Tifħir Sinċier jew Melliesi Żżejjed?
XI ĦADD jgħidlek, “X’faqgħa taʼ qatgħa xagħar għandek!” Tifħir sinċier jew melliesi żżejjed? “Kemm tixraqlek dik il-libsa!” Tifħir sinċier jew melliesi żżejjed? “Din hi l-itjeb ikla li qatt doqt!” Tifħir sinċier jew melliesi żżejjed? Meta nirċievu kumplimenti bħal dawn, għandna mnejn niddubitaw jekk tassew humiex sinċieri u veri jew inkella humiex sempliċement maħsubin biex jogħġbuna mingħajr ma jkunu neċessarjament emmnuti minn min qalhom.
Kif nistgħu nkunu nafu jekk dak li jintqalilna hux tifħir sinċier jew inkella melliesi żżejjed? Tagħmel differenza? Ma nistgħux naċċettaw dak li jintqal bħala benfatt u nitpaxxew bil-pjaċir li jagħtina? Xi ngħidu għal meta nfaħħru lil ħaddieħor? Qatt eżaminajna l-motivi tagħna? Li naħsbu fuq dawn il-mistoqsijiet jistaʼ jgħinna biex nużaw id-dixxerniment u biex nużaw ilsienna b’tali mod li jġib tifħir lil Alla Jehovah.
Id-Definizzjoni taʼ Tifħir Sinċier u Dak Melliesi Żżejjed
It-tifħir huwa ddefinit minn Webster’s Dictionary bħala espressjoni taʼ approvazzjoni jew kumpliment, u l-kelma tistaʼ wkoll tindika qima jew l-għoti taʼ glorja. B’mod ċar l-aħħar żewġ tifsiriet jirreferu biss għal tifħir li huwa dirett lejn Alla Jehovah. Dan huwa parti integrali mill-qima vera, bħalma jħeġġeġ is-salmista ispirat: “Għax tajjeb . . . ; għax ħelu u xieraq it-tifħir.” “Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej!”—Salm 147:1; 150:6.
Madankollu, dan ma jfissirx li t-tifħir ma jistax jingħata lill-bnedmin. Jistaʼ jingħata, f’sens taʼ kumpliment, approvazzjoni, jew ġudizzju favorevoli. F’parabbola li ta Ġesù, wieħed sid jgħid lill-qaddej tiegħu: “Sewwa [“Prosit,” NW], qaddej tajjeb u fidil.”—Mattew 25:21.
Mill-banda l-oħra, tifħir melliesi żżejjed huwa ddefinit bħala falz, mhux sinċier jew eċċessiv, u min jgħidu ġeneralment ikollu motivi taʼ interess egoistiku. Kumplimenti mżejnin tajjeb jew eċċessivi jingħataw biex jinkisbu favuri jew benefiċċji materjali minn xi ħaddieħor jew biex jinħoloq sens taʼ obbligazzjoni lejn dak li taparsi jkun qed ifaħħar. Mela dawk li jużaw kliem melliesi żżejjed huma mmotivati mill-egoiżmu. Skond Ġuda 16, huma “jżiegħlu bin-nies f’wiċċhom ħalli jiksbu xi ħaġa minnhom.”
Il-Ħarsa Skritturali
X’inhi l-ħarsa Skritturali dwar li wieħed ifaħħar lill-bnedmin sħabu? Jehovah fassal mudell għalina biex insegwuh f’dan ir-rigward. Fil-Bibbja jintqalilna li se niġu mfaħħrin jekk nagħmlu r-rieda taʼ Jehovah. L-appostlu Pawlu jgħid li “kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu.” Pietru jgħidilna li l-kwalità ttestjata tal-fidi tagħna jkun “jistħoqqilha tasal għat-tifħir.” Għalhekk, il-fatt li Jehovah se jfaħħar lil xi bnedmin juri illi li tagħti tifħir ġenwin huwa att taʼ qalb tajba, imħabba, u benefiċċju, li m’għandux jiġi injorat.—1 Korintin 4:5; 1 Pietru 1:7.
Skond il-Bibbja, sors ieħor li minnu jistaʼ jaslilna t-tifħir, huwa l-awtoritajiet governattivi li josservaw il-kondotta tajba tagħna u jfaħħruna onestament. “Agħmel it-tajjeb,” jintqalilna, “u jkollok it-tifħir mingħandu.” (Rumani 13:3) Nistgħu wkoll nirċievu tifħir mingħand nies li sinċerament jemmnu dak li jkunu qegħdin jgħidu u li m’għandhom l-ebda motiv ieħor ħlief li jfaħħruna. Fi Proverbji 27:2 l-Iskrittura ispirata tgħid: “Ħa jfaħħrek ħaddieħor, iżda mhux fommok.” Dan jindika li huwa xieraq li taċċetta tifħir mingħand il-bnedmin.
