LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 12/1 pp. 27-32
  • Żgħażagħ li Jiftakru fil-Ħallieq Tagħhom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żgħażagħ li Jiftakru fil-Ħallieq Tagħhom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Alla Kemm Huwa Reali Għalik?
  • X’Ifisser Li Tiftakar
  • Edukazzjoni Bi Skop
  • Għala Għandek Timmaniġġa L-​Finanzi Tiegħek Bil-​Għaqal?
  • Żgħażagħ Li Jixirqilhom Li Jiġu Imitati
  • Edukazzjoni bi Skop
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Kif Iħarsu Lejn l-Edukazzjoni?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • L-Edukazzjoni—Użaha Biex Tfaħħar lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Żgħażagħ, Ftakru Issa fil-Ħallieq Grandjuż Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 12/1 pp. 27-32

Żgħażagħ li Jiftakru fil-​Ħallieq Tagħhom

“Ftakar [“issa,” NW] f’min ħalqek fil-​jiem taʼ żgħożitek.”—KOĦELET 12:1.

1. Liema espressjonijiet taʼ tifel taʼ ħdax-il sena jirrivelaw li l-​Ħallieq tagħna huwa reali għalih?

KEMM hija ħaġa sabiħa meta wħud żgħar jitkellmu u jaġixxu b’mod li juri li jqisu lil Jehovah bħala persuna reali li lilu jammiraw u jridu jogħġbu! Tifel taʼ 11-il sena qal: “Meta nkun waħdi u nittawwal mit-​tieqa, nara kemm huwa taʼ l-​għaġeb il-​ħolqien taʼ Jehovah. Imbagħad noħlom dwar kemm se tkun sabiħa l-​Ġenna fil-​futur u dwar kif se nkun nistaʼ mmiss lill-​annimali f’dak iż-​żmien.” (Isaija 11:6-9) Hu żied: “Meta nkun waħdi, nitlob lil Jehovah. Naf li m’huwiex se jirrabja miegħi talli nkellmu l-​ħin kollu. Naf li hu dejjem qiegħed hemm jarani.” Hu l-​Ħallieq reali għalik daqskemm hu għal dan it-​tifel?

Alla Kemm Huwa Reali Għalik?

2. (a) Il-​Ħallieq tiegħek kif jistaʼ jsir reali għalik? (b) Il-​ġenituri liema sehem għandhom f’li jgħinu lit-​tfal tagħhom biex japprezzaw li Alla hu persuna reali?

2 Biex Jehovah u l-​wegħdi tiegħu jkunu reali għalik, trid l-​ewwel titgħallem dwaru u dwar il-​futur taʼ l-​għaġeb li hu joffri fid-​dinja l-​ġdida taʼ tjieba li l-​Bibbja tiddeskrivi. (Apokalissi 21:3, 4) Jekk il-​ġenituri tiegħek għallmuk dwar dawn l-​affarijiet, għandek għalfejn tkun grat għaliex dan jgħinek biex tagħti kas il-​kmand imnebbaħ: “Ftakar [“issa,” NW] f’min ħalqek.” (Korsiv tagħna.) (Koħelet 12:1) Waħda żagħżugħa qalet rigward it-​taħriġ minn kmieni li tawha l-​ġenituri tagħha: “Kull ħaġa fil-​ħajja kienet dejjem tipponta lejn Jehovah. Dan kien il-​qofol biex jien niftakar fil-​Ħallieq tiegħi.” Mara żagħżugħa oħra għamlet din l-​osservazzjoni: “Jien nibqaʼ dejjem grata lejn il-​ġenituri tiegħi talli għallmuni li Jehovah hu persuna reali. Huma wrewni kif inħobbu u qaluli dwar il-​ferħ li jiġi milli taqdih full-time.”

3, 4. X’jistaʼ jgħinek biex taħseb dwar Jehovah bħala persuna reali?

3 Madankollu, ħafna jsibuha iebsa li jimmaġinaw lil Alla bħala persuna reali li hu interessat fihom. Int hekk tħossok? Wieħed żagħżugħ ġie mgħejjun biex jaħseb dwar Alla b’mod persunali permezz taʼ din l-​istqarrija f’The Watchtower: “Kemm hu kbir Alla Jehovah fid-​daqs, ma nafux.” M’għandniex xi ngħidu, l-​eminenza t’Alla ma tiddependix mid-​daqs jew is-​sura tiegħu, bħalma qalet is-​sentenza taʼ wara f’dak il-​Watchtower: “Il-​kobor reali tiegħu huwa f’li jkun ix-​xorta t’Alla li hu,” tabilħaqq, Alla leali, li jagħder, li jħobb, u li jaħfer.a (Eżodu 34:6; Dewteronomju 32:4; Salm 86:5; Ġakbu 5:11) Bdejt int tqis lil Jehovah bħala persuna bħal din, ħabib li tafdah u li miegħu jistaʼ jkollok relazzjoni prezzjuża?—Isaija 41:8; Ġakbu 2:23.

4 Ġesù għen lis-​segwaċi bikrin tiegħu biex igawdu relazzjoni persunali m’Alla. B’hekk, meta l-​appostlu Ġwanni kiteb dwar l-​irxoxt antiċipat tiegħu lejn ħajja fis-​sema, Ġwanni għamel din l-​osservazzjoni: “Aħna nkunu bħalu [Alla], għax narawh kif inhu.” (1 Ġwann 3:2; 1 Korintin 15:44) Iż-​żgħażagħ illum jistgħu wkoll jiġu mgħejjunin biex iqisu lil Jehovah bħala persuna reali, xi ħadd li huma jistgħu jsiru jafuh tajjeb avolja ma jistgħux jarawh personalment. Żagħżugħ innota: “Il-​ġenituri tiegħi għenuni niftakar f’Jehovah billi staqsewni ħafna mistoqsijiet, bħalma huma, ‘Kieku Jehovah x’jgħid? Kif tispjegaha fi kliemek stess? Xi tfisser?’” Ma jġagħluniex mistoqsijiet bħal dawn naħsbu dwar ir-​relazzjoni persunali tagħna m’Alla?

X’Ifisser Li Tiftakar

5. Liema eżempji mill-​Bibbja juru illi li tiftakar lil xi ħadd jinvolvi iktar milli sempliċement tiftakar ismu?

5 Li tagħti kas il-​kmand, “Ftakar [“issa,” NW] f’min ħalqek,” ifisser iktar milli sempliċement taħseb dwar Jehovah. Dan jinvolvi azzjoni, li tagħmel dak li jogħġob lilu. Meta l-​kriminal talab bil-​ħniena lil Ġesù, “Ftakar fija meta tidħol fis-​Saltna tiegħek,” hu ried li Ġesù jiftakar iktar minn ismu biss. Ried li Ġesù jaġixxi, biex jirxoxtah. (Korsiv tagħna.) (Luqa 23:42) Bl-​istess mod, l-​ikkalzrat Ġużeppi stenna xi azzjoni għan-​nom tiegħu meta staqsa lill-​kuppier taʼ Farawni biex jiftakar fih maʼ Farawni. U meta Ġob għamel petizzjoni lil Alla, ‘Ftakar fija,’ Ġob kien qiegħed jitlob li f’xi żmien fil-​futur, Alla kien se jaġixxi biex jirxoxtah.—Ġob 14:13; Ġenesi 40:14, 23.

6. Il-​kelma Ebrajka għal “ftakar” kif timplika affezzjoni għall-​ħaġa jew persuna miftakra?

6 Awtorità waħda tgħid li l-​kelma Ebrajka tradotta “ftakar” taʼ spiss timplika “l-​affezzjoni tal-​moħħ u l-​azzjoni li takkumpanja lil tifkira.” L-​implikazzjoni taʼ “affezzjoni” fil-​kelma “ftakar” tistaʼ tidher fl-​esklamazzjoni tal-​“qabda nies” fix-​xagħri: “Niftakru l-​ħut li konna nieklu fl-​Eġittu b’xejn!” Sewwa sew bħalma Ġob talab biex ikun miftakar b’mod favorevoli minn Alla, hekk ukoll Ħeżekija, Neħemija, David, u salmista li ma jissemmiex ismu wkoll talbu bil-​ħniena biex jiġu miftakrin b’affezzjoni minn Jehovah b’rikonoxximent tal-​fedeltà tagħhom. (Korsiv tagħna.)—Numri 11:4, 5; 2 Slaten 20:3; Neħemija 5:19; 13:31; Salm 25:7; 106:4.

7. Jekk niftakru f’Alla b’affezzjoni, dan kif se jeffettwalna l-​kondotta tagħna?

7 B’hekk għandna mnejn nistaqsu, ‘Niftakru aħna fil-​Ħallieq tagħna b’affezzjoni u nevitaw li nagħmlu kwalunkwe ħaġa li ġġagħlu jħossu ddispjaċut jew imweġġaʼ?’ Żagħżugħa għamlet din l-​osservazzjoni: “Ommi għenitni nirrikonoxxi li Jehovah għandu sentimenti, u taʼ età żgħira, kont naf li l-​azzjonijiet tiegħi kellhom effett fuqu.” (Salm 78:40-42) Oħra spjegat: “Kont naf li l-​azzjonijiet tiegħi kienu se jgħinu jew ifixklu f’li tiġi mwieġba l-​isfida li Satana għamel lil Jehovah. Ridt inferraħ qalb Jehovah, u għalhekk dak għenni u jkompli jgħinni llum.”—Proverbji 27:11.

8. (a) Liema ħaġa li nsegwu se tindika li niftakru lil Jehovah b’affezzjoni? (b) Iż-​żgħażagħ liema mistoqsijiet se jikkunsidraw bil-​għaqal?

8 Irridu nammettu li f’din id-​dinja mill-​agħar m’huwiex dejjem faċli li tiftakar f’Jehovah billi tieħu sehem bis-​sħiħ f’attività li togħġob lilu. Madankollu, kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku tkun tistaʼ timita liż-​żagħżugħ Timotju taʼ l-​ewwel seklu​—biex ma nsemmux eluf taʼ żgħażagħ illum li għandhom il-​biżaʼ t’Alla—​billi ssegwi s-​servizz Kristjan full-time bħala ministru pijunier! (Atti 16:1-3; 1 Tessalonikin 3:2) Madankollu, għandu mnejn tqum il-​mistoqsija, Tkun tistaʼ int tmantni lilek innifsek fil-​ministeru taʼ pijunier? U jekk tiżżewweġ, ikollok int il-​kapaċitajiet meħtieġa biex tipprovdi għall-​familja tiegħek? (1 Timotju 5:8) Dawn huma mistoqsijiet importanti, u huwa vitali li taħseb dwarhom bis-​serjetà.

Edukazzjoni Bi Skop

9. Iż-​żgħażagħ maʼ liema deċiżjoni qegħdin iħabbtu wiċċhom rigward edukazzjoni sekulari?

9 Hekk kif is-​soċjetà umana ssir iktar komplessa, ammont akbar taʼ skola għandu mnejn ikun meħtieġ biex tkun tistaʼ tikseb impjieg adegwat biex tmantni lilek innifsek fix-​xogħol taʼ pijunier. Int għandek mnejn innotajt li saħansitra xi wħud b’edukazzjoni universitarja kellhom jedukaw ruħhom mill-​ġdid biex jiksbu snajjaʼ ġodda li dawk li jħaddmu qegħdin jitolbu llum. Għalhekk kemm skola għandkom issegwu intom iż-​żgħażagħ li tridu togħġbu lil Alla? Id-​deċiżjoni b’mod xieraq għandha ssir bil-​kmand imnebbaħ f’moħħkom: “Ftakar [“issa,” NW] f’min ħalqek.”

10. X’inhi l-​aqwa edukazzjoni li nistgħu nirċievu?

10 Int, m’għandniex xi ngħidu, se tkun trid issegwi dik li saħansitra ħafna mill-​awtoritajiet sekulari jqisuha bħala l-​aqwa edukazzjoni​—dik li tiġi rrealizzata minn studju bir-​reqqa tal-​Kelma t’Alla. Il-​Kittieb Ġermaniż Johann Wolfgang von Goethe innota: “Iktar ma jkun kbir il-​progress intellettwali taʼ xi [poplu], iktar ukoll se jsir possibbli b’mod sħiħ li tiġi wżata l-​Bibbja kemm bħala l-​pedament u kemm bħala l-​istrument t’edukazzjoni.” Iva, studju tal-​Bibbja se jgħammrek aħjar għall-​ħajja minn kwalunkwe edukazzjoni oħra!—Proverbji 2:6-17; 2 Timotju 3:14-17.

11. (a) Liema huwa l-​iktar xogħol importanti li nistgħu nagħmlu? (b) Waħda żagħżugħa għala għażlet li jkollha ċerta edukazzjoni?

11 Ladarba l-​għarfien dwar Alla jagħti l-​ħajja, l-​iktar xogħol importanti li tistaʼ tagħmel huwa li taqsam dak l-​għarfien m’oħrajn. (Proverbji 3:13-18; Ġwann 4:34; 17:3) Biex tagħmel dan b’mod effettiv, madankollu, jeħtieġ li tiġi edukat f’modi fundamentali. Jeħtieġ li tkun kapaċi taħseb b’mod ċar, titkellem b’mod loġiku, u taqra u tikteb tajjeb​—abbiltajiet li huma mgħallmin fl-​iskola. Għalhekk ħu l-​korsijiet fl-​iskola tiegħek bis-​serjetà, bħalma għamlet Tracy, żagħżugħa fi Florida, l-​Istati Uniti Taʼ L-​Amerka, li ggradwat mill-​iskola sekondarja b’unuri skolastiċi. Hi esprimiet it-​tama tagħha: “Jien dejjem kelli bħala l-​mira tiegħi li nkun qaddejja full-time t’Alla tiegħi Jehovah, u nittama li l-​edukazzjoni tiegħi se tgħinni nikseb din il-​mira.”

12. Jekk wieħed jagħżel li jkompli l-​edukazzjoni sekulari, liema skop jistaʼ dan jgħin biex jitwettaq?

12 Qatt ħsibt dwar għala tmur l-​iskola? Huwa dan primarjament biex tiġi mgħammar ħalli ssir ministru effettiv taʼ Jehovah? Jekk inhu hekk, int se tkun trid tikkunsidra bis-​serjetà dwar kemm l-​edukazzjoni tiegħek twettaq sewwa dan l-​iskop. Wara konsultazzjoni mal-​ġenituri tiegħek, jistaʼ jiġi deċiż li għandek tkompli l-​iskola iktar mill-​minimu meħtieġ mil-​liġi. Din l-​edukazzjoni mtawla għandha mnejn tgħinek tikseb impjieg biex tmantni lilek innifsek u xorta tħallilek ħin u enerġija biex tieħu sehem bis-​sħiħ fl-​attività tas-​Saltna.—Mattew 6:33.

13. Żewġ Kristjani Russi li segwew edukazzjoni supplimentari kif urew l-​iskop tagħhom fil-​ħajja?

13 Xi wħud li jsegwu edukazzjoni supplimentari jieħdu sehem fil-​ministeru full-time saħansitra waqt li qegħdin jirċievu iktar edukazzjoni. Ikkunsidra lil Nadia u Marina, żewġ tfajliet adolexxenti f’Moska, fir-​Russja. It-​tnejn li huma tgħammdu f’April taʼ l-​1994 u bdew jaqdu bħala ministri pijunieri awżiljarji. Ftit wara ggradwaw mill-​iskola sekondarja u bdew kors taʼ sentejn fl-​accounts. F’Mejju taʼ l-​1995 bdew jaqdu bħala pijunieri regulari, u madankollu żammew medja taʼ grad A fil-​lezzjonijiet taʼ l-​accounts. Iktar minn hekk, setgħu jikkonduċu, bejniethom, medja taʼ 14-il studju tal-​Bibbja kull ġimgħa waqt li kienu għadhom imorru l-​iskola. It-​tfajliet jittamaw li l-​edukazzjoni fl-​accounts se tgħinhom isibu impjieg adegwat, sabiex ikunu jistgħu jmantnu lilhom infushom fil-​ministeru full-time.

14. Ikun kemm ikun l-​ammont t’edukazzjoni li nagħżlu, x’għandha tkun l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna?

14 Jekk issegwi edukazzjoni sekulari iktar minn dik meħtieġa mil-​liġi, eżamina bil-​għaqal ir-​raġuni għala se tagħmel dan. Qiegħed int tagħmel dan biex tilħaq xi ħaġa u biex tikseb ġid materjali? (Ġeremija 45:5; 1 Timotju 6:17) Jew hija l-​mira tiegħek li tuża l-​edukazzjoni supplimentari biex tieħu sehem iktar bis-​sħiħ fis-​servizz taʼ Jehovah? Lydia, żagħżugħa li għażlet li ssegwi iktar edukazzjoni, esprimiet iffokar mill-​aħjar fuq affarijiet spiritwali, billi spjegat: “Oħrajn isegwu edukazzjoni għolja u jħallu l-​materjaliżmu jfixkilhom, u warrbu lil Alla. Personalment ir-​relazzjoni tiegħi m’Alla hija l-​iktar ħaġa importanti għalija.” X’attitudni taʼ min jirrikmandaha għalina lkoll!

