Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Naħarbu Lejn l-Organizzazzjoni Teokratika taʼ Jehovah
ĦAFNA żmien ilu l-profeta Isaija ġie mqanqal biex jiddikjara: ‘Faħħru għalhekk il-Mulej fil-gżejjer tal-baħar.’ (Isaija 24:15, Karm Żammit) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jqisu l-gżejjer tal-baħar bħala parti mid-“dinja kollha” li fiha Ġesù qal ‘l-Evanġelju jkun imxandar.’—Mattew 24:14; Mark 13:10.
Il-Gżejjer Marquesas jinsabu xi 1,400 km fil-Grigal taʼ Taħiti. Jagħmlu parti minn grupp remot taʼ gżejjer fin-Nofs-in-Nhar tal-Paċifiku msejjaħ il-Polinesja Franċiża. B’ħamrija vulkanika fertili, u klima sħuna u umda, il-ħaxix jikber bil-għama f’dawn il-gżejjer. Madankollu, il-Marquesas qegħdin jagħtu tip ieħor taʼ frott. Ikkunsidra l-każ taʼ familja waħda li wieġbet għall-messaġġ tas-Saltna fuq il-gżira taʼ Hiva Oa.
Jean u martu, Nadine, ma kinux kuntenti bl-hekk imsejħa soċjetà ċivilizzata taʼ l-Ewropa tal-Punent li kienu jgħixu fiha. Għalhekk iddeċidew li jħallu dak l-istil taʼ ħajja mgħaġġla warajhom u jitilqu maʼ binhom lejn il-Gżejjer Marquesas. Id-dar il-ġdida tagħhom, magħmula mill-bambù, kienet għall-kenn f’wied remot. Biex imorru għand l-eqreb ġirien tagħhom, kellhom jimxu minn passaġġ muntanjuż u mħarbat għal sagħtejn. L-iktar villaġġ viċin li kien fih tabib, skola, u ħanut kien tliet sigħat ’il bogħod bil-ġip.
Jean u Nadine ma kinux interessati fir-reliġjon. Madankollu, huma ġieli kienu jiddiskutu dwar l-oriġini tal-ħajja. Spiss, kienu jelaboraw fuq teoriji komplessi taʼ l-evoluzzjoni. Imma l-ebda waħda mit-teoriji tagħhom ma ġabitilhom sodisfazzjon.
Wara li għexu iżolati għal sitt snin, kienu sorpriżi meta kellhom żjara minn tnejn mix-Xhieda taʼ Jehovah. Ix-Xhieda semgħu fejn kienu joqogħdu Jean u Nadine min-nies fil-villaġġi qrib. Naturalment, il-konversazzjoni wasslet għal diskussjoni dwar it-teorija taʼ l-evoluzzjoni. B’ferħ kbir għall-koppja, ix-Xhieda kellhom magħhom kopja tal-Ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation?, ippubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah. Jean u Nadine kienu ferħanin li jkollhom ktieb li ppreżenta eżami bir-reqqa taʼ kif waslet hawn il-ħajja.
Fi żmien qasir, inbeda studju tal-Bibbja. Matul perijodu taʼ madwar tliet snin, Jean u Nadine għamlu progress sod. Saru konvinti li dalwaqt id-dinja kollha kemm hi se tintgħamel ġenna. Wara li l-familja tagħhom żdiedet għal tlett itfal, li jivvjaġġaw għal erbaʼ sigħat biex jattendu l-laqgħat Kristjani fis-Sala tas-Saltna sar sfida kbira. Madankollu, dan ma waqqafhomx milli jattendu. Eventwalment Jean u Nadine ssimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah bil-magħmudija taʼ l-ilma. Dan għamluh f’konvenzjoni li nżammet fil-villaġġ ewlieni, fejn l-attendenza kellha quċċata taʼ 38 persuna!
Sabiex jgħinu lill-grupp żgħir taʼ pubblikaturi tas-Saltna, il-familja ddeċidiet li tħalli d-dar iżolata tagħha. Huma marru joqogħdu f’villaġġ taʼ madwar elf abitant, fejn Jean qiegħed issa jaqdi bħala qaddej ministerjali fil-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Din il-familja, li qabel ħarbet lejn il-gżejjer biex taħrab miċ-ċivilizzazzjoni, tikkunsidrah bħala privileġġ li sabet l-uniku santwarju veru, l-organizzazzjoni teokratika taʼ Jehovah.