LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 6/1 pp. 20-25
  • Jehovah—Alla li Jirrivela s-Sigrieti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah—Alla li Jirrivela s-Sigrieti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jistaʼ Kollox u Madankollu Jħobb
  • Rispett Xieraq Lejn L-​Aġenziji Li Juża Jehovah
  • Bil-​Miftuħ Jew Bis-​Segretezza?
  • Nikxfu Jew Ma Nikxfux?
  • Sigriet li l-Kristjani Ma Jażżardawx Iżommuh Għalihom!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Nieħdu Għarfien dwar Alla—Kif?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “L-għerf t’Alla f’sigriet sagru”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Amministrazzjoni biex Jitwettaq l-Iskop t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 6/1 pp. 20-25

Jehovah​—Alla li Jirrivela s-​Sigrieti

“Hemm Alla fis-​sema li jikxef il-​misteri [“sigrieti,” “NW”].”—DANJEL 2:28.

1, 2. (a) Jehovah kif inhu differenti mill-​Avversarju kbir tiegħu? (b) Il-​bnedmin kif jirriflettu din id-​differenza?

JEHOVAH, Alla taʼ l-​univers suprem u kollu mħabba, l-​uniku Ħallieq, hu Alla t’għerf u ġustizzja. M’għandux għalfejn jaħbi l-​identità tiegħu, ix-​xogħlijiet tiegħu, jew l-​iskopijiet tiegħu. Meta jkun komdu u meta jara li jkun il-​waqt, hu jirrivela lilu nnifsu. B’dan il-​mod hu differenti mill-​Avversarju tiegħu, Satana x-​Xitan, li jipprova jaħbi l-​identità vera u l-​intenzjonijiet tiegħu.

2 Saħansitra bħalma Jehovah u Satana huma l-​oppost taʼ xulxin, hekk ukoll huma l-​adoraturi tagħhom. Dawk li jsegwu t-​tmexxija taʼ Satana jintgħarfu mill-​wiċċ b’ieħor u mill-​qerq. Huma jipprovaw jidhru sbieħ f’għajnejn in-​nies, mentri jkunu qegħdin jagħmlu xogħlijiet li jappartjenu lid-​dlam. Lill-​Kristjani Korintin intqalilhom biex ma jħallux dan il-​fatt jissorprendihom. “Dawk l-​appostli foloz, ħaddiema qarrieqa, ibiddlu lilhom infushom f’appostli taʼ Kristu. M’hux għaġeb, għax Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-​dawl.” (2 Korintin 11:13, 14) Il-​Kristjani, mill-​banda l-​oħra, iħarsu lejn Kristu bħala l-​Mexxej tagħhom. Waqt li kien fuq l-​art hu rrifletta perfettament il-​personalità taʼ Missieru, Alla Jehovah. (Lhud 1:1-3) B’hekk, billi jsegwu lil Kristu, il-​Kristjani jkunu qegħdin jimitaw lil Jehovah, dak Alla taʼ verità, li hu aċċessibbli, u taʼ dawl. Huma wkoll m’għandhomx għalfejn jaħbu l-​identità tagħhom, ix-​xogħlijiet tagħhom, jew l-​iskopijiet tagħhom.—Efesin 4:17-19; 5:1, 2.

3. Kif nistgħu nirribattu l-​akkuża li nies li jsiru Xhieda taʼ Jehovah huma sforzati biex jidħlu f’“setta sigrieta”?

3 Fil-​ħin u l-​waqt li hu jara li huwa l-​aħjar, Jehovah jirrivela d-​dettalji dwar l-​iskopijiet tiegħu u dwar il-​futur li qabel ma kinux magħrufin mill-​bnedmin. F’dan is-​sens hu Alla li jirrivela s-​sigrieti. B’hekk nies li jridu jaqduh huma mistednin​—iva mħeġġin—​biex isiru jafu informazzjoni rrivelata bħal din. Stħarriġ li sar fl-​1994 dwar iktar minn 145,000 Xhud f’pajjiż Ewropew wieħed irrivela li, bħala medja, kull wieħed u waħda minnhom investigaw personalment it-​tagħlim tax-​Xhieda taʼ Jehovah għal tliet snin qabel m’għażlu li jsiru Xhieda. L-​għażla għamluha skond ir-​rieda ħielsa tagħhom stess mingħajr ħadd ma sforzahom. U minn dak in-​nhar ’l hawn komplew ikollhom il-​libertà fir-​rieda u fl-​azzjoni. Per eżempju, minħabba li xi ftit ma bdewx jaqblu mal-​livelli għoljin taʼ moralità għall-​Kristjani, dawn iktar tard iddeċidew li ma ridux ikomplu bħala Xhieda. Huwa interessanti, iżda, li matul il-​ħames snin li għaddew, proporzjon ġmielu minn dawn li qabel kienu Xhieda ħadu passi biex jerġaʼ jkollhom sehem fis-​sħubija u l-​attività bħala Xhieda.

