemmin f’għajnejn Jehovah? Ikkunsidra d-direzzjoni taʼ l-appostlu Pawlu: “La tintrabtux mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx. [“X’tisħib jistaʼ jkun hemm bejn,” Saydon] il-ġustizzja u l-ħażen? X’xirka hemm bejn id-dawl u d-dlam? Xi ftehim hemm bejn Kristu u Beljar? Jew x’għandu x’jaqsam min jemmen maʼ min ma jemminx? X’rabta hemm bejn it-tempju taʼ Alla maʼ l-idoli? . . . Għalhekk oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minnhom, jgħid il-Mulej; la tmissux l-imniġġes, u jien nilqagħkom.” (2 Korintin 6:14-17) Pawlu x’ried ifisser bil-kliem “tisħib” u “xirka”?
It-tisħib li jsemmi Pawlu b’mod ċar jinvolvi l-qima pura u attivitajiet spiritwali maʼ wħud li huma idolatri u ma jemmnux. Hu wissa lill-Korintin kontra li ‘jaqsmu fil-mejda tad-demonji.’ (1 Korintin 10:20, 21) Għalhekk, taħlit taʼ twemmin isir meta nieħdu sehem fil-qima jew fis-sħubija spiritwali m’organizzazzjonijiet reliġjużi oħrajn. (Eżodu 20:5; 23:13; 34:12) Meta jinxtara bini li jkun intuża minn organizzazzjoni reliġjuża, dan isir sempliċement biex tinkiseb l-istruttura bażika li hemm bżonn għal Sala tas-Saltna. L-affarijiet kollha li kellhom x’jaqsmu mal-qima falza jitneħħew qabel ma tintuża bħala Sala tas-Saltna. Meta mbagħad tiġi rranġata, din tiġi dedikata lil Jehovah sabiex tintuża biss għall-iskop li tingħata qima lilu. M’hemm ebda sehem jew sħubija bejn il-qima vera u dik falza.
Meta jsiru diskussjonijiet dwar id-dettalji biex tinxtara xi ħaġa bħal din, il-kuntatt maʼ l-organizzazzjoni l-oħra għandu jkun minimu u limitat għan-negozju biss. Il-membri tal-kongregazzjoni Kristjana jagħmlu tajjeb iżommu f’moħħhom it-twissija taʼ Pawlu biex ma jintrabtux ‘mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġihomx.’ Għalkemm ma nħossuniex superjuri għal dawk li għandhom twemmin differenti, aħna nevitaw li nissieħbu magħhom f’attivitajiet soċjali jew li ninġibdu lejn il-qima li jagħtu huma.a
Xi ngħidu jekk ikun hemm kongregazzjoni li se tikri bini li jappartjeni lil xi organizzazzjoni reliġjuża? Il-kiri ġeneralment jirrikjedi kuntatt regulari, li għandu jiġi evitat. Anki l-fatt li jinkera bini bħal dan għal avveniment wieħed, il-ġemgħa taʼ l-anzjani għandha tikkunsidra dan li ġej: Se jkun hemm xi idoli jew simboli reliġjużi ġewwa jew barra l-bini? In-nies fil-komunità kif se jħarsu lejna jekk nużaw din il-faċilità? Se jkun hemm xi ħadd fil-kongregazzjoni li se jitfixkel jekk nużaw dan il-bini? (Mattew 18:6; 1 Korintin 8:7-13) L-anzjani se jqisu dawn il-fatturi u mbagħad jiddeċiedu fuqhom. Il-kuxjenza tagħhom u dik tal-kongregazzjoni in ġenerali trid tiġi kunsidrata wkoll sabiex jiddeterminaw jekk bini bħal dan għandux jinxtara u jiġi mibdul f’Sala tas-Saltna.
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri taʼ l-Għassa, tal-15 t’April, 1999, paġni 28 u 29, għal informazzjoni dwar jekk huwiex xieraq li jsir negozju m’organizzazzjonijiet li m’humiex approvati minn Jehovah.
[Stampa f’paġna 27]
Dan il-bini, li kien sinagoga, inxtara u ġie mibdul f’Sala tas-Saltna