LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 4/15 pp. 20-23
  • Barnaba—“Bin il-Faraġ”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Barnaba—“Bin il-Faraġ”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Wieħed Ġeneruż li Jħobb Jgħin
  • F’Antjokja
  • Inkarigu Missjunarju Speċjali
  • Il-​Kwistjoni taċ-​Ċirkonċiżjoni
  • “Kellhom xi Jgħidu Sewwa”
  • ’Kienu Ferħanin u Rċivew l-Ispirtu’
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • “Huma Ppritkaw bil-Kuraġġ bl-Awtorità taʼ Ġeħova”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • In-Nies taʼ Jehovah Issodati fil-Fidi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Mudell Ispirat taʼ Xogħol Missjunarju Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 4/15 pp. 20-23

Barnaba—“Bin il-​Faraġ”

META kienet l-​aħħar darba li farrġek xi ħabib? Tiftakar meta kien l-​aħħar li int farraġt li xi ħadd ieħor? Minn żmien għal żmien, ilkoll kemm aħna jkollna bżonn l-​inkuraġġiment, u kemm napprezzaw lil dawk li joffruh b’tant imħabba! Li wieħed ifarraġ lil xi ħadd jimplika li jieħu l-​ħin biex jisimgħu, jifhmu, u jgħinu. Int lest li tagħmlu dan?

Individwu li kien lest li jagħmel dan b’mod eżemplari kien Barnaba, li kien “raġel tajjeb, mimli bl-​Ispirtu s-​Santu u bil-​fidi.” (Atti 11:24) Dan għala setaʼ jingħad dwar Barnaba? X’kien għamel biex jistħoqqlu din id-​deskrizzjoni?

Wieħed Ġeneruż li Jħobb Jgħin

Ismu proprju kien Ġużeppi, imma l-​appostli tawh laqam deskrittiv li kien jirrifletti sew il-​karattru tiegħu​—Barnaba, li jfisser “bin il-​faraġ.”a (Atti 4:36) Il-​kongregazzjoni Kristjana kienet għadha kif ġiet ifformata. Xi wħud huma tal-​fehma li qabel Barnaba kien wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù. (Luqa 10:1, 2) Sew jekk dan kien veru, u sew jekk ma kienx, dan ir-​raġel kien ta kont tajjeb tiegħu nnifsu.

Ftit wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Barnaba, li kien Levita minn Ċipru, minn jeddu biegħ biċċa art u ta l-​flus lill-​appostli. Għala għamel hekk? Ir-​rakkont f’Atti jgħidilna li fost il-​Kristjani f’Ġerusalemm f’dak iż-​żmien, “kien jitqassam kollox skond il-​ħtieġa taʼ kull wieħed.” Evidentement, Barnaba ra li kien hemm il-​ħtieġa, u bil-​ġenerożità kollha għamel xi ħaġa dwarha. (Atti 4:34-37) Jistaʼ jkun li kien tat-​tajjeb, imma ma qagħadx jaħsibha biex joffri kemm l-​affarijiet materjali li kien jippossiedi u kemm lilu nnifsu għall-​avvanz taʼ l-​interessi tas-​Saltna.b “Kulfejn Barnaba kien isib nies jew sitwazzjonijiet li kienu jeħtieġu inkuraġġiment, kien jagħti l-​inkuraġġiment kollu li kien kapaċi jagħti,” osserva l-​istudjuż F. F. Bruce. Dan joħroġ ċar fit-​tieni episodju li hu jidher fih.

Madwar is-​sena 36 E.K., Sawl taʼ Tarsu (l-appostlu Pawlu tal-​futur), li s’issa kien sar Kristjan, kien qed jipprova jikkuntattja l-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm, “imma lkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta.” Kif setaʼ jikkonvinċi lill-​kongregazzjoni li l-​konverżjoni tiegħu kienet waħda ġenwina u mhux sempliċi strataġemma biex ikompli jkissirha? “Barnaba qabdu u ħadu miegħu għand l-​appostli.”—Atti 9:26, 27; Galatin 1:13, 18, 19.

M’hemmx miktub għala Barnaba kien jafda lil Sawl. Kien x’kien il-​każ, “bin il-​faraġ” kien laqam li verament joqgħodlu minħabba li hu qagħad jismaʼ lil Sawl u għenu joħroġ minn sitwazzjoni li kienet tidher bla tama. Għalkemm Sawl imbagħad reġaʼ lura lejn Tarsu, il-​belt fejn twieled, kienet laħqet żviluppat ħbiberija bejn iż-​żewġt irġiel. Fis-​snin taʼ wara, dan kien se jkollu konsegwenzi importanti.—Atti 9:30.

