Mistoqsijiet mill-Qarrejja
X’ried ifisser id-dixxiplu Ġakbu meta qal: “Ħuti, la ssirux ħafna minnkom għalliema, għax tafu li aħna li ngħallmu nkunu ġġudikati b’reqqa akbar”?—Ġakbu 3:1.
Ċertament li Ġakbu ma kienx qiegħed jiskuraġġixxi lill-Kristjani milli jgħallmu l-verità lil oħrajn. F’Mattew 28:19, 20, Ġesù kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, . . . u jgħallmuhom iħarsu dak kollu li ordnalhom hu.’ B’hekk, il-Kristjani kollha għandhom ikunu għalliema. L-appostlu Pawlu ta parir lil Kristjani Ebrej għaliex kienu għadhom m’humiex għalliema. Hu kiteb: “Tant hu hekk li għalkemm issa jmisskom sirtu mgħallmin, għadkom teħtieġu ’l min igħallimkom mill-ġdid l-ewwel elementi tal-kelma t’Alla.”—Lhud 5:12.
Dwar x’hiex, allura, kien qiegħed jitkellem Ġakbu? Hu kien qiegħed jirreferi għal dawk bi privileġġi speċjali taʼ tagħlim fil-kongregazzjoni. F’Efesin 4:11, naqraw: “Hu [Ġesù Kristu, il-kap tal-kongregazzjoni] dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud ragħajja u mgħallmin.” Kien hemm pożizzjonijiet speċjali taʼ tagħlim fost il-kongregazzjonijiet taʼ l-ewwel seklu bħalma hemm illum. Per eżempju, il-Ġemgħa li Tiggverna tirrappreżenta “l-qaddej fidil u għaqli” u għandha responsabbiltà speċjali li tindokra t-tagħlim tal-kongregazzjoni madwar id-dinja. (Mattew 24:45) Indokraturi li jivvjaġġaw u anzjani fil-kongregazzjoni wkoll għandhom responsabbiltajiet speċjali taʼ tagħlim.
Kien Ġakbu qiegħed jgħid lil irġiel Kristjani kkwalifikati li ma kellhomx jaċċettaw l-irwol t’għalliem minħabba l-biżà taʼ ġudizzju iktar iebes t’Alla? Ċertament li le. Il-pożizzjoni t’anzjan hija privileġġ kbir, bħalma huwa indikat permezz taʼ 1 Timotju 3:1, li jgħid: “Min jixtieq ix-xogħol taʼ isqof jixtieq xogħol sabiħ.” Waħda mir-rekwiżiti għal ħatra bħala anzjan fil-kongregazzjoni hija li raġel ikun “jaf jgħallem.” (1 Timotju 3:2) Ġakbu ma kkontradixxix il-kliem ispirat taʼ Pawlu.
Madankollu, jidher li fl-ewwel seklu E.K., xi wħud kienu qegħdin jaħtru lilhom infushom bħala għalliema, għalkemm ma kinux jikkwalifikaw u ma kinux maħturin. X’aktarx, ħassew li kien hemm xi prominenza f’dak l-irwol, u xtaqu glorja persunali. (Qabbel Mark 12:38-40; 1 Timotju 5:17.) L-appostlu Ġwanni semma lil Dijotrefes, li kien ‘iħobb jaqbeż lil kulħadd, imma ma riedx jilqaʼ l-kelma taʼ Ġwanni.’ (3 Ġwann 9) L-ewwel Timotju 1:7 jitkellem dwar ċerti wħud li ‘riedu jagħmluha t’għalliema tal-liġi iżda bla ma fehemu x’kienu qegħdin jgħidu jew fuqiex kienu qegħdin jinsistu.’ Il-kliem taʼ Ġakbu 3:1 huwa b’mod speċjali xieraq għal irġiel li jixtiequ jsiru għalliema imma li għandhom il-motiv żbaljat. Uħud bħal dawn jistgħu serjament jagħmlu ħsara lill-merħla u b’riżultat taʼ dan jirċievu ġudizzju iktar iebes.—Rumani 2:17-21; 14:12.
Ġakbu 3:1 huwa wkoll tfakkira tajba għal dawk li huma kkwalifikati u li jaqdu bħala għalliema. Peress li ħafna ġie fdat lilhom, ħafna se jiġi mitlub minnhom. (Luqa 12:48) Ġesù qal: “Il-bnedmin f’jum il-ħaqq għad iridu jagħtu kont taʼ kull kelma fiergħa li jkunu qalu.” (Mattew 12:36) Dan huwa speċjalment veru dwar dawk li kliemhom għandu iktar influwenza, l-anzjani maħturin.
L-anzjani se jagħtu kont għall-mod kif jittrattaw man-ngħaġ taʼ Jehovah. (Lhud 13:17) Dak li jgħidu jeffettwa l-ħajjiet. Għalhekk, anzjan irid joqgħod attent li ma jippromwovix l-opinjonijiet tiegħu stess jew jimmaltratta lin-ngħaġ bħalma għamlu l-Fariżej. Irid jistinka biex juri l-istess imħabba profonda li wera Ġesù. F’kull sitwazzjoni taʼ tagħlim, u speċjalment meta jkun involut fi kwistjonijiet ġudizzjarji, anzjan għandu jqis kliemu, mhux juża kliem spirtu pront jew jesprimi ideat purament persunali. Billi jistrieħ bla riżerva fuq Jehovah, il-Kelma tiegħu, u d-direzzjonijiet tiegħu permezz taʼ l-organizzazzjoni, ir-ragħaj se jirċievi l-barka abbundanti t’Alla, mhux “iġġudikat b’reqqa akbar.” (w95 9/15)