4. Liema ħaġa m’għandhiex għalfejn tiddisturba lil Kristjani leali, u għala le?

4 M’għandniex xi ngħidu, mhux dawk kollha li qabel kienu Xhieda jerġgħu lura, u fosthom hemm xi wħud li darba kellhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni Kristjana. Dan m’għandux jissorprendina, għax saħansitra wieħed mis-​segwaċi l-​iktar intimi taʼ Ġesù, l-​appostlu Ġuda, ma kompliex. (Mattew 26:14-16, 20-25) Imma hija din raġuni biex wieħed ikun iddisturbat dwar il-​Kristjanità nfisha? Jinnega dan is-​suċċess li bih ix-​Xhieda taʼ Jehovah qegħdin iwettqu l-​attività edukattiva tagħhom? Xejn affattu, sewwa sew bħalma l-​azzjoni taʼ tradiment taʼ Ġuda l-​Iskarjota ma ġabitx fix-​xejn l-​iskopijiet t’Alla.

Jistaʼ Kollox u Madankollu Jħobb

5. Kif nafu li Jehovah u Ġesù jħobbuhom lill-​bnedmin, u kif urewha din l-​imħabba?

5 Jehovah hu Alla taʼ mħabba. Hu jimpurtah min-​nies. (1 Ġwann 4:7-11) Minkejja l-​pożizzjoni elevata tiegħu, hu jieħu gost jagħmel ħbieb mal-​bnedmin. Dwar wieħed mill-​qaddejja tiegħu tal-​qedem, naqraw: “‘Abraham emmen lil Alla u kien dan li ġġustifikah’ u għalhekk huwa msejjaħ ħabib taʼ Alla.” (Ġakbu 2:23; 2 Kronaki 20:7; Isaija 41:8) Bħalma ħbieb umani jafdaw kwistjonijiet kunfidenzjali, jew sigrieti, maʼ xulxin, hekk ukoll jagħmel Jehovah mal-​ħbieb tiegħu. F’dan ir-​rigward Ġesù imita lil Missieru, għax għamel ħbieb mad-​dixxipli tiegħu u fdalhom sigrieti. “Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja,” qalilhom, “għax il-​qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.” (Ġwann 15:15) L-​informazzjoni privata, jew “sigrieti,” li kellhom inkomuni Jehovah, Ibnu, u l-​ħbieb tagħhom jagħmluhom uniti f’rabta li ma tinkisirx taʼ mħabba u devozzjoni.—Kolossin 3:14.

6. Jehovah għala m’għandux għalfejn jaħbi l-​intenzjonijiet tiegħu?

6 It-​tifsira taʼ l-​isem Jehovah, “Hu Jikkaġuna li Jsir,” tindika l-​abbiltà tiegħu li hu jsir dak li jkun meħtieġ li jsir sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu. Kuntrarju għall-​bnedmin, Jehovah m’għandux għalfejn jaħbi l-​intenzjonijiet tiegħu minħabba li jibżaʼ li oħrajn għandhom mnejn ifixkluh f’li jwettaqhom. Hu sempliċement ma jistax ifalli, u għalhekk jirrivela bil-​miftuħ fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, ħafna minn dak li għandu l-​iskop li jagħmel. Hu jwiegħed: “Kelmti . . . ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.

7. (a) Jehovah x’bassar f’Għeden, u Satana kif ta prova li Alla kien korrett? (b) Il-​prinċipju fit-2 Korintin 13:8 għala dejjem jibqaʼ jgħodd?