F’Antjokja

Madwar is-​sena 45 E.K., f’Ġerusalemm waslet l-​aħbar taʼ żviluppi mhux tas-​soltu f’Antjokja tas-​Sirja​—għadd kbir taʼ residenti li kienu jitkellmu bil-​Grieg bdew isiru kredenti. Il-​kongregazzjoni bagħtet lil Barnaba biex jinvestiga u jorganizza x-​xogħol hemmhekk. Ma setgħux għamlu għażla iktar għaqlija. Luqa jistqarr: “Meta dan wasal u ra l-​grazzja taʼ Alla, feraħ u beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin fil-​Mulej. Għax hu kien raġel tajjeb, mimli bl-​Ispirtu s-​Santu u bil-​fidi. U ġemgħa kbira taʼ nies ingħaqdet mal-​Mulej.”—Atti 11:22-24.

Din ma kinitx l-​unika ħaġa li wettaq. Skond l-​istudjuż Giuseppe Ricciotti, “Barnaba kien raġel prattiku, u mill-​ewwel fehem li kien hemm bżonn li jmidd għonqu għax-​xogħol sabiex jaċċerta ruħu li twarrid promettenti bħal dan jiġi segwit minn ħsad abbundanti. Għalhekk, il-​bżonn primarju kien ħaddiema għall-​ħsad.” Billi kien Ċiprijott, Barnaba probabbilment kien imdorri jittratta mal-​Ġentili. Setaʼ ħass li kien ikkwalifikat b’mod partikulari biex jippriedka lill-​pagani. Imma hu kien lest li jinvolvi lil oħrajn f’din l-​attività eċċitanti u inkuraġġanti.

Barnaba ħaseb f’Sawl. Wisq probabbli, Barnaba kien konxju tar-​rivelazzjoni profetika mogħtija lil Ananija fi żmien il-​konverżjoni taʼ Sawl, li dak il-​wieħed li qabel kien persekutur kien ‘għodda magħżula biex iwassal isem Ġesù quddiem il-​ġnus.’ (Atti 9:15) Għalhekk, Barnaba rħielha lejn Tarsu​—vjaġġ taʼ madwar 200 kilometru—​ħalli jfittex lil Sawl. Iż-​żewġt irġiel ħadmu flimkien għal sena sħiħa, u “kien f’Antjokja” f’dan il-​perijodu “li d-​dixxipli għall-​ewwel darba sejjħulhom ‘Kristjani’.”—Atti 11:25, 26.

Matul ir-​renju taʼ Klawdju, waqaʼ ġuħ kbir f’diversi partijiet taʼ l-​Imperu Ruman. Skond il-​kittieb taʼ l-​istorja Josephus, f’Ġerusalemm “mietu ħafna nies minħabba nuqqas taʼ dak li kien neċessarju biex jiksbu l-​ikel.” B’hekk, id-​dixxipli f’Antjokja “qatgħuha li lkoll kemm kienu, kull wieħed skond ma kien jistaʼ, jibagħtu l-​għajnuna lil ħuthom li kienu joqogħdu fil-​Lhudija. Hekk għamlu; u bagħtu l-​għajnuna għand il-​presbiteri maʼ Barnaba u maʼ Sawl.” Wara li wettqu bis-​sħiħ din il-​missjoni, iż-​żewġt irġiel reġgħu lura Antjokja flimkien maʼ Ġwanni Marku, fejn kienu jitqiesu fost il-​profeti u l-​għalliema tal-​kongregazzjoni.—Atti 11:29, 30; 12:25; 13:1.

Inkarigu Missjunarju Speċjali

Imbagħad seħħet ġrajja straordinarja. “Waqt li kienu qegħdin iqimu lill-​Mulej u jsumu, l-​Ispirtu s-​Santu qalilhom: ‘Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl għax-​xogħol li għalih sejjaħtilhom.’” Aħseb ftit! L-​ispirtu taʼ Jehovah kkmanda li ż-​żewġt irġiel jingħatalhom inkarigu speċjali. “Għalhekk huma, mibgħuta mill-​Ispirtu s-​Santu, niżlu Selewkja, u minn hemm telqu bil-​baħar għal Ċipru.” Barnaba setaʼ wkoll bix-​xieraq jissejjaħ appostlu, jew wieħed mibgