Żgħażagħ b’Futur fis-Sigurtà
ĦAFNA żgħażagħ għandhom ideali nobbli. Huma jiċħdu l-livelli li qed jiddeterjoraw u li huma komuni fost l-adulti. Iħossuhom iddiżgustati minħabba l-inġustizzja u l-ebusija taʼ qalb tal-politikanti u n-negozjanti b’kilba għall-poter. Jekk int żagħżugħ, forsi hekk tħossok.
Ikkunsidra lil Cedric, żagħżugħ li għandu qrib l-għoxrin sena, li l-esperjenza tiegħu m’hijiex xi waħda unika.a Bħala tifel, hu kien jibżaʼ minn ħafna affarijiet, inkluż il-biżaʼ mill-mewt. Kien iberren dwar x’inhu l-iskop tal-ħajja. Billi ma sabx tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħu sakemm kellu 15-il sena, hu rrassenja ruħu biex joqgħod jikkontempla dwar il-ħajja fil-kumpanija taʼ żgħażagħ idealistiċi oħrajn. “Konna npejpu d-droga u noqogħdu nitkellmu għal sigħat sħaħ,” jiftakar hu. “Kont tħoss li kulħadd kien jaħsibha bħalek, imma ħadd ma kellu t-tweġibiet.”
Cedric, bħal ħafna żgħażagħ oħrajn, kien jixxennaq għall-eċċitament. Li sempliċement kien jieħu d-drogi ma kienx jissodisfah. Malajr ġie involut fis-serq u fit-traffikar tad-drogi. Xorta baqaʼ jfittex sfidi ġodda. Beda jisraq skond kif jordnawlu. “Kont nieħu pjaċir nagħmlu dan,” hu jammetti. “Imma qatt ma sraqt xi ħaġa mingħand in-nies komuni. Jekk kont nisraq karozza, kont inħalliha f’kundizzjoni tajba. Jekk kont nisraq minn xi negozju, kont nisraq biss fejn inkun naf li kienu protetti mill-assigurazzjoni. Dan għenni niġġustifika dak li nkun għamilt.” Bħalma tistaʼ timmaġina, Cedric spiċċa l-ħabs.
Cedric jiftakar: “Mark, wieħed li kien il-ħabs miegħi, beda jkellimni. Billi nnota li għandi tatù taʼ salib kbir fin-naħa taʼ fuq taʼ driegħi, staqsieni għala kont għamiltu. Ħaseb li għandha xi importanza reliġjuża għalija.” Ftit tal-ġimgħat wara, Mark ta lil Cedric kopja tal-ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art.b “‘Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem’—dawk il-ftit kelmiet mill-ewwel laqtuni. Dejjem dwar dak konna nitkellmu, imma qatt ma kellna l-ħila nsibu s-soluzzjoni.” Wara ħafna diskussjonijiet maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah li kien iżur il-ħabs, Cedric beda jirrealizza li dak li pprova jikseb setaʼ jiksbu—imma biss bil-mod t’Alla.
“Ladarba waqaft nassoċja mal-ħbieb li kelli qabel, malajr għamilt progress,” jinnota Cedric. Il-progress tiegħu f’li jkollu l-fehma u l-hena ma kienx faċli. “Għadni naħdem fuqu,” jgħid hu. “Irrid noqgħod attent dwar il-mod taʼ kif naħseb.” Iva, Cedric issa japprezza li l-fatt li kien idealistiku wasslu għal ġon-nassa tax-Xitan, billi kien jaħseb li l-miri tiegħu setgħu jintlaħqu biss billi jieħu sehem f’attivitajiet li jiċċentraw fuq l-eċċitament.
Ferħanin ngħidu, Cedric ilu li ħareġ mill-ħabs, u qed igawdi sħubija regulari m’oħrajn li sabu dak li kienu qed ifittxu. Illum hu wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah u għandu l-istess tama tagħhom li jgħixu fil-Ġenna hawnhekk fuq l-art. Hu qiegħed ukoll iħares ’il quddiem lejn it-tmiem taʼ l-influwenza satanika fil-forom kollha tagħha.
M’għandniex xi ngħidu, mhux biss żgħażagħ bħal Cedric għandhom futur fis-sigurtà; hemm oħrajn li ġew imrobbijin minn ġenituri li għandhom il-biżaʼ t’Alla, u li nisslu f’uliedhom imħabba għall-verità tal-Bibbja.
Taħriġ Divin Iħallas Id-Dividendi
“Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ,” kiteb is-Sultan għaref tal-qedem, Salamun. (Proverbji 22:6) Dan ta prova li kien veru fil-każ taʼ ħafna żgħażagħ li b’ruħhom kollha għażlu li jsegwu l-livell tal-Bibbja.
Sheila, Gordon, u Sarah hekk għamlu. Huma jiftakru li l-ġenituri tagħhom taw ħafna importanza lill-ubbidjenza għall-kmand taʼ Kristu biex ‘imorru u jagħmlu dixxipli’ billi jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mattew 24:14; 28:19, 20) “Fi kwalunkwe deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu, Ommi u jien konna ngħidu lil xulxin, ‘Dan kif se jeffettwa lix-xogħol taʼ l-ippridkar?’” tiftakar Sheila. “Ħassarna ħafna proġetti bħala riżultat taʼ dan l-irraġunar,” hi tammetti, u żżid, “imma x’barkiet kellna!” Anki wara ġranet twal li kienu jqattgħu jżuru d-djar tan-nies bl-aħbar tajba, Sheila u ommha kienu jmorru lura d-dar għajjenin u jkantaw. “Tant kont ferħana,” tgħid hi. “U hekk għadni s’issa.”
Gordon jiftakar kemm qattaʼ Sibtijiet pjaċevoli. “Kont inkun mistieden fid-djar taʼ l-anzjani tal-kongregazzjoni, fejn kien ikollna logħob forma taʼ mistoqsijiet u diskussjonijiet taʼ benefiċċju. Konna niġu inkuraġġiti biex nitgħallmu versi mill-Bibbja bl-amment, nitkellmu bil-miftuħ dwar suġġetti Skritturali, nirrakkontaw xi esperjenza dwar l-ippridkar, u nsiru nafu kif ix-xogħol tas-Saltna qed jespandi,” jiftakar Gordon. “Dawn l-affarijiet kollha għenuni biex inħejji pedament tajjeb u biex inrawwem imħabba lejn Alla Jehovah.”
Sarah għandha memorji sbieħ taʼ ħin li qattgħet fil-għaxijiet m’aħwa li kienu jżuruhom. “Konna nieklu flimkien. Imbagħad biex nispiċċaw il-ġurnata, konna ndoqqu l-pjanu biex nakkumpanjaw lil dawk li kienu qegħdin ikantaw l-għanjiet dwar is-Saltna t’Alla. Il-mużika verament għenitna, speċjalment matul is-snin tagħna fl-iskola, għaliex stajna nagħmlu affarijiet flimkien bħala familja.”
M’għandniex xi ngħidu, mhux iż-żgħażagħ kollha li jfittxu li jogħġbu lil Jehovah għandhom ċirkostanzi ideali fil-familja. Madankollu, sħubija mill-qrib maʼ familji oħrajn tax-Xhieda fil-kongregazzjoni toffrilhom sigurtà u tagħmilhom iħossuhom parti mill-familja.
Għożż Pedament Taʼ Sigurtà Għall-Futur
Iż-żgħażagħ illum għandhom għażla. Jistgħu jibqgħu mexjin maʼ din id-dinja mill-agħar hekk kif nieżla rasha ’l isfel lejn il-qerda fid-“diqa kbira” li ġejja u li Ġesù bassar dwarha. Jew jistgħu ‘jqiegħdu t-tama tagħhom f’Alla u jħarsu l-kmandamenti tiegħu,’ bħalma kanta s-salmista mnebbaħ, Asaf. L-ubbidjenza lejn Alla se żżommhom lura milli jsiru “nies taʼ ras iebsa li b’xejn ma tismaʼ, li qalbhom kienet bla mistrieħ, u ruħhom lejn Alla infidila.”—Mattew 24:21; Salm 78:6-8.
Fl-iktar minn 80,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja, int se ssib ħafna żgħażagħ li tistaʼ tammirahom. Huma taw każ tal-parir li Pawlu ta liż-żagħżugħ Timotju biex “jagħmlu l-ġid, jistagħnu b’opri tajba, li jkunu ġenerużi u jaqsmu maʼ l-oħrajn. Hekk ikunu qegħdin jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għal li ġej.” Bħala riżultat, huma issa għandhom “il-ħajja vera.” (1 Timotju 6:18, 19) Sir af iżjed dwar dawn il-Kristjani ġenwini billi tattendi l-laqgħat tagħhom. Imbagħad int ukoll jistaʼ jkollok it-tama għal futur fis-sigurtà.
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
b Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.