7 Ftit wara r-​ribelljoni f’Għeden, Jehovah rrivela fil-​qosor ir-​riżultat finali tal-​kontroversja li għadha għaddejja bejnu u bejn l-​Avversarju tiegħu, Satana. Iż-​Żerriegħa mwiegħed t’Alla kellu jiġi mbenġel b’mod li jweġġaʼ, imma mhux għall-​mewt permanenti, mill-​banda l-​oħra Satana kellu fl-​aħħar mill-​aħħar isofri tbenġil fatali. (Ġenesi 3:15) Fis-​sena 33 E.K., ix-​Xitan attwalment benġlu liż-​Żerriegħa, Kristu Ġesù, billi kkaġuna l-​mewt tiegħu. B’dan il-​mod, Satana wettaq l-​Iskrittura u fl-​istess waqt ta prova li Jehovah hu Alla taʼ verità, għalkemm din ċertament li ma kinitx l-​intenzjoni taʼ Satana. Il-​mibegħda tiegħu għall-​verità u t-​tjieba, kif ukoll l-​attitudni kburija u mhix niedma tiegħu, wassluh f’li jagħmel eżattament dak li Alla bassar dwaru li kellu jagħmel. Iva, għal dawk kollha li jopponu l-​verità, saħansitra għal Satana nnifsu, jgħodd dan il-​prinċipju: “Ma nistgħu nagħmlu xejn kontra l-​verità, iżda għall-​verità.”—2 Korintin 13:8.

8, 9. (a) Satana x’jaf, imma dan l-​għarfien jipperikolah it-​twettiq taʼ l-​iskopijiet taʼ Jehovah? (b) Liema twissija ċara jinjoraw dawk li jopponu lil Jehovah, u għala?

8 Ladarba s-​Saltna t’Alla ġiet stabbilita b’mod inviżibbli fl-​1914, Apokalissi 12:12 sar japplika: “Għalhekk ifirħu, smewwiet, u intom li tgħammru fihom. Ħażin għalikom, art u baħar, għax fikom niżel id-​Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” Madankollu, l-​għarfien li żmienu huwa qasir iġagħlu lil Satana jbiddel il-​korsa tiegħu? Kieku dan ikun bħallikieku Satana qiegħed jammetti li Jehovah hu Alla taʼ verità u li bħala l-​Mexxej Suprem, hu waħdu jixraqlu l-​qima. Madankollu, ix-​Xitan m’huwiex lest li jammetti telfa, lanqas saħansitra jekk għandu għarfien bħal dan.

9 Jehovah jirrivela x’se jiġri meta jiġi Kristu biex jagħmel ħaqq mis-​sistema tad-​dinja taʼ Satana. (Mattew 24:29-31; 25:31-46) F’dan ir-​rigward, il-​Kelma tiegħu tħabbar dwar il-​ħakkiema dinjin: “Meta kulħadd jibda jgħid: ‘Sliem u mistrieħ [“sigurtà,” NW]’, dak il-​ħin stess, bħall-​uġigħ fuq mara li tkun waslet għall-​ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-​qerda.” (1 Tessalonikin 5:3) Dawk li jsegwu l-​eżempju taʼ Satana jinjoraw din it-​twissija ċara. Jinsabu mogħmijin minħabba l-​qlub mill-​agħar tagħhom, u dan iżommhom lura milli jindmu mill-​korsa mill-​agħar tagħhom u milli jbiddlu l-​pjani u l-​istrateġija tagħhom li jipprovaw jiħduha kontra l-​iskopijiet taʼ Jehovah.

10. (a) L-​1 Tessalonikin 5:3 sa liema punt kellu t-​twettiq, u n-​nies taʼ Jehovah kif għandhom jirreaġixxu? (b) Nies taʼ mingħajr fidi għala għandhom mnejn li fil-​futur isiru iktar aggressivi f’li jopponu lin-​nies t’Alla?