15. Liema varjetà taʼ sfondi edukattivi kien hemm fost il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu?

15 B’mod sinjifikanti, il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kellhom varjetà kbira taʼ sfondi edukattivi. L-​appostli Pietru u Ġwanni, per eżempju, kienu kkunsidrati bħala “nies sempliċi u bla tagħlim” għaliex ma ġewx imħarrġin fi skejjel rabbiniċi. (Atti 4:13) L-​appostlu Pawlu, mill-​banda l-​oħra, irċieva dak li llum huwa kkomparat m’edukazzjoni universitarja. Madankollu, Pawlu ma wżax dik l-​edukazzjoni biex jiġbed l-​attenzjoni lejh innifsu; minflok, din kienet taʼ vantaġġ meta xandar lil nies f’diversi pożizzjonijiet fil-​ħajja. (Atti 22:3; 1 Korintin 9:19-23; Filippin 1:7) Bl-​istess mod, Manaen, li kien “trabba [“ġie mgħallem,” NW] maʼ Erodi t-​tetrarka,” kien fost dawk li kienu fuq quddiem fil-​kongregazzjoni t’Antijokija.—Atti 13:1.

Għala Għandek Timmaniġġa L-​Finanzi Tiegħek Bil-​Għaqal?

16. (a) Għala jistaʼ jkun iktar iebes li niftakru fil-​Ħallieq tagħna jekk ikollna d-​dejn? (b) Waħda mit-​tixbihat taʼ Ġesù kif tirrivela l-​importanza taʼ li naħsbu qabel ma nonfqu?

16 Jekk ma timmaniġġax il-​finanzi tiegħek bil-​għaqal, jistaʼ jkun iktar iebes biex tiftakar fil-​Ħallieq tiegħek billi tagħmel dak li jogħġob lilu. Għax jekk tidħol f’xi dejn, jistaʼ jingħad li għandek sid ieħor. Il-​Bibbja tispjega: “Issellef il-​flus u int l-​irsir taʼ min isellfek.” (Proverbji 22:7, Today’s English Version) Waħda mit-​tixbihat taʼ Ġesù tenfasizza l-​importanza li naħsbu qabel ma nonfqu. “Min minnkom,” qal Ġesù, “ikun irid jibni torri, u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-​ewwelnett iqis in-​nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa’ l-​aħħar? Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-​sisien biex imbagħad ma jkunx jistaʼ jtemm il-​bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-​ċajt.”—Luqa 14:28, 29.

17. Għala jkun taʼ spiss diffiċli li wieħed jikkontrolla kemm jonfoq?

17 B’mod għaqli, għalhekk, int se tipprova tgħix fi qbil mal-​prinċipju Skritturali ‘biex ma tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin.’ (Rumani 13:8) Imma dan huwa diffiċli biex tagħmlu, speċjalment meta tiġi kkonfrontat bi provista kontinwa taʼ prodotti ġodda li dawk li jirriklamaw isostnu li għandek verament bżonnhom. Ġenitur wieħed, li pprova jgħin lit-​tfal tiegħu biex jużaw id-​dixxerniment, għamel din l-​osservazzjoni: “Qattajna ħafna ħin niddiskutu x’inhu l-​bżonn u x’inhu dak li tixtieq.” L-​iskejjel ġeneralment naqsu li jgħallmu affarijiet bħal dawn, billi pprovdew ftit li xejn istruzzjoni dwar kif jintużaw il-​finanzi b’manjiera responsabbli. “Aħna niggradwaw mill-​iskola sekondarja billi nkunu nafu iktar dwar l-​isosceles triangle milli kif infaddlu.” innotat waħda social worker. X’inhu, allura, dak li se jgħinek tonfoq bil-​għaqal?

18. X’inhu l-​qofol taʼ l-​immaniġġar għaqli tal-​finanzi, u għala?

18 Li tagħti kas il-​parir, “Ftakar [“issa,” NW] f’min ħalqek,” huwa l-​qofol taʼ l-​immaniġġar għaqli tal-​finanzi tiegħek. Dan huwa għaliex meta tobdi dak il-​kmand, il-​prijorità tiegħek hija li togħġob lil Jehovah, u l-​affezzjoni tiegħek għalih tinfluwenza kif tonfoq flusek. Fi qbil maʼ dan, int se tipprova ma tħallix l-​affarijiet persunali li tixtieq, ifixkluk milli tagħti lil Alla devozzjoni b’ruħek kollha. (Mattew 16:24-26) Se tistinka biex iżżomm għajnek “sempliċi,” jiġifieri, iffokata b’mod ċar fuq is-​Saltna t’Alla u f’li tagħmel ir-​rieda tiegħu. (Mattew 6:22-24, NW) Int b’hekk se tibda tqis it-​twissija divina biex ‘tweġġaħ lill-​Mulej b’ġidek’ bħala privileġġ mimli ferħ.—Proverbji 3:9.

Żgħażagħ Li Jixirqilhom Li Jiġu Imitati

19. Żgħażagħ fil-​passat kif ftakru fil-​Ħallieq tagħhom?

19 B’ferħ, ħafna żgħażagħ, fil-​passat u fil-​preżent, ftakru fil-​Ħallieq tagħhom. Iċ-​ċkejken Samwel baqaʼ jżomm sod fis-​servizz tat-​tabernaklu minkejja l-​influwenza immorali taʼ dawk li kien jaqdi magħhom. (1 Samwel 2:12-26) Il-​mara taʼ Potifar, tentatriċi gwappa, ma setgħetx tħajjar liż-​żagħżugħ Ġużeppi biex jikkommetti l-​fornikazzjoni. (Ġenesi 39:1-12) Avolja kien ‘għadu żgħir,’ Ġeremija xandar b’kuraġġ għalkemm kien qiegħed iħabbat wiċċu m’oppożizzjoni ħarxa. (Ġeremija 1:6-8) Tifla ċkejkna Israelita dderiġiet bla biżaʼ lil kap potenti taʼ l-​armata Sirjana biex ifittex l-​għajnuna f’Israel, fejn setaʼ jsir jaf b’Jehovah. (2 Slaten 5:1-4) Iż-​żagħżugħ Danjel u sħabu żammew il-​fidi tagħhom meta ġew ipprovati fuq liġijiet t’Alla dwar l-​ikel. U ż-​żgħażagħ Xadrak, Mexak, u Abednego għażlu li jiġu mitfugħin ġo forn tan-​nar minflok ma jikkompromettu l-​lealtà tagħhom lejn Alla billi jqimu quddiem xbiha.—Danjel 1:8, 17; 3:16-18; Eżodu 20:5.

20. Ħafna żgħażagħ kif ftakru fil-​Ħallieq tagħhom illum?

20 Illum iktar minn 2,000 żagħżugħ minn 19 sa 25 sena jaqdu fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Istat taʼ New York, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka. Dawn huma biss porzjon żgħir mill-​għaxriet taʼ eluf taʼ żgħażagħ li qegħdin jiftakru fil-​Ħallieq tagħhom madwar id-​dinja. Bħal Ġużeppi tal-​qedem, huma rrifjutaw li jikkompromettu l-​indafa morali tagħhom. Ħafna obdew lil Alla minflok lill-​bniedem meta ġew sforzati biex jagħżlu lil min iridu jaqdu. (Atti 5:29) Fl-​1946 fil-​Polonja, Henryka Zur, li kellha 15-il sena ġiet ittorturata meta rrifjutat li twettaq att taʼ idolatrija reliġjuża. “Minn ġewwa emmen li trid,” issuġġerixxa wieħed minn dawk li tturmentawha, “sempliċement rodd is-​salib bħall-​Kattoliċi.” Minħabba li rrifjutat, ġiet imkaxkra għal ġol-​foresta u sparawlha, bit-​tama assigurata tagħha taʼ ħajja eterna bla mittiefsa!b

21. Liema stedina jkun għaqli li taċċetta, u b’liema riżultat?

21 Min jaf kemm tifraħ qalb Jehovah biż-​żgħażagħ li ftakru fih matul is-​sekli! Se twieġeb int għall-​istedina tiegħu, “Ftakar [“issa,” NW] f’min ħalqek”? Verament jixraqlu li tiftakar fih! Aħseb kuljum dwar dak kollu li għamel għalik u f’dak li għad irid jagħmel, u aċċetta l-​istedina tiegħu: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min igħajjarni.”—Proverbji 27:11. (w96 12/1)

[Noti taʼ taħt]

a The Watchtower, tal-​15 taʼ Diċembru, 1953, paġna 750.

b Ara n-​1994 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 217-​18, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Tiftakar Int?

◻ Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jiġu mgħejjunin biex iqisu lil Alla bħala persuna reali?

◻ X’ifisser li tiftakar fil-​Ħallieq tiegħek?

◻ L-​edukazzjoni liema skop għandu jkollha?

◻ Għala huwa vitali li nimmaniġġaw il-​finanzi tagħna bil-​għaqal?

◻ Liema żgħażagħ huma denji li jiġu imitati minnek?

[Stampa fpaġna 29]

Qatt ħsibt dwar għala tmur l-​iskola?

[Stampa fpaġna 30]

Qiegħed int titgħallem kif timmaniġġa l-​finanzi bil-​għaqal?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja