Ħajja Aħjar Hija Mwiegħda
TIXTIEQ int li tkun ħieles mill-problemi li jagħmlu l-ħajja diffiċli? Trid int li tgħix f’dinja fejn il-ħajja hija pjaċevoli daqs kemm hija fix-xena murija fuq il-qoxra taʼ quddiem u taʼ wara taʼ din ir-rivista? Agħti ħarsa tajba lejn dik l-istampa. In-nies għandhom ħafna x’jieklu. Tassew se jgawdu dak l-ikel delizzjuż. Kulħadd hu hieni. Nies taʼ razez differenti jinsabu fil-paċi wieħed maʼ l-ieħor. Saħansitra l-annimali huma fil-paċi! Ħadd m’hu qiegħed jiġġieled. Ħadd m’hu fqir. Ħadd m’hu marid. Hemm inħawi sbieħ, siġar mill-isbaħ, u ilma pur u nadif. X’arranġament splendidu!
Qatt se tkun hekk din l-art? Iva, se tkun ġenna. (Luqa 23:43) Alla, li ħalaq l-art, għandu l-iskop li l-bnedmin se jgawdu ħajja aħjar fuq art magħmula ġenna. U int tistaʼ tkun hemm!
Liema Ħajja Tippreferi Int?
Kif se tkun differenti l-Ġenna taʼ l-art futura mid-dinja li qegħdin ngħixu fiha issa? Preżentament, ’il fuq minn biljun ruħ jibqgħu bil-ġuħ kull ġurnata. Imma fil-Ġenna li Alla ddetermina għall-art, kulħadd se jkollu ħafna x’jiekol. Il-Bibbja twiegħed: “U jagħmel il-Mulej taʼ l-eżerċti għall-popli kollha . . . mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa.” (Isaija 25:6) Mhux se jkun hemm nuqqas t’ikel, għax il-Bibbja tgħid: “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet tal-għoljiet.”—Salm 72:16.
Illum, ħafna jgħixu f’gabubi u griebeġ, jew jitħabtu biex iħallsu l-kera tagħhom. Oħrajn m’għandhomx dar u jorqdu fit-triq. Skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, mhux inqas minn 100 miljun mit-tfal tad-dinja huma bla dar. Imma fil-Ġenna li ġejja, kulħadd se jkollu dar li jistaʼ jsejħilha tiegħu stess. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawlu d-dwieli u jieklu frotthom.”—Isaija 65:21.
Ħafna jbatu fuq xogħol li ma jogħġobhomx. Spiss jaħdmu iebes għal ħin twil imma jaqilgħu ftit. Madwar 1 minn kull 5 min-nies fid-dinja jgħix fuq qliegħ taʼ inqas minn $500 fis-sena. Fil-Ġenna li ġejja, madankollu, in-nies se jgawdu xogħolhom u se jaraw riżultati tajbin minnu. Alla jwiegħed: “[I]l-magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom. Ma jitħabtux għal xejn.”—Isaija 65:22, 23.
Bħalissa kull tip taʼ mard jinsab maʼ kullimkien. Ħafna huma għomja. Xi wħud huma torox. Oħrajn ma jistgħux jimxu. Imma fil-Ġenna, in-nies se jkunu ħelsin minn kull tip taʼ mard. Jehovah jgħid: “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Inkwantu għal dawk li diġà għandhom diżabilità, il-wegħda li tqawwi l-qalb hija: “Imbagħad jinfetħu għajnejn il-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.”—Isaija 35:5, 6.
Fil-preżent, hemm is-sofferenzi u l-uġigħ, in-niket u l-mewt. Imma fil-Ġenna fuq l-art, dawn l-affarijiet kollha m’humiex se jeżistu. Iva, saħansitra l-mewt se tkun marret! Il-Bibbja tgħid: “Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew agħjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:3, 4.
B’mod ċar, allura, il-Ġenna taʼ l-art imwiegħda taʼ Jehovah se tfisser ħajja aħjar għall-umanità. Imma kif nistgħu nkunu ċerti li se tiġi? Meta se tiġi, u kif? Xi trid tagħmel int biex tkun hemmhekk?
(w95 11/15)