Dan ma japplikax għal li tagħti jew tirċievi tifħir melliesi żżejjed. Jehovah għala tant ma jiħux gost b’diskors melliesi żżejjed? Raġuni waħda hija, li dan m’huwiex sinċier, u Jehovah jikkundanna n-nuqqas taʼ sinċerità. (Qabbel Proverbji 23:6, 7.) Iktar minn hekk, dan m’huwiex onest. Waqt li jiddeskrivi nies li jixirqilhom id-diżapprovazzjoni taʼ Alla, is-salmista jgħid: “Kollha jitkellmu fieragħ mal-ġar tagħhom: b’xofftejhom imellsu, u b’żewġt iqlub jitkellmu. Il-Mulej jaqtaʼ barra x-xofftejn kollha li jmellsu.”—Salm 12:2, 3, KŻ.
Fuq kollox, tifħir melliesi żżejjed m’huwiex taʼ mħabba. Huwa mmotivat mill-egoiżmu. Wara li jitkellem fuq dawk li jmellsu żżejjed, is-salmista David jikkwota l-kliem tagħhom: “B’ilsienna nirbħu; xofftejna huma tagħna: min hu sid fuqna?” Jehovah jiddeskrivi lil uħud egoisti bħal dawn bħala dawk li ‘jgħakksu lill-fqajrin.’ L-ilsna melliesa tagħhom intużaw, mhux biex jibnu lil oħrajn, imma biex iqaxxruhom ħajjin u jgħakksuhom.—Salm 12:4, 5, KŻ.
Tifħir Melliesi Żżejjed—Nassa
“Min iżiegħel b’ħabibu, ikun jifrixlu xibka għal riġlejh.” Hekk jgħid l-għaref Sultan Salamun, u kemm huwa minnu dan! (Proverbji 29:5) Il-Fariżej ipprovaw jonsbu nassa għal Ġesù bit-tmellis. Qalu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq taʼ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares.” Kemm kien jinstemaʼ innoċenti dan! Imma Ġesù ma belax id-diskors fin tagħhom. Kien jaf li huma ma kinux jemmnu t-tagħlim mimli verità tiegħu imma kienu biss qed jipprovaw jaqbduh f’nassa f’diskorsu fuq il-kwistjoni tal-ħlas tat-taxxa lil Ċesri.—Mattew 22:15-22.
Is-Sultan Erodi taʼ l-ewwel seklu kien f’kuntrast qawwi maʼ Ġesù. Meta indirizza lill-pubbliku fil-belt taʼ Ċesarija, in-nies wieġbu: “Dan leħen taʼ alla, mhux taʼ bniedem!” Minflok ma ċanfar lin-nies għal dan it-tifħir falz u fil-vojt, Erodi aċċetta dan it-tifħir melliesi żżejjed. L-anġlu taʼ Jehovah mill-ewwel tah dak li kien ħaqqu meta d-dud dar għal Erodi u dan irriżulta fil-mewt tiegħu.—Atti 12:21-23.
Kristjan matur se joqgħod b’sebaʼ għajnejn biex jagħraf meta tifħir ikun melliesi żżejjed. L-anzjani fil-kongregazzjoni għandhom joqogħdu attenti b’mod partikulari meta xi ħadd involut fi kwistjoni ġudizzjarja jiġi b’ħafna ammirazzjoni żejda, forsi saħansitra sal-punt li jibda jipparaguna anzjan maʼ ieħor u jgħid kemm dan għandu qalbu tajba u jifhem lil dak li jkun iktar minn xi anzjan ieħor.
Il-Bibbja turi b’mod ċar li t-tifħir melliesi żżejjed jistaʼ jqiegħed nassa oħra meta tiddeskrivi kif żagħżugħ jiġi mħajjar għall-immoralità minn xi seduttriċi. (Proverbji 7:5, 21) Din it-twissija tgħodd għas-sitwazzjoni llum. Fost dawk li jiġu maqtugħin mis-sħubija mill-kongregazzjoni Kristjana kull sena, ħafna jitkeċċew minħabba kondotta immorali. Jistaʼ jkun li waqgħa bħal din fi dnub oħxon bdiet b’tifħir melliesi żżejjed? Ladarba l-bnedmin huma tant imxennqin għall-kumplimenti u għal li jintqal kliem sabiħ fuqhom, diskors fin minn xofftejn li jmellsu żżejjed jistaʼ jnaqqas ir-reżistenza taʼ Kristjan għal kondotta mhix xierqa. Meta wieħed ma joqgħodlux għassa, dan jistaʼ jwassal għal konsegwenzi serji.
Protezzjonijiet Kontra Tifħir Melliesi Żżejjed
Tifħir melliesi żżejjed jissodisfa l-imħabba egoistika jew il-vanità taʼ dak li jiġi mmelles. Dan għandu t-tendenza li jagħti lil dak li jkun ħarsa mkabbra tiegħu nnifsu, billi jġiegħlu jħossu superjuri għal oħrajn b’xi mod. Il-filosfu François de La Rochefoucauld xebbah it-tifħir melliesi żżejjed maʼ flus foloz, “li iżda ħlief għall-vanità ma kien ikollu l-ebda valur.” B’hekk, il-mod kif nipproteġu lilna nfusna huwa billi nagħtu kas tat-twissija ċara u tonda taʼ l-appostlu Pawlu: “Jiena ngħidilkom ilkoll . . . tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun! Iżda kull wieħed minnkom iżomm ruħu taʼ li hu skond il-qjies tal-fidi li tah Alla.”—Rumani 12:3.
Għalkemm l-inklinazzjoni naturali tagħna hija li nkunu rridu nisimgħu dak li jdoqq għal widnejna, dak li għandna bżonn il-ħin kollu huwa pariri u dixxiplina bbażati fuq il-Bibbja. (Proverbji 16:25) Is-Sultan Aħab ried jismaʼ biss dak li kien jogħġbu; il-qaddejja tiegħu saħansitra talbu lill-profeta Mikajja biex kelmtu tkun “bħall-kelma taʼ kull wieħed minnhom [il-profeti taʼ Aħab li kienu jmellsu żżejjed], u ħabbar ir-riżq.” (1 Slaten 22:13) Kieku Aħab kien lest li jagħti widen għal kliem sinċier u jbiddel il-modi ribellużi tiegħu, hu kien jipprevieni t-telfiet terribbli fil-battalji taʼ Iżrael u wkoll il-mewt tiegħu stess. Għall-ġid spiritwali tagħna stess, għandna nwieġbu malajr għall-pariri sodi, u madankollu taʼ mħabba, taʼ anzjani Kristjani maħturin, li jridu jgħinuna nibqgħu fil-mogħdija d-dritta tal-verità, minflok ma nfittxu nies li dejjem jgħidulna kemm aħna tajbin, billi jgħarrxulna widnejna b’tifħir melliesi żżejjed!—Qabbel 2 Timotju 4:3.
Il-Kristjani m’għandhom qatt, għall-ebda raġuni, ikunu jridu li jirrikorru għal tifħir melliesi żżejjed. Bħal-leali Eliħu, huma jitolbu b’determinazzjoni: “Bla ma nżomm maʼ xi ħadd, bla ma mmelles ’l ebda bniedem. U tabilħaqq anqas naf immelles, u għax kieku dlonk jaħtafni l-Ħallieq tiegħi.” Imbagħad, bħal Pawlu, ikunu jistgħu jgħidu: “Aħna ma ġejniex inżiegħlu bikom bil-kliem, anqas ma kellna xi ħsieb taʼ rebgħa.”—Ġob 32:21, 22; 1 Tessalonikin 2:5, 6.
Tifħir Fejn Mistħoqq
Il-qawl ispirat juri li t-tifħir jistaʼ jservi bħala kriterju, billi jgħid: “Il-fidda tidher bin-nar u d-deheb fil-forn; u l-bniedem jintwera bil-fomm taʼ min ifaħħru.” (Proverbji 27:21) Iva, it-tifħir jistaʼ jrawwem sentimenti taʼ superjorità jew kburija, li jwasslu għar-rovina taʼ persuna. Mill-banda l-oħra, jistaʼ jirrivela l-modestja u l-umiltà taʼ l-individwu jekk hu jirrikonoxxi kemm huwa midjun lejn Jehovah għal kull ħaġa li setaʼ għamel li ġabitlu t-tifħir.
Tifħir sinċier għal kondotta jew kisbiet taʼ valur jibni kemm lil dak li jagħti kif ukoll lil dak li jirċievi. Jikkontribwixxi lejn apprezzament kordjali u edifikanti għal xulxin. Jinkuraġġixxi l-istinkar għal miri li jixirqilhom tifħir. Tifħir mistħoqq mogħti liż-żgħażagħ jistaʼ jġagħalhom ikunu jridu jaħdmu iktar iebes. Jistaʼ jgħinhom jifformaw il-karattru tagħhom waqt li jimmiraw biex jgħixu fi qbil mal-livelli mistennijin minnhom.
Ejjew, mela, nevitaw it-tifħir melliesi żżejjed—kemm jekk nagħtuh kif ukoll jekk nirċevuh. Ejjew inkunu umlin meta naċċettaw it-tifħir. U ejjew inkunu ġenerużi f’li nagħtu tifħir b’ruħna kollha—regolarment lil Jehovah fil-qima tagħna u sinċerament lil oħrajn fl-għamla taʼ kumplimenti u apprezzament edifikanti, fil-waqt li niftakru li “kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!”—Proverbji 15:23.