Ġenituri—Issalvagwardjaw lil Uliedkom!
FI SKOLA sekondarja fin-Niġerja, tfajla li kienet magħrufa sewwa għall-immoralità sesswali kienet l-għaxqa tagħha li tagħti lezzjonijiet lil sħabha l-istudenti femminili dwar dak li għandu x’jaqsam mas-sess. Waħda mir-riċetti tagħha għall-abort kienet birra stout iddrogata sew b’sustanza tat-tabakk. L-istejjer tagħha, magħżulin minn letteratura pornografika, saħħru lil ħafna mill-istudenti sħabha. Xi wħud bdew jesperimentaw bis-sess, u waħda minnhom ħarġet tqila. Biex tipprova tagħmel abort, xorbot it-taħlita taʼ birra stout u tabakk. Fi ftit sigħat, bdiet tirremetti d-demm. Ftit jiem wara, mietet fl-isptar.
Fid-dinja tal-lum, ħafna żgħażagħ jitkellmu l-ħin kollu dwar is-sess, u b’hekk iġibu rovina fuq semmiegħa li jibilgħu kollox. Iż-żgħażagħ lejn min għandhom iduru biex isibu għarfien eżatt li se jissalvagwardjahom? Kemm tkun ħaġa sabiħa meta jkunu jistgħu jduru lejn il-ġenituri devoti tagħhom, li għandhom ir-responsabbiltà li jrabbuhom fid-“dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.”—Efesin 6:4.
Attitudnijiet Afrikani Lejn l-Edukazzjoni Sesswali
Madwar id-dinja, ħafna ġenituri jsibuha diffiċli biex jiddiskutu mat-tfal tagħhom dak li għandu x’jaqsam mas-sess. Dan huwa partikolarment veru fl-Afrika. Donald, missier fi Sierra Leone, għamel din l-osservazzjoni: “Dan kważi qatt ma jsir. M’huwiex parti mill-kultura Afrikana.” Mara Niġerjana li jisimha Confident taqbel: “Il-ġenituri tiegħi jaraw is-sess bħala xi ħaġa li qatt m’għandha tissemma apertament; huwa kulturalment tabù.”
F’xi kulturi Afrikani, hija xi ħaġa oxxena li ssemmi kliem relatat mas-sess bħalma hu l-organu ġenitali tar-raġel, il-liba, jew il-menstruwazzjoni. Waħda omm Kristjana saħansitra pprojbiet lil bintha milli tuża l-kelma “sess,” għalkemm qalet li bintha setgħet tuża l-kelma “fornikazzjoni.” B’kuntrast, il-Kelma t’Alla l-Bibbja titkellem liberament dwar is-sess u l-organi sesswali. (Ġenesi 17:11; 18:11; 30:16, 17; Levitiku 15:2) L-iskop taʼ dan m’huwiex biex jixxokkja jew jeċċita imma biex jipproteġi u jistruwixxi lill-poplu t’Alla.—2 Timotju 3:16.
Barra minn tabujiet kulturali, raġuni oħra għala xi ġenituri jżommu lura ġiet espressa minn missier Niġerjan: “Jekk niddiskuti s-sess maʼ wliedi, dan jistaʼ jistimulahom biex jikkommettu immoralità sesswali.” Imma informazzjoni dinjituża dwar is-sess ibbażata fuq il-Bibbja se tinkuraġġihom lit-tfal biex jitilqu jiġru ’l barra u jesperimentaw? Le, ma tinkuraġġihomx. Fil-fatt, x’aktarx li inqas ma jkollhom għarfien, iktar ikun probabbli li ż-żgħażagħ jidħlu fit-tiġrib. “Fih kenn l-għerf [ibbażat fuq għarfien eżatt],” tistqarr il-Bibbja.—Koħèlet 7:12.
Fit-tixbieha taʼ Ġesù, raġel diskret, billi ra l-possibbiltà taʼ maltempati fil-futur, bena daru fuq il-blat mentri raġel iblah bena fuq ir-ramel u sofra diżastru. (Mattew 7:24-27) B’mod simili, ġenituri Kristjani diskreti, billi jafu li wliedhom se jħabbtu wiċċhom maʼ pressjonijiet bħal maltempati biex jikkonformaw mal-livelli sesswali laxki tad-dinja, isaħħu lil uliedhom bil-għarfien eżatt u l-fehma li se jgħinuhom biex jibqgħu sodi.
Raġuni oħra għala ħafna ġenituri ma jiddiskutux is-sess maʼ wliedhom kienet mistqarra minn mara Afrikana: “Meta kont żagħżugħa, il-ġenituri tiegħi li kienu Xhieda ma ddiskutewx miegħi dwar dak li għandu x’jaqsam mas-sess, u għalhekk ma daħallix f’moħħi li niddiskuti dawn l-affarijiet maʼ wliedi.” Madankollu, il-pressjonijiet fuq iż-żgħażagħ tal-lum huma akbar milli kienu fuq iż-żgħażagħ 10 jew 20 sena ilu. Dan m’għandux jissorprendina. Il-Kelma t’Alla bassret li fl-“aħħar tad-dinja . . . , [i]n-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.”—2 Timotju 3:1, 13.
Il-problema tiżdied minħabba l-fatt li ħafna tfal jew m’għandhomx il-ħila jew iżommu lura milli jiftħu qalbhom mal-ġenituri tagħhom. Komunikazzjoni reċiproka spiss tkun fqira saħansitra fuq kwistjonijiet taʼ importanza żgħira. Żagħżugħ taʼ 19-il sena qal b’sogħba: “Ma niddiskutix affarijiet mal-ġenituri tiegħi. M’hemmx komunikazzjoni tajba bejni u bejn missieri. Hu ma joqgħodx attent.”
Iż-żgħażagħ jistgħu wkoll jibżgħu li stħarriġ dwar kwistjonijiet sesswali se jġib konsegwenzi koroh. Tfajla taʼ 16-il sena qalet: “Ma niddiskutix problemi tas-sess mal-ġenituri tiegħi minħabba l-mod kif jirreaġixxu għal affarijiet bħal dawn. Ftit taʼ żmien ilu oħti l-kbira staqsiet lil ommi xi mistoqsijiet relatati mas-sess. Minflok ma għenitha bil-problema tagħha, ommi saret suspettuża dwar l-intenzjonijiet t’oħti. Spiss ommi ssejjaħli u toqgħod tistaqsini dwar oħti, u kultant tagħmel xi insinwazzjonijiet dwar il-morali tagħha. Ma rridx nissogra nitlef l-imħabba li ommi għandha għalija, u għalhekk il-problemi tiegħi ma ngħidhomlhiex.”
Għala Tistruwixxi?
Li nistruwixxu lil uliedna sakemm ikun adegwat fi kwistjonijiet sesswali ma jkunx biss sewwa imma jkun ukoll ħanin. Jekk il-ġenituri ma jgħallmux lil uliedhom dwar is-sess, oħrajn se jagħmlu dan—ġeneralment qabel ma jantiċipaw il-ġenituri u kważi qatt fi qbil mal-prinċipji divini. Tifla taʼ 13-il sena kkommettiet il-fornikazzjoni għaliex intqalilha minn seħbitha taʼ l-iskola li jekk ma titlifx il-verġinità tagħha, kienet se ssofri wġigħ terribbli fil-futur. “Se jaqtgħulek il-ħajta b’imqass,” intqalilha. Meta iktar tard staqsewha għala ma qalitx lil ommha li kienet Kristjana dak li kienet semgħet, it-tifla rrispondiet li kwistjonijiet bħal dawn qatt ma kienu diskussi maʼ adulti.
Tifla Niġerjana qalet: “Il-ħbieb taʼ l-iskola tiegħi pprovaw jikkonvinċuni li s-sess kien xi ħaġa li kulmin hu normali jrid jieħu parti fih. Qaluli li jekk ma niħux parti fis-sess issa, meta jkolli 21 sena, taqbadni marda li jkollha impatt diżastruż fuq l-istat tiegħi taʼ mara. Għaldaqstant, sabiex niskansa periklu terribbli bħal dan, qalu huma, kienet tkun ħaġa tajba li jkollok relazzjonijiet sesswali qabel iż-żwieġ.”
Billi kellha komunikazzjoni tajba mal-ġenituri tagħha, hi minnufih irrikonoxxiet konflitt maʼ dak li kienet tgħallmet id-dar. “Bħas-soltu, mort lura d-dar u lil ommi għedtilha dak li kienu qaluli l-iskola.” Ommha kellha l-ħila tirribatti l-informazzjoni falza.—Qabbel Proverbji 14:15.
Billi jagħtu l-għarfien meħtieġ li jgħin lit-tfal jiksbu l-għerf divin f’dak li għandu x’jaqsam mas-sess, il-ġenituri jgħammruhom biex jidentifikaw sitwazzjonijiet perikolużi u biex jindunaw b’nies li jixtiequ jisfruttawhom. Dan jgħinhom biex jipproteġu ruħhom kontra l-uġigħ il-qalb taʼ mard trasmess sesswalment u tqâla mhix mixtieqa. Jikkontribwixxi għar-rispett lejhom infushom u r-rispett li jaqilgħu mingħand oħrajn. Jilliberahom minn ideat żbaljati u ansjetà. Jippromwovi attitudni bnina u pożittiva lejn sess xieraq, billi jikkontribwixxi għal hena jekk jiżżewġu iktar tard. Jistaʼ jgħinhom iżommu waqfa approvata m’Alla. U hekk kif it-tfal jaraw it-tħassib b’imħabba muri lilhom, dan jistaʼ jqanqalhom biex jirrispettaw u jħobbu lill-ġenituri tagħhom iktar u iktar.
Komunikazzjoni Tajba
Sabiex il-ġenituri jfasslu pariri skond il-ħtiġijiet taʼ wliedhom, irid ikun hemm komunikazzjoni reċiproka. Jekk il-ġenituri ma jkunux jafu x’hemm fl-imħuħ u fil-qlub taʼ wliedhom, saħansitra pariri f’lokhom għandhom mnejn ikunu taʼ ftit benefiċċju, sewwa sew bħal meta tabib jipprova jagħti mediċina mingħajr ma jkun jaf in-natura tal-marda tal-pazjent. Biex ikunu wħud effettivi f’li jagħtu l-pariri, il-ġenituri jridu jkunu jafu dak li wliedhom jaħsbu u jħossu tassew. Jeħtieġ li jifhmu l-pressjonijiet u l-problemi li wliedhom qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom u l-mistoqsijiet li qegħdin jinkwetawhom. Huwa importanti li tagħti widen b’attenzjoni kbira lill-ulied, li tkun ‘ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’—Ġakbu 1:19; Proverbji 12:18; Koħèlet 7:8.
Jirrikjedi ħin, paċenzja, u sforz biex il-ġenituri jikkultivaw u jżommu relazzjoni mill-qrib maʼ wliedhom, relazzjoni li fiha t-tfal iħossuhom liberi li jirrivelaw is-sentimenti l-iktar ġewwinin tagħhom. Imma kemm tkun ħaġa sabiħa meta din tinkiseb! Missier taʼ ħamest itfal mill-Afrika tal-Punent jgħid: “Jien kemm missier u kemm ħabib tal-qalb. It-tfal jiddiskutu miegħi bil-libertà s-suġġetti kollha, inkluż is-sess. Saħansitra l-bniet jiftħu qalbhom miegħi. Nieħdu l-ħin biex niddiskutu l-problemi tagħhom. Huma jaqsmu wkoll il-ferħ tagħhom miegħi.”
Bola, waħda minn uliedu l-bniet, tgħid: “Ma naħbilu xejn lil missieri. Missieri juri konsiderazzjoni u empatija. Ma jilgħabhiex tal-búli magħna jew ikun aħrax magħna, saħansitra meta nkunu għamilna xi ħaġa ħażina. Minflok ma jitlagħlu, janalizza l-kwistjoni u jurina x’għandna nagħmlu jew x’m’għandniex nagħmlu. Hu spiss jirreferi għall-ktieb Youth u għall-ktieb Hena Fil-Familja.”a
Meta jkun possibbli, ikun tajjeb li l-ġenituri jibdew jitkellmu maʼ wliedhom dwar is-sess meta wliedhom ikunu żgħar mhux ħażin. Dan ipoġġi l-bażi għal diskussjonijiet kontinwi matul is-snin spiss diffiċli taʼ l-adolexxenza. Meta d-diskussjonijiet ma jinbdewx minn kmieni, kultant ikun imbarazzanti li tintroduċihom iktar tard, imma dan jistaʼ jsir. Waħda omm taʼ ħamest itfal qalet: “Sforzajt lili nnifsi biex nitkellem dwaru sakemm fl-aħħar ma ħassejtnix iktar skomda, u lanqas it-tifla ma ħassitha hekk.” Tant hemm x’titlef li sforzi bħal dawn żgur li huma vallapena.
Protetti u Hienja
It-tfal japprezzawhom lill-ġenituri li b’imħabba jfornuhom b’għarfien li se jissalvagwardjahom. Ikkunsidra l-kummenti minn xi Xhieda Afrikani taʼ Jehovah:
Mojisola, fl-età taʼ 24 sena, qalet: “Dejjem se nibqaʼ grata lejn ommi. Hi tatni l-edukazzjoni meħtieġa fuq is-sess f’waqtu. Għalkemm ħassejtni imbarazzata meta kienet qiegħda tiddiskuti dawn l-affarijiet żmien twil ilu, issa qiegħda nara l-affarijiet tajbin li ommi għamlet għalija.”
Iniobong żiedet: “Dejjem inħossni hienja meta nħares lura u naħseb dwar dak li ommi għamlet għalija billi tatni taħriġ adegwat fuq is-sess. Dan kien t’għajnuna vitali ferm f’li jiggwidani biex nieħu l-istat tiegħi. Naħlef li nagħmel l-istess għat-tfal li għad ikolli.”
Kunle, li għandu dsatax-il sena, qal: “Il-ġenituri tiegħi għenuni biex nirreżisti pressjonijiet minn nisa tad-dinja biex niżni magħhom. Li ma kienx għat-taħriġ li tawni, kont naqaʼ fid-dnub. Dejjem se nibqaʼ napprezzah dak li għamlu huma.”
Christiana qalet: “Nikseb ħafna u ħafna benefiċċji minn djalogi li jkolli m’ommi rigward is-sess. Ġejt protetta minn mardiet fatali u tqâla mhix mixtieqa, u stajt inkun taʼ eżempju tajjeb għal ħuti iżgħar, subjien u bniet, biex isegwuh. Qlajt ukoll ir-rispett mingħand in-nies, u r-raġel futur tiegħi se jirrispettani wkoll. Iktar importanti, għandi relazzjoni tajba m’Alla Jehovah talli żammejt il-kmandament tiegħu.”
Bola, li ssemmiet qabel, qalet: “Kelli waħda fil-klassi li qalet li s-sess għandu jitgawda mingħajr ebda obbligu għaż-żwieġ. Għaliha, dan kien taʼ gost. Madankollu, malajr skopriet li xejn ma kien taʼ gost meta ħarġet tqila u ma setgħetx toqgħod magħna għall-eżami finali taʼ l-iskola. Kieku ma kellix missier tajjeb biex jiggwidani, forsi kont inkun bħalha, nitgħallem bid-dnewwa.”
X’barka meta ġenituri Kristjani jgħinu lil uliedhom isiru ‘għorrief għas-salvazzjoni’ f’din id-dinja miġnuna fuq is-sess! (2 Timotju 3:15) L-istruzzjoni tagħhom ibbażata fuq il-Bibbja hi bħal ġiżirana prezzjuża li żżejjen u ssebbaħ lit-tfal f’għajnejn Alla. (Proverbji 1:8, 9) It-tfal iħossuhom fis-sigurtà, u l-ġenituri jkollhom sodisfazzjon profond. Missier Afrikan li dejjem jistinka biex iżomm il-linji taʼ komunikazzjoni miftuħin mat-tfal tiegħu qal: “Għandna l-paċi tal-moħħ. Aħna fiduċjużi li t-tfal tagħna jafu x’inhu dak li jogħġob lil Jehovah; ma jistgħux jiġu żvijati min-nies tad-dinja. Aħna fiduċjużi li m’humiex se jagħmlu affarijiet li se jġibu wġigħ lill-familja. Jien niżżiħajr lil Jehovah talli huma ġġustifikaw il-fiduċja tagħna.”
[Nota taʼ taħt]
a Ippubblikati mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 10]
Żgħażagħ Kristjani li jirċievu informazzjoni bbażata fuq il-Bibbja mingħand il-ġenituri jistgħu jiċħdu stejjer mgħawġin li jirrakkontaw żgħażagħ oħrajn