10 Partikolarment mill-​1986 ’l hawn, meta ġiet iddikjarata Sena Internazzjonali taʼ Paċi mill-​Ġnus Magħquda, id-​dinja mtliet b’għajdut dwar paċi u sigurtà. Ittieħdu passi definiti fi sforz biex tiġi żgurata paċi dinjija, u milli jidher din kellha xi ftit suċċess. Huwa dan it-​twettiq sħiħ taʼ din il-​profezija, jew nistgħu nistennew aħbar li taħsdek taʼ xi sura jew oħra? Jehovah se jiċċara din il-​kwistjoni fiż-​żmien xieraq tiegħu. Sadattant, ejjew nibqgħu mqajmin spiritwalment, ‘waqt li nistennew b’ħerqa kbira l-​miġja tal-​Jum t’Alla.’ (2 Pietru 3:12) Hekk kif iż-​żmien jibqaʼ għaddej b’iktar għajdut dwar paċi u sigurtà, xi individwi li jafu b’din it-​twissija, imma jagħżlu li jinjorawha, għandhom mnejn isiru iktar sfidanti f’li jassumu li Jehovah m’huwiex se, jew ma jistax, iwettaq kelmtu. (Qabbel Koħèlet 8:11-13; 2 Pietru 3:3, 4.) Imma l-​veri Kristjani jafu li Jehovah se jwettqu l-​iskop tiegħu!

Rispett Xieraq Lejn L-​Aġenziji Li Juża Jehovah

11. Danjel u Ġużeppi x’tgħallmu dwar Jehovah?

11 Meta s-​Sultan Nabukodonosor, il-​ħakkiem taʼ l-​Imperu Neo-Babilonjan, kellu ħolma inkwetanti li ma setax jiftakarha, hu talab għall-​għajnuna. Il-​qassisin, is-​sħaħar, u l-​bassara tiegħu la setgħu jgħidulu x’kienet il-​ħolma tiegħu u lanqas setgħu jispjegawlu x’kienet tfisser. Danjel, il-​qaddej t’Alla, madankollu, setaʼ jagħmlu dan, għalkemm ammetta bil-​miftuħ li l-​irrivelar tal-​ħolma u t-​tifsir tagħha ma kinux ir-​riżultat taʼ l-​għerf tiegħu. Danjel qal: “Hemm Alla fis-​sema li jikxef il-​misteri, u li għarraf lis-​sultan Nabukodonosor x’sejjer jiġri fl-​aħħar jiem.” (Danjel 2:1-30) Diversi sekli qabel, Ġużeppi, profeta ieħor t’Alla, esperjenza b’mod simili li Jehovah hu Dak li jirrivela s-​sigrieti.—Ġenesi 40:8-22; Għamos 3:7, 8.

12, 13. (a) Min kien l-​aqwa profeta t’Alla, u għala twieġeb hekk? (b) Illum, min huma dawk li jaqdu bħala “amministraturi tal-​misteri taʼ Alla,” u kif għandna nqisuhom?

12 L-​aqwa profeta taʼ Jehovah li qeda fuq l-​art kien Ġesù. (Atti 3:19-24) Pawlu spjega: “Alla fl-​imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-​profeti. Issa f’dan l-​aħħar żmien, huwa kellimna permezz taʼ Ibnu, li hu għamlu werriet taʼ kollox, u li bih ukoll għamel il-​ħolqien.”—Lhud 1:1, 2.

13 Jehovah kellem lill-​Kristjani tal-​bidu permezz taʼ Ibnu, Ġesù, li għarrfilhom sigrieti divini. Ġesù qalilhom: “Lilkom ingħata li tagħrfu l-​misteri tas-​Saltna taʼ Alla.” (Luqa 8:10) Pawlu iktar tard tkellem dwar il-​Kristjani midlukin bħala li kienu “ministri taʼ Kristu u amministraturi tal-​misteri taʼ Alla.” (1 Korintin 4:1) Illum, il-​Kristjani midlukin ikomplu jaqdu b’dan il-​mod, billi jifformaw il-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret li permezz tal-​Ġemgħa li Tiggverna tagħha tipprovdi ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq. (Mattew 24:45-47, NW) Jekk aħna għandna rispett kbir lejn il-​profeti spirati minn Alla tal-​passat, u partikolarment lejn l-​Iben t’Alla, m’għandniex aħna nirrispettaw ukoll l-​aġenzija umana li Jehovah qiegħed juża llum biex jirrivela informazzjoni Biblika tant neċessarja għan-​nies tiegħu f’dawn iż-​żminijiet kritiċi?—2 Timotju 3:1-5, 13.

Bil-​Miftuħ Jew Bis-​Segretezza?

14. Il-​Kristjani meta jwettqu l-​attivitajiet tagħhom fis-​sigriet, u u b’hekk l-​eżempju taʼ min ikunu qegħdin isegwu?

14 Għandu l-​fatt li Jehovah jirrivela l-​affarijiet bil-​miftuħ ifisser li l-​Kristjani għandhom dejjem u taħt kull ċirkostanza jirrivelaw kulma jafu? Sewwa, il-​Kristjani jsegwu l-​parir li Ġesù ta lill-​appostli tiegħu biex ikunu “għaqlin bħas-​sriep u safjin bħall-​ħamiem.” (Mattew 10:16) Jekk jintqalilhom li ma jistgħux iqimu lil Alla skond kif tesiġi l-​kuxjenza tagħhom, il-​Kristjani jkomplu ‘jobdu lil Alla,’ għaliex jirrealizzaw li l-​ebda aġenzija umana m’għandha dritt li tirrestrinġi l-​qima lejn Jehovah. (Atti 5:29) Ġesù nnifsu wera kemm dan huwa xieraq. Naqraw: “Wara dan, Ġesù baqaʼ jdur fil-​Galilija, għax ma riedx joqgħod idur fil-​Lhudija billi l-​Lhud kienu qegħdin ifittxu li joqtluh. Kienet qorbot għal-​Lhud il-​festa taʼ l-​Għerejjex. Għalhekk Ġesù qalilhom [lil ħutu tal-​laħam li ma kinux jemmnu fih]: . . . ‘Itilgħu intom għall-​festa, imma jiena ma nitlax għaliha din il-​festa, għax iż-​żmien tiegħi għadu ma għalaqlix.’ Wara li qalilhom dan, baqaʼ fil-​Galilija. Imma wara li ħutu telgħu għall-​festa telaʼ hu wkoll, mhux bid-​dieher, imma bil-​moħbi.”—Ġwann 7:1, 2, 6, 8-10.

Nikxfu Jew Ma Nikxfux?

15. Ġużeppi kif indika li xi kultant ikun att taʼ mħabba li wieħed iżomm sigriet?

15 F’xi każi, li wieħed iżomm kwistjoni privata m’huwiex biss għaqli imma wkoll taʼ mħabba. Per eżempju, kif irreaġixxa Ġużeppi, il-​missier putattiv taʼ Ġesù, meta sar jaf li l-​għarusa mwiegħda tiegħu, Marija, kienet tqila? Naqraw: “Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-​ħsieb li jibgħatha bil-​moħbi tan-​nies.” (Korsiv tagħna.) (Mattew 1:18, 19) Kemm kienet tkun ħaġa nieqsa mill-​qalb tajba li jagħmel spettaklu pubbliku biha!

16. Liema responsabbiltà għandhom l-​anzjani, kif ukoll il-​membri l-​oħrajn kollha tal-​kongregazzjoni, rigward kwistjonijiet kunfidenzjali?

16 Kwistjonijiet kunfidenzjali li jistgħu jimbarazzaw jew iweġġgħu lil xi ħadd m’għandhomx jiġu rrivelati lil nies mhux awtorizzati. L-​anzjani Kristjani jżommu dan f’moħħhom meta jkollhom joffru parir persunali jew faraġ lil Kristjani sħabhom jew possibbilment saħansitra jiddixxiplinawhom talli jkunu dinbu serjament kontra Jehovah. Li jittrattaw dawn il-​kwistjonijiet b’mod Skritturali huwa neċessarju; li jirrivelaw dettalji kunfidenzjali maʼ dawk mhux involuti m’huwiex neċessarju u huwa nieqes mill-​imħabba. Ċertament, membri tal-​kongregazzjoni Kristjana m’humiex se jipprovaw jitkixxfu informazzjoni kunfidenzjali mingħand l-​anzjani, imma se jirrispettaw ir-​responsabbiltà li l-​anzjani għandhom biex iżommu l-​affarijiet kunfidenzjali sigrieti. Proverbji 25:9 jinnota: “Il-​kawża tiegħek aqtagħha maʼ għajrek, imma tikxifx dak li taf fuq ħaddieħor.”

17. Il-​Kristjani għala fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi jżommu kwistjonijiet kunfidenzjali sigrieti, imma dan għala mhux dejjem jistgħu jagħmluh?

17 Dan il-​prinċipju jgħodd ukoll ġewwa l-​familja jew fost ħbieb tal-​qalb. Li nżommu xi kwistjonijiet kunfidenzjali huwa vitali biex jiġu evitati nuqqas taʼ ftehim u relazzjonijiet taʼ tensjoni. “Ir-​riħ fuq iġib ix-​xita, hekk l-​ilsien li jqassas iġib il-​ħars bl-​ikrah.” (Proverbji 25:23) M’għandniex xi ngħidu, lealtà lejn Jehovah u lejn il-​prinċipji taʼ tjieba tiegħu, kif ukoll imħabba lejn individwi li jkunu żbaljaw, għandhom mnejn jagħmluha neċessarja li xi drabi jkollna nikxfu anki kwistjonijiet kunfidenzjali mal-​ġenituri, maʼ l-​anzjani Kristjani, jew maʼ persuni awtorizzati oħrajn.a Imma fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi, il-​Kristjani jżommu s-​sigrieti persunali t’oħrajn kunfidenzjali, billi jħarsuhom bħal li kieku kienu tagħhom stess.

18. Liema tliet kwalitajiet Kristjani jgħinuna niddeterminaw dak li għandna nikxfu u dak li m’għandniex?

18 Fil-​qosor, Kristjan jimita lil Jehovah billi jżomm ċerti kwistjonijiet kunfidenzjali meta dan ikun neċessarju, waqt li jirrivelahom biss meta jkun xieraq. Biex jiddeċiedi x’jistaʼ jikxef jew ma jikxifx, se jiġi ggwidat mill-​umiltà, il-​fidi, u l-​imħabba. L-​umiltà żżommu lura milli jesaġera l-​importanza tiegħu stess, billi jipprova jimpressjona lil oħrajn jew billi jgħidilhom kulma jaf jew billi jinkihom b’sigrieti li ma jistax jikxef. Fidi fil-​Kelma taʼ Jehovah u fil-​kongregazzjoni Kristjana tqanqlu biex ixandar informazzjoni Biblika pprovduta b’mod divin waqt li joqgħod attent biex jevita li jgħid l-​affarijiet li għandhom mnejn joffendu lil oħrajn mill-​ewwel. Iva, l-​imħabba timmotivah biex jgħid bil-​miftuħ lil oħrajn affarijiet li jigglorifikaw lil Alla u li n-​nies għandhom bżonn ikunu jafu sabiex jiksbu l-​ħajja. Kwistjonijiet persunali kunfidenzjali, mill-​banda l-​oħra, hu m’huwiex se jikxifhom, għax jirrealizza li fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi jekk jirrivelahom ikun qiegħed juri nuqqas taʼ mħabba.

19. Liema korsa t’azzjoni tgħin biex wieħed jidentifika l-​veri Kristjani, u dan f’hiex jirriżulta?

19 Dan il-​mod ibbilanċjat kif wieħed jara l-​affarijiet jgħin biex jidentifika l-​veri Kristjani. Huma ma jaħbux l-​identità t’Alla wara maskra t’anonimità jew wara duttrina misterjuża u inspjegabbli tat-​Trinità. Allat mhux magħrufin huma karatteristika tar-​reliġjon falza, mhux taʼ dik vera. (Ara Atti 17:22, 23.) Ix-​Xhieda midlukin taʼ Jehovah verament japprezzaw il-​privileġġ li jkunu “amministraturi tal-​misteri taʼ Alla.” Billi jirrivelaw bil-​miftuħ dawn is-​sigrieti lil oħrajn, huma jgħinu lil dawk taʼ qalb onesta jfittxu l-​ħbiberija taʼ Jehovah.—1 Korintin 4:1; 14:22-25; Żakkarija 8:23; Malakija 3:18. (w97 6/1)

[Nota taʼ taħt]

a Ara “Tiħux Sehem fid-​Dnubiet taʼ Oħrajn” f’It-Torri Taʼ L-​Għassa, 15 taʼ Mejju, 1986.

Kif Twieġeb Int?

◻ Jehovah għala m’għandux għalfejn jaħbi l-​intenzjonijiet tiegħu?

◻ Jehovah lil min jirrivelahom is-​sigrieti tiegħu?

◻ Il-​Kristjani liema responsabbiltà għandhom rigward kwistjonijiet kunfidenzjali?

◻ Liema tliet kwalitajiet se jgħinu lill-​Kristjani jkunu jafu x’jistgħu u x’ma jistgħux jikxfu?

[Stampi f’paġni 22, 23]

Jehovah jirrivela s-​sigrieti permezz tal-​Kelma tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja