Ħajja Wara l-Mewt—Kif, Fejn, Meta?
IL-ĦALLIEQ u Donatur tal-Ħajja tal-bniedem jagħti l-garanzija persunali tiegħu li l-mewt umana mhux neċessarjament ittemm il-ħajja għal dejjem. Iktar minn hekk, Alla jassigurana li huwa possibbli mhux biss li ngħixu mill-ġdid għal żmien limitat taʼ ħajja imma li ngħixu bil-prospett li qatt iktar ma niffaċċjaw il-mewt! L-appostlu Pawlu poġġieha b’mod sempliċi, madankollu fiduċjuż: “Taʼ dan kollu [Alla] ta prova quddiem kulħadd billi lilu [lil Ġesù Kristu] qajmu mill-imwiet.”—Atti 17:31.
M’għandniex xi ngħidu, dan xorta jħalli bla mwieġba tliet mistoqsijiet bażiċi. Kif tistaʼ persuna mejta terġaʼ tieħu l-ħajja? Meta se jiġri dan? Fejn se tiġi li teżisti dik il-ħajja ġdida? Madwar id-dinja, ngħataw diversi tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet, imma ċavetta vitali biex tiġi ddeterminata l-verità dwar is-suġġett hi li tifhem eżattament x’jiġrilhom il-bnedmin fil-waqt tal-mewt tagħhom.
Hija L-Immortalità T-Tweġiba?
Twemmin komuni huwa li parti mill-bnedmin kollha hija immortali u li ġisimhom biss imut. Int ċertament li smajt b’din l-istqarrija. Din il-parti li jingħad li hija immortali hija rreferuta b’mod varju bħala “ruħ” jew “spirtu.” Jintqal illi din ma tmutx mal-mewt tal-ġisem u tkompli tgħix xi mkien ieħor. Ngħiduha kif inhi, twemmin bħal dan m’oriġinax mill-Bibbja. Veru, karattri Bibliċi Ebrajċi tassew li ħarsu ’l quddiem lejn ħajja wara l-mewt, imma mhux billi xi parti immortali minnhom tibqaʼ ħajja. Huma b’fiduċja ħarsu ’l quddiem lejn ritorn futur għal ħajja fuq l-art permezz tal-miraklu taʼ rxoxt.
Il-patrijarka Abraham huwa eżempju li jispikka taʼ wieħed li kellu fidi f’irxoxt futur tal-mejtin. Billi jiddeskrivi r-rieda t’Abraham li joffri lil ibnu Iżakk bħala sagrifiċċju, Lhud 11:17-19 jgħidilna: “Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; . . . Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens taʼ tixbiha,” ladarba Alla ma rrikjediex li Iżakk jiġi ssagrifikat. Billi jixhed iktar dwar it-twemmin bikri fost l-Israeliti li huma kellhom jerġgħu jieħdu l-ħajja fi żmien iktar tard (minflok ma jkollhom tkomplija immedjata taʼ ħajja f’xi qasam taʼ l-ispirti), il-profeta Ħosegħa kiteb: “Neħlishom jien mill-qawwa tax-Xeol [il-qabar komuni taʼ l-umanità]? jew mill-mewt nifdihom?”—Ħosegħa 13:14.
Mela meta kien li l-idea taʼ l-immortalità inerenti umana daħlet fil-ħsibijiet u t-twemmin Lhudi? L-Encyclopaedia Judaica tammetti li “x’aktarx li kien taħt l-influwenza Griega li d-duttrina taʼ l-immortalità tar-ruħ daħlet fil-Ġudaiżmu.” Minkejja dan, Lhud devoti sa żmien Ġesù baqgħu jemmnu fi u jħarsu ’l quddiem lejn irxoxt fil-futur. Nistgħu naraw dan b’mod ċar mill-konversazzjoni taʼ Ġesù maʼ Marta meta miet ħuha Lażżru: “Marta qalet lil Ġesù: ‘Mulej, kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut.’ . . . Ġesù qalilha: ‘Ħuk jerġaʼ jqum!’ Qaltlu Marta: ‘Jiena naf li jerġaʼ jqum fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.’”—Ġwann 11:21-24.
Il-Kundizzjoni Tal-Mejtin
Hawnhekk ukoll, m’hemmx għalfejn tkun inċert dwar il-kwistjoni. Il-verità sempliċi tal-Bibbja hi li l-mejtin huma “reqdin,” inkonxji, assolutament ma jħossu u ma jafu xejn. Verità bħal din m’hijiex ippreżentata fil-Bibbja b’mod kompless u diffiċli biex jinftiehem. Ikkunsidra dawn l-iskritturi li huma faċli li jinftiehmu: “Il-ħajjin, għall-inqas, jafu li għad imutu, iżda l-mejtin ma jafu xejn; . . . Kull ma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha għax ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’art l-imwiet fejn inti sejjer.” (Koħelet 9:5, 10) “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx. Malli toħroġ ruħu [“spirtu,” New World Translation], lejn l-art jerġaʼ jmur; jintemmu dak in-nhar ħsibijietu.”—Salm 146:3, 4.
Nistgħu nifhmu, allura, għalfejn Ġesù Kristu rrefera għall-mewt bħala raqda. L-appostlu Ġwanni jirrakkonta konversazzjoni bejn Ġesù u d-dixxipli tiegħu: “Issokta jgħidilhom: ‘Ħabibna Lażżru rieqed; iżda ħa mmur u nqajmu.’ Qalulu d-dixxipli: ‘Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq.’ Iżda Ġesù kien tkellem [għa]ll-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad taʼ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad qalilhom ċar u tond: ‘Lażżru miet.’”—Ġwann 11:11-14.
Il-Persuna Kollha Kemm Hi Tmut
Il-proċess tal-mewt umana jinvolvi lill-persuna kollha kemm hi, u mhux biss il-mewt tal-ġisem. Skond stqarrijiet ċari tal-Bibbja, irridu nikkonkludu li l-bniedem m’għandux ruħ immortali li tibqaʼ ħajja meta jmut il-ġisem. L-Iskrittura tindika b’mod ċar li ruħ tistaʼ tmut. “Ara, l-erwieħ huma kollha tiegħi; bħal ruħ il-missier, hekk ukoll ruħ l-iben hija tiegħi: ir-ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, Karm Żammit) Il-kelmiet “immortali” jew “immortalità” mkien ma ssir referenza għalihom bħala li huma inerenti fl-umanità.
In-New Catholic Encyclopedia tforni dan l-isfond interessanti għall-kliem Ebrajk u Grieg tradott bħala “ruħ” fil-Bibbja: “Ruħ fit-TQ [Testment il-Qadim] hija nepeš, fit-TĠ [Testment il-Ġdid] [psy·kheʹ]. . . . Nepeš ġejja minn għerq oriġinali li x’aktarx ifisser li tieħu n-nifs, u b’hekk . . . ladarba n-nifs jiddistingwi lill-ħajjin mill-mejtin, nepeš saret tfisser il-ħajja jew int innifsek jew sempliċement ħajja individwali. . . . M’hemmx dikotomija [frid f’żewġ partijiet] bejn il-ġisem u r-ruħ fit-TQ. L-Israelit ra l-affarijiet b’mod konkret u fil-kompletezza tagħhom, u b’hekk ikkunsidra lill-bnedmin bħala persuni u mhux komposti minn partijiet distinti. It-terminu nepeš, għalkemm tradott bil-kelma tagħna ruħ, qatt ma jfisser ruħ bħala li hija distinta mill-ġisem jew il-persuna individwali. . . . It-terminu [psy·kheʹ] huwa l-kelma fit-TĠ li tikkorrispondi maʼ nepeš. Jistaʼ jfisser il-prinċipju tal-ħajja, il-ħajja nfisha, jew l-esseri ħaj.”
B’hekk int tistaʼ tara li fil-punt tal-mewt, il-persuna li qabel kienet ħajja, jew ir-ruħ ħajja, tieqaf milli teżisti. Il-ġisem jerġaʼ jmur fit-“trab” jew fl-elementi taʼ l-art jew gradwalment billi jindifen u sussegwentement jitmermer jew bil-għaġla permezz taʼ kremazzjoni. Jehovah qal lil Adam: “Trab int, u fit-trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) Kif, allura, hija ħajja wara l-mewt possibbli? Dan huwa għaliex Alla għandu fil-memorja tiegħu stess lill-persuna li mietet. Jehovah għandu l-qawwa mirakoluża u l-abbiltà li joħloq lill-bnedmin, u għalhekk m’għandniex għax nistagħġbu li fil-memorja tiegħu jistaʼ jippreserva rekord tal-mod taʼ ħajja taʼ l-individwu. Iva, il-prospetti kollha għalih biex jgħix mill-ġdid jiġu minn Alla.
Dan huwa s-sens tal-kelma “spirtu,” li jintqal li jirritorna lejn dak Alla veru li jkun tah. Billi jiddeskrivi dak li jiġri, il-kittieb ispirat tal-ktieb taʼ Koħelet jispjega: “U t-trab jerġaʼ jmur fl-art imnejn ġie, u n-nifs tal-ħajja [“spirtu,” NW] jitlaq lejn Alla, minn fejn ġie.”—Koħelet 12:7.
Alla biss jistaʼ jagħmel li xi ħadd jgħix. Meta Alla ħalaq lill-bniedem f’Għeden u nefaħlu f’imnifsejh “nifs il-ħajja,” minbarra li mela l-pulmun t’Adam bl-arja, Jehovah ġagħal lil din il-forza tagħti l-ħajja liċ-ċelloli kollha taʼ ġismu. (Ġenesi 2:7) Minħabba li din il-forza li tagħti l-ħajja tistaʼ tiġi mgħoddija mill-ġenituri lill-ulied waqt il-proċess tal-konċepiment u t-twelid, ħajja umana tistaʼ b’mod xieraq tiġi attribwita ’l Alla għalkemm, m’għandniex xi ngħidu, mgħoddija permezz tal-ġenituri.
L-Irxoxt—Żmien Hieni
L-irxoxt m’għandux jiġi konfuż mar-rinkarnazzjoni, li m’għandha ebda appoġġ fl-Iskrittura Mqaddsa. Ir-rinkarnazzjoni hija t-twemmin li wara li persuna tmut, terġaʼ titwieled f’eżistenzi suċċessivi oħrajn. Jintqal li dan jiġri jew fuq livell ogħla jew fuq livell iktar baxx t’eżistenza meta kkomparat mal-ħajja taʼ qabel taʼ dak li jkun, u dan jiddependi fuq ir-rekord li suppost ikun inbena waqt dik il-ħajja preċedenti. Skond dan it-twemmin, wieħed jistaʼ “jerġaʼ jitwieled” jew bħala bniedem jew bħala annimal. Dan huwa tabilħaqq f’konflitt maʼ dak li tgħallem il-Bibbja.
Il-kelma “rxoxt” hija tradotta mill-kelma Griega a·naʹsta·sis, li litteralment tfisser “li wieħed jerġaʼ jqum bil-wieqfa.” (Tradutturi Ebrej tal-Grieg ittraduċew il-kelma a·naʹsta·sis bil-kelmiet Ebrajċi techi·yathʹ ham·me·thimʹ, li jfissru “ħajja mill-ġdid tal-mejtin.”) L-irxoxt jinvolvi li jiġi attirat mill-ġdid il-mod t’għixien taʼ l-individwu, liema mod t’għixien Alla jkun żamm fil-memorja tiegħu. Skond ir-rieda t’Alla għall-individwu, il-persuna jiġi rrestawrat jew f’ġisem uman jew f’ġisem spirtu; madankollu jżomm l-identità persunali tiegħu, billi jkollu l-istess personalità u memorji li kellu meta miet.
Iva, il-Bibbja titkellem dwar żewġ tipi taʼ rxoxt. Wieħed huwa rxoxt għas-sema b’ġisem spirtu; dan huwa għal numru komparattivament żgħir. Ġesù Kristu rċieva rxoxt bħal dan. (1 Pietru 3:18) U hu indika li l-istess se jiġi esperjenzat minn uħud magħżulin minn fost dawk li segwew fil-passi tiegħu, billi jibda bl-appostli leali, li lilhom għamel il-wegħda: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. . . . Nerġaʼ niġi biex neħodkom miegħi, biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.” (Ġwann 14:2, 3) Il-Bibbja tirreferi għal dan bħala “l-ewwel qawmien taʼ l-imwiet,” l-ewwel fiż-żmien u fil-grad. L-Iskrittura tiddeskrivi lil dawk li jirċievu rxoxt bħal dan għal ħajja fis-sema bħala li huma qassisin t’Alla u li jaħkmu bħala slaten maʼ Kristu Ġesù. (Apokalissi 20:6) Dan “l-ewwel qawmien” huwa għal numru limitat, u l-Iskrittura nfisha tirrivela li 144,000 biss se jittieħdu minn fost irġiel u nisa leali. Dawn se jkunu taw prova taʼ l-integrità tagħhom lejn Alla Jehovah u lejn Kristu Ġesù dritt sal-mewt tagħhom, billi kienu attivi f’li jagħtu xiehda lil oħrajn dwar il-fidi tagħhom.—Apokalissi 14:1, 3, 4.
Bla dubju, l-irxoxt tal-mejtin huwa żmien taʼ hena bla qjies għal dawk irxoxtati għall-ħajja fis-sema. Imma l-ferħ ma jiqafx hemm, għax imwiegħed ukoll huwa rxoxt għall-ħajja dritt hawnhekk fuq l-art. Dawk li jiġu rxoxtati se jissieħbu maʼ numru bla limitu li jibqgħu ħajjin wara t-tmiem tas-sistema preżenti mill-agħar. Wara li ra n-numru żgħir taʼ wħud li jikkwalifikaw għal irxoxt fis-sema, l-appostlu Ġwanni ġie mogħti viżjoni taʼ “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” Xi żmien hieni se jkun dak meta miljuni, u possibilment biljuni, se jerġgħu lura għall-ħajja hawnhekk fuq l-art!—Apokalissi 7:9, 16, 17.
Dan Meta Se Jseħħ?
Kull ferħ u hena jkun għomru qasir kieku l-mejtin jiġu lura f’dinja mimlija ġlied, tixrid taʼ demm, tniġġis taʼ l-ambjent, u vjolenza—bħalma hi s-sitwazzjoni llum. Le, l-irxoxt irid jistenna sakemm tiġi stabbilita “art ġdida.” Immaġina, pjaneta mnaddfa min-nies u l-istituzzjonijiet li sal-ġurnata tal-lum jidhru li moħħhom kif se jħassru l-art u jirrovinaw il-ġmiel naturali tagħha, biex ma nsemmux il-miżerja bla għadd li ġabu fuq l-abitanti tagħha.—2 Pietru 3:13; Apokalissi 11:18.
Ovvjament, iż-żmien għall-irxoxt ġenerali taʼ l-umanità għad irid iseħħ. Madankollu, l-aħbar tajba hija li ma fadallux wisq. Veru, irid jistenna sa tmiem din is-sistema preżenti mill-agħar. Madankollu, evidenza abbundanti tagħti prova li ż-żmien biex tfaqqaʼ d-“diqa [tribulazzjoni, NW] kbira” huwa qrib, billi jilħaq il-qofol tiegħu “nhar il-jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox”—magħruf aħjar bħala Armageddon. (Mattew 24:3-14, 21; Apokalissi 16:14, 16) Dan se jġiegħel li jitneħħa l-ħażen kollu minn fuq din il-pjaneta mill-isbaħ, Art. Wara dan se jkun hawn ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu Ġesù, meta l-art se tinġieb b’mod progressiv għal stat taʼ ġenna.
Il-Bibbja tirrivela li matul dan ir-renju Millennjali, se jseħħ l-irxoxt taʼ bnedmin mejtin. Imbagħad se titwettaq il-wegħda li għamel Ġesù waqt li kien fuq l-art: “Tistagħġbux b’dan: tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu . . . għall-ħajja.”—Ġwann 5:28, 29.
L-Effett Tat-Tama Taʼ L-Irxoxt
X’tama mill-isbaħ għall-futur huwa dan il-prospett taʼ l-irxoxt—żmien meta l-mejtin se jerġgħu jieħdu l-ħajja! Kemm tinkuraġġina hekk kif niffaċċjaw it-tbatijiet t’età avanzata, mard, saram u dwejjaq mhux mistennijin, u sempliċement il-pressjonijiet u l-problemi tal-ħajja taʼ kuljum! Tneħħi t-tingiża tal-mewt—mhux li telimina n-niket għal kollox imma tisseparana minn dawk li m’għandhom ebda tama għall-futur. L-appostlu Pawlu rrikonoxxa dan l-effett taʼ serħan li tagħti t-tama taʼ l-irxoxt b’dan il-kliem: “Ma rridux li ma tkunux tafu, ħuti, fuq il-mejtin biex ma ssewdux qalbkom bħal l-oħrajn li ma għandhomx tama. Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.”—1 Tessalonikin 4:13, 14.
Forsi diġà esperjenzajna kemm hi minna osservazzjoni oħra tar-raġel Orjentali Ġob: “Il-bniedem jintemm bħal xi ħaġa mħassra, bħal ilbies mikul mill-kamla. Il-bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira u mimli inkwiet. Jinbet bħal fjura, u mbagħad jitbiel; bħal dell li ma jdumx.” (Ġob 13:28–14:2, New International Version) Aħna wkoll aħna konxji taʼ l-inċertezza tal-ħajja u tar-realtà qarsa li “ż-żmien u l-ġrajja mhix mistennija” jistgħu jiġu fuq kull wieħed u waħda minna. (Ekkleżjasti 9:11, NW) Ċertament, ħadd minna ma jieħu pjaċir jaħseb dwar kif se jiffaċċja l-proċess tal-mewt. Madankollu, it-tama ċerta taʼ l-irxoxt verament tgħinna nwarrbu l-biżaʼ żejjed mill-mewt.
Agħmel kuraġġ, allura! Ħares lil hinn mill-possibiltà taʼ raqda fil-mewt lejn li terġaʼ tieħu lura l-ħajja permezz tal-miraklu taʼ l-irxoxt. Ħares ’il quddiem b’fiduċja lejn il-prospett taʼ ħajja futura bla tmiem, u żid maʼ dan il-ferħ li taf li dak iż-żmien imbierek huwa fil-futur qarib. (w96 10/15)