LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 4/1 pp. 10-27
  • Agħmel Kuraġġ Hekk Kif Joqrob il-Ħelsien

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħmel Kuraġġ Hekk Kif Joqrob il-Ħelsien
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Żminijiet Kritiċi Li Iebes Biex Issib Tarfhom”
  • Ebda Ħelsien Mill-​Bnedmin
  • Ħelsien Qrib​—Għal Min?
  • Il-​Ħellies Prinċipali
  • Diversi Forom Taʼ Ħelsien Fil-​Passat
  • Ħejji Għal Ħelsien Ġewwa Dinja Ġdida
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Qrib Il-Ħelsien Permezz tas-Saltna t’Alla!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Tapprezzah Int Dak li Għamel Ġeħova Biex Jeħilsek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ħelsien Għal ġo Dinja Ġdida taʼ Tjieba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 4/1 pp. 10-27

Agħmel Kuraġġ Hekk Kif Joqrob il-​Ħelsien

“‘Jien inkun miegħek, oraklu tal-​Mulej, biex neħilsek.’”—ĠEREMIJA 1:19.

1, 2. Il-​familja umana għala teħtieġ il-​ħelsien?

ĦELSIEN! X’kelma taʼ faraġ dik! Li wieħed ikun meħlus ifisser li jkun ġie salvat, illiberat minn sitwazzjoni ħażina u taʼ niket. Dan jinkludi l-​ħsieb taʼ li wieħed jinġieb f’kundizzjoni bil-​wisq aħjar u iktar taʼ ferħ.

2 Il-​familja umana kemm għandha bżonnu disperatament ħelsien bħal dan f’dan iż-​żmien! In-​nies kullimkien jinsabu mgħakksin u skuraġġiti minħabba problemi diffiċli​—ekonomiċi, soċjali, fiżiċi, mentali, u emozzjonali. Il-​maġġoranza l-​kbira huma ddiżappuntati u mhux kuntenti bil-​mod li bih miexja d-​dinja u kieku jixtiequ bidla għall-​aħjar.—Isaija 60:2; Mattew 9:36.

“Żminijiet Kritiċi Li Iebes Biex Issib Tarfhom”

3, 4. Għala hemm ħtieġa akbar għal ħelsien issa?

3 Ladarba dan is-​seklu 20 esperjenza sofferenza akbar minn kwalunkwe ieħor, hemm ħtieġa akbar għal ħelsien issa iktar minn qatt qabel. Illum, ħafna iktar minn biljun ruħ jgħixu ġo faqar estrem, u dak in-​numru jiżdied b’madwar 25 miljun kull sena. Kull sena madwar 13-il miljun tifel u tifla jmutu minn nuqqas taʼ nutriment jew kawżi oħrajn relatati mal-​faqar​—iktar minn 35,000 kull ġurnata! U miljuni taʼ nies anzjani jmutu qabel iż-​żmien minn diversi mardiet.—Luqa 21:11; Apokalissi 6:8.

4 Il-​gwerer u t-​taqlib ċivili kkaġunaw sofferenza liema bħalha. Il-​ktieb Death by Government jgħid li l-​gwerer, il-​ġlied etniku u reliġjuż, u l-​qtil tal-​massa taċ-​ċittadini mill-​gvernijiet tagħhom stess “qatlu iktar minn 203 miljun ruħ f’dan is-​seklu.” Dan ikompli jgħid: “Il-​mejtin jistgħu attwalment ilaħħqu mal-​kważi 360 miljun ruħ. Huwa bħal li kieku l-​ispeċi tagħna ġiet imħarbta minn Pesta Sewda moderna. U tabilħaqq hekk ġara, imma b’pesta taʼ Poter, mhux taʼ mikrobi.” Il-​kittieb Richard Harwood għamel din l-​osservazzjoni: “Il-​gwerer barbari tas-​sekli li għaddew kienu bla sinjifikat apparagun.”—Mattew 24:6, 7; Apokalissi 6:4.

5, 6. X’inhu dak li jagħmel lil żmienna daqshekk taʼ niket?

5 Minbarra l-​kundizzjonijiet taʼ niket taʼ snin riċenti hemm iż-​żjieda enormi fil-​kriminalità vjolenti, fl-​immoralità, u fit-​tkissir taʼ familji. William Bennett, dak li qabel kien is-​Segretarju taʼ l-​Edukazzjoni fl-​Istati Uniti, innota li fi 30 sena l-​popolazzjoni taʼ l-​Istati Uniti żdiedet b’41 fil-​mija, imma l-​kriminalità vjolenti żdiedet b’560 fil-​mija, it-​twelid illeġittimu b’400 fil-​mija, id-​divorzji bi 300 fil-​mija, u r-​rata taʼ suwiċidji taʼ żgħażagħ taħt l-​għoxrin b’200 fil-​mija. John DiIulio, Jr., Professur fl-​Università taʼ Princeton, wissa dwar in-​numru li dejjem jiżdied taʼ “kriminali mustaċċuni” żgħażagħ li “joqtlu, jaħbtu għan-​nies, jistupraw, jisirqu lin-​nies u minn ġod-​djar, u li joħolqu diżordni serju fil-​komunità. Ma jibżgħux minn reputazzjoni t’arresti, sofferenza talli jeħlu l-​ħabs, jew tingiż taʼ kuxjenza.” F’dak il-​pajjiż, l-​omiċidju huwa issa t-​tieni wieħed mill-​kaġuni taʼ mewt l-​iktar fuq quddiem fost dawk bejn il-​15 u d-​19-il sena. U iktar tfal taʼ taħt l-​erbaʼ snin qegħdin imutu minn abbużi milli minn mard.

6 Kriminalità u vjolenza bħal dawn m’humiex illimitati għal ġens wieħed. Il-​biċċa l-​kbira tal-​pajjiżi jirrapportaw l-​istess xejra. Dak li jikkontribwixxi għal dan huwa ż-​żjieda qawwija fl-​użu illegali taʼ drogi li jikkorrompi lil miljuni taʼ nies. Is-​Sydney Morning Herald taʼ l-​Awstralja qalet: “L-​ittraffikar internazzjonali tad-​drogi sar it-​tieni negozju li l-​iktar irendi qligħ wara n-​negozju taʼ l-​armi.” Fattur ieħor huwa l-​vjolenza u l-​immoralità li issa qegħdin jiffjorixxu fuq it-​televiżjoni. F’ħafna pajjiżi, sa ma t-​tfal ikollhom 18-il sena, huma jkunu raw għaxriet t’eluf t’atti vjolenti fuq it-​TV u numru bla għadd t’atti immorali. Din hija influwenza sinjifikanti li tikkorrompi, ladarba l-​personalità tagħna hija msawra minn dak li aħna nitimgħu regolarment lil imħuħna.—Rumani 12:2; Efesin 5:3, 4.

7. Il-​profezija tal-​Bibbja kif bassret il-​kundizzjonijiet ħżiena preżenti?

7 Il-​profezija tal-​Bibbja bassret b’eżattezza din ix-​xejra tremenda taʼ ġrajjiet fis-​seklu tagħna. Qalet li kellu jkun hemm gwerer dinjin, epidemiji taʼ mard, nuqqas taʼ ikel, u żjieda fil-​ksur tal-​liġi. (Mattew 24:7-12; Luqa 21:10, 11) U meta nikkunsidraw il-​profezija ddokumentata fit-2 Timotju 3:1-5, inkunu qisna qegħdin nisimgħu l-​aħbarijiet taʼ kull fil-​għaxija. Din tidentifika l-​era tagħna bħala “l-​aħħar tad-​dinja” u tiddeskrivi lin-​nies bħala li ‘jingħataw għall-​imħabba tagħhom infushom u tal-​flus; ma jisimgħux mill-​ġenituri; bla tjieba, bla qalb, bla rażan; kiefra, minfuħa bihom infushom; iħobbu aktar il-​pjaċiri milli ’l Alla.’ Dak huwa preċiż kif inhi d-​dinja llum. Bħalma rrikonoxxa William Bennett: “Hemm wisq sinjali taʼ . . . ċivilizzazzjoni li tnawret.” Saħansitra ntqal li ċ-​ċivilizzazzjoni ntemmet maʼ l-​ewwel gwerra dinjija.

8. Alla għala ġab id-​Dilluvju fi żmien Noè, u dan kif inhu relatat maʼ żmienna?

8 Is-​sitwazzjoni issa hija saħansitra agħar minn dik taʼ qabel id-​Dilluvju taʼ żmien Noè, meta “l-​art . . .[i]mtliet bil-​vjolenza.” Lura f’dak iż-​żmien, in-​nies inġenerali rrifjutaw li jindmu mill-​modi ħżiena tagħhom. B’hekk, Alla qal: “Imtliet bil-​vjolenza l-​art kollha minħabba fihom. Hawn jien se neqridhom minn wiċċ l-​art.” L-​Għarqa temmet lil dik id-​dinja vjolenti.—Ġenesi 6:11, 13; 7:17-24.

Ebda Ħelsien Mill-​Bnedmin

9, 10. Għala m’għandniex nafdaw fil-​bnedmin biex jipprovdu l-​ħelsien?

9 Jistgħu l-​isforzi umani jeħilsuna minn dawn il-​kundizzjonijiet ħżiena? Il-​Kelma t’Alla twieġeb: “La tittamawx fil-​kbarat, għax il-​bniedem ma jsalvakomx.” “Anqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Salm 146:3; Ġeremija 10:23) Eluf taʼ snin taʼ storja vverifikaw dawk il-​veritajiet. Il-​bnedmin ipprovaw kull sistema, politika, ekonomika u soċjali li wieħed jistaʼ jimmaġina, imma l-​kundizzjonijiet sejrin għall-​agħar. Kieku kien hemm soluzzjoni mill-​bniedem, kieku sa issa din kienet tkun saret evidenti. Minflok, ir-​realtà hija li “bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.”—Koħèlet 8:9; Proverbji 29:2; Ġeremija 17:5, 6.

10 Xi ftit tas-​snin ilu, Zbigniew Brzezinski, wieħed li qabel kien konsulent tas-​sigurtà nazzjonali taʼ l-​Istati Uniti qal: “Il-​konklużjoni inevitabbli taʼ kwalunkwe analisi newtrali taʼ xejriet globali hija li t-​taqlib soċjali, l-​inkwiet politiku, il-​kriżi ekonomika, u n-​nuqqas taʼ ftehim internazzjonali x’aktarx li se jsiru iktar mifruxin.” Hu żied: “Il-​minaċċja li tiffaċċja lill-​umanità [hija] anarkija globali.” Dik l-​istima tal-​kundizzjonijiet tad-​dinja hija saħansitra iktar valida llum. Waqt li kkummenta dwar din l-​era taʼ vjolenza li dejjem tiżdied, editorjal fir-​Register taʼ New Haven, fil-​Connecticut, iddikjara: “Nidhru li aħna tlifna wisq il-​kontroll biex inkunu nistgħu nwaqqfuha.” Le, mhux se jkun hemm tmiem għad-​deterjorazzjoni tad-​dinja, għax il-​profezija dwar l-​“aħħar tad-​dinja” qalet ukoll: “[I]n-nies il-​ħżiena u l-​uċuħ b’oħra jmorru mill-​ħażin għall-​agħar, iqarrqu u jitqarrqu.”—2 Timotju 3:13.

11. Il-​kundizzjonijiet li dejjem sejrin għall-​agħar għala m’humiex se jiġu mreġġgħin lura mill-​isforzi tal-​bnedmin?

11 Il-​bnedmin ma jistgħux ireġġgħu lura dawn ix-​xejriet għaliex Satana huwa “l-​alla taʼ din id-​dinja.” (2 Korintin 4:4) Iva, “[i]d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwann 5:19; ara wkoll Ġwann 14:30.) Sewwa tgħid il-​Bibbja dwar żmienna: “Ħażin għalikom, art u l-​baħar, għax fikom niżel id-​Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” (Apokalissi 12:12) Satana jaf li l-​ħakma tiegħu u d-​dinja tiegħu waslu biex jintemmu, u għalhekk huwa bħal “[i]ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.”—1 Pietru 5:8.

Ħelsien Qrib​—Għal Min?

12. Il-​ħelsien għal min qiegħed joqrob?

12 Il-​kundizzjonijiet fuq l-​art li kulma jmorru dejjem qegħdin isiru iktar diffiċli huma evidenza ħajja li bidla vasta​—tabilħaqq, ħelsien grandjuż—​hija fil-​qrib! Għal min? Il-​ħelsien qiegħed joqrob għal dawk li joqogħdu attenti għas-​sinjali taʼ twissija u li jieħdu l-​azzjoni xierqa. L-​Ewwel Ġwann 2:​17 juri x’għandu jsir: “[I]d-dinja [s-sistema t’affarijiet taʼ Satana] bil-​ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (Korsiv tagħna.)—Ara wkoll 2 Pietru 3:10-13.

13, 14. Ġesù kif enfasizza l-​ħtieġa li nżommu mqajmin?

13 Ġesù bassar li s-​soċjetà korrotta tal-​lum dalwaqt se tiġi miknusa ’l barra fi żmien taʼ inkwiet ‘li mill-​bidu tad-​dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalu u anqas ikun hawn.’ (Mattew 24:21) Huwa għalhekk li wissa: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-​ikel u x-​xorb żejjed u s-​sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-​ħafna tħassib għall-​ħtiġiet tal-​ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-​Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqaʼ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-​art kollha. Ishru [“Ibqgħu mqajmin,” NW], mela, u itolbu l-​ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu [“jirnexxilkom taħarbu,” NW] minn kull ma għandu jiġri.”—Luqa 21:34-36.

14 Dawk li ‘joqogħdu attenti’ u ‘jibqgħu mqajmin’ se jfittxu x’inhi r-​rieda t’Alla u jagħmluha. (Proverbji 2:1-5; Rumani 12:2) Dawn huma dawk li se ‘jirnexxilhom f’li jaħarbu’ mill-​qerda li dalwaqt se tiġi fuq is-​sistema taʼ Satana. U jistaʼ jkollhom fiduċja sħiħa li se jiġu meħlusin.—Salm 34:16 [Salm 34:15, NW]; Proverbji 10:28-30.

Il-​Ħellies Prinċipali

15, 16. Min hu l-​Ħellies prinċipali, u għala aħna ċerti li l-​ġudizzji tiegħu se jkunu taʼ tjieba?

15 Biex il-​qaddejja t’Alla jiġu meħlusin, Satana u s-​sistema t’affarijiet tad-​dinja kollha kemm hi jeħtieġ li jitneħħew min-​nofs. Dan jirrikjedi sors taʼ ħelsien bil-​wisq iktar potenti mill-​bnedmin. Dak is-​sors hu Alla Jehovah, is-​Sovran Suprem, il-​Ħallieq li jistaʼ kollox taʼ l-​univers li jispira l-​biżaʼ. Hu l-​Ħellies prinċipali: “Jiena, jiena l-​Mulej, u ħliefi m’hemmx salvatur.”—Isaija 43:11; Proverbji 18:10.

16 F’Jehovah jinsab l-​ogħla grad taʼ qawwa, għerf, ġustizzja, u mħabba. (Salm 147:5; Proverbji 2:6; Isaija 61:8; 1 Ġwann 4:8) Għalhekk meta jesegwixxi l-​ġudizzji tiegħu, nistgħu nibqgħu ċerti li l-​azzjonijiet tiegħu se jkunu taʼ tjieba. Abraham staqsa: “L-​Imħallef taʼ l-​art kollha, ma jagħmilx ħaqq sewwa?” (Ġenesi 18:24-33, KŻ) Pawlu esklama: “Hemm l-​inġustizzja f’Alla? Allaħares!” (Rumani 9:14, KŻ) Ġwanni kiteb: “Iva, Mulej, Alla li tistaʼ kollox, [veri] u ġusti huma l-​ġudizzji tiegħek.”—Apokalissi 16:7.

17. Il-​qaddejja taʼ Jehovah fil-​passat kif esprimew fiduċja fil-​wegħdi tiegħu?

17 Meta Jehovah jwiegħed ħelsien, hu bla dubju taʼ xejn se jwettqu. Ġożwè qal: “Ebda kelma taʼ ġid ma kien baqaʼ li ma seħħitx skond ma kien wiegħed il-​Mulej.” (Ġożwè 21:45) Salamun stqarr: “Ebda wegħda ma sfat fix-​xejn milli kien wiegħed.” (1 Slaten 8:56) L-​appostlu Pawlu nnota li Abraham “ma qagħadx itallaʼ u jniżżel jekk jemminx jew le, . . . u żamm bis-​sħiħ li min kien għamillu l-​wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu.” Sarah bl-​istess mod “għarfet li taʼ kelmtu kien dak [Alla] li għamlilha l-​wegħda.”—Rumani 4:20, 21; Lhud 11:11.

18. Il-​qaddejja taʼ Jehovah illum għala jistgħu jkunu fiduċjużi li se jiġu meħlusin?

18 Kuntrarju għall-​bnedmin, Jehovah hu kompletament taʼ min jafdah, wieħed li jżomm kelmtu. “Ħalef il-​Mulej taʼ l-​eżerċti u qal: ‘Bħalma ħsibt jien hekk jiġri; bħalma jien iddeċidejt hekk isir.’” (Isaija 14:24) Mela meta l-​Bibbja tgħid li “Jaf mela l-​Mulej jeħles it-​tajbin mit-​tiġrib u jħalli l-​ħżiena biex jieħdu l-​kastig f’jum il-​ġudizzju,” aħna jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li hekk se jiġri. (2 Pietru 2:9) Saħansitra meta jkunu mheddin b’qerda minn għedewwa setgħana, il-​qaddejja taʼ Jehovah jagħmlu kuraġġ minħabba l-​attitudni tiegħu, riflessa fil-​wegħda tiegħu lil wieħed mill-​profeti tiegħu: “Huma jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn, għax jien inkun miegħek, oraklu tal-​Mulej, biex neħilsek minnhom.’”—Ġeremija 1:19; Salm 33:18, 19; Titu 1:2.

Diversi Forom Taʼ Ħelsien Fil-​Passat

19. Jehovah kif ħelsu lil Lot, u b’liema parallel għal żmienna?

19 Nistgħu nkunu inkuraġġiti ferm billi nirrakkontaw xi wħud mill-​atti taʼ salvazzjoni li Jehovah wettaq qabel. Per eżempju, Lot kien “mifni” minħabba l-​ħażen taʼ Sodom u Gomorra. Imma Jehovah ta kas taʼ “l-​għajta [“taʼ lmenti,” NW] qawwija” kontra dawk l-​ibliet. Fiż-​żmien xieraq, bagħat messaġġiera biex iħeġġu lil Lot u lill-​familja tiegħu ħalli joħorġu minn dawk l-​inħawi minnufih. X’kien ir-​riżultat? Jehovah “ħeles biss lil Lot, raġel ġust,” billi “kkundanna l-​bliet taʼ Sodoma u Gomorra biex ikunu maħruqa sa ma jsiru rmied.” (2 Pietru 2:6-8; Ġenesi 18:20, 21) Illum, ukoll, Jehovah jagħti kas l-​għajta taʼ lment rigward il-​ħażen enormi taʼ din id-​dinja. Meta l-​messaġġiera tiegħu taʼ żmien modern ikunu lestew ix-​xogħol urġenti tagħhom taʼ xiehda sal-​punt li jrid hu, se jaġixxi kontra din id-​dinja u jeħles lill-​qaddejja tiegħu bħalma ħeles lil Lot.—Mattew 24:14.

20. Iddeskrivi l-​ħelsien taʼ Israel tal-​qedem mill-​Eġittu li wettaq Jehovah.

20 Fl-​Eġittu tal-​qedem miljuni min-​nies t’Alla kienu fil-​jasar. Jehovah qal dwarhom: “Smajt il-​karba tagħhom . . . għaraft l-​uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom.” (Eżodu 3:7, 8) Madankollu, wara li ħalla lin-​nies t’Alla jitilqu, Farawni reġaʼ bdielu u rħielha għal warajhom bl-​armata setgħana tiegħu. L-​Israeliti dehru li kienu nqabdu f’nassa ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar. Madankollu, Mosè qal: “La tibżgħux! Żommu sħiħ, u taraw is-​salvazzjoni li se jġibilkom illum il-​Mulej.” (Eżodu 14:8-14) Jehovah feraq il-​Baħar l-​Aħmar, u l-​Israeliti ħarbu. L-​armati taʼ Farawni rħewlha għal warajhom, imma Jehovah uża l-​qawwa tiegħu sabiex “[i]l-baħar għattiehom. U għerqu bħaċ-​ċomb fil-qawwa tal-​baħar.” Wara dan, Mosè eżulta lil Jehovah b’għanja: “Min hu bħalek? Int kbir fil-​qdusija, tal-​biżaʼ fit-​tifħir, int li tagħmel l-​għeġubijiet.”—Eżodu 15:4-12, 19.

21. In-​nies taʼ Jehovah kif ġew salvati minn Ammon, Moab, u Seir?

21 F’okkażjoni oħra, il-​ġnus għedewwa t’Ammon, Moab, u Seir (Edom) heddew li jeqirdu lin-​nies taʼ Jehovah. Jehovah qal: “Tibżgħux! Titwerwrux quddiem din il-​kotra kollha [taʼ l-​għadu], għaliex it-​taqbida m’hijiex tagħkom, imma taʼ Alla . . . Intom ma tiġġildux . . . tiċċaqilqux, u taraw ir-​rebħa tal-​Mulej għalikom.” Jehovah ħeles lin-​nies tiegħu billi tefaʼ konfużjoni sħiħa fost il-​fillieri taʼ l-​għedewwa tant li bdew ibiċċru lil xulxin.—2 Kronaki 20:15-23.

22. Jehovah liema ħelsien mirakoluż mill-​Assirja pprovda għal Israel?

22 Meta l-​Qawwa Dinjija Assirjana ġiet kontra Ġerusalemm, is-​Sultan Sennakerib sfida lil Jehovah billi qal lin-​nies li kienu fuq is-​sur: “Min huma fost l-​allat kollha taʼ dawn l-​artijiet li ħelsu lil arthom minn idejja, biex issa jeħles il-​Mulej lil Ġerusalemm minn idejja?” Lill-​qaddejja t’Alla qalilhom: “Ma jittamakomx Ħeżekija fil-​Mulej u jgħidilkom: ‘Il-​Mulej jeħlisna żgur.’” Imbagħad Ħeżekija talab b’ħerqa kbira għal ħelsien, biex “[i]kunu jafu s-​saltniet kollha taʼ l-​art li inti waħdek Alla, Mulej.” Jehovah qatel 185,000 suldat Assirjan, u l-​qaddejja t’Alla ġew meħlusin. Iktar tard, hekk kif Sennakerib kien qiegħed iqim lill-​alla falz tiegħu, uliedu qatluh.—Isaija, kapitli 36 u 37.

23. Liema mistoqsijiet dwar il-​ħelsien jeħtieġu tweġiba llum?

23 Nistgħu ċertament nagħmlu kuraġġ meta naraw kif fl-​imgħoddi Jehovah ħeles b’mod taʼ l-​għaġeb lin-​nies tiegħu. Xi ngħidu għal-​lum? F’liema sitwazzjoni perikoluża dalwaqt se jsibu ruħhom il-​qaddejja leali tiegħu u li se tirrikjedi ħelsien mirakoluż minnu? Għala stenna sa issa biex iġibilhom ħelsien? Liema twettiq se jkun hemm tal-​kliem taʼ Ġesù: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-​fidwa tagħkom hi fil-​qrib”? (Luqa 21:28) U l-​ħelsien kif se jiġi għall-​qaddejja t’Alla li diġà mietu? L-​artiklu li jmiss se jeżamina dawn il-​mistoqsijiet. (w97 4/1)

Kif Se Tirrispondi?

◻ X’inhu d-​dixxerniment?

◻ Għala hemm ħtieġa speċjali li jintwera dixxerniment fejn jidħol negozjar bejn il-​Kristjani?

◻ Id-​dixxerniment kif jistaʼ jgħinna jekk inħossu li wieħed li hu seħibna fit-​twemmin ingannana?

◻ Id-​dixxerniment liema rwol għandu jkollu fit-​teħid taʼ deċiżjonijiet?

[Stampa f’paġna 24]

Abraham kien fost dawk li kellhom fiduċja sħiħa f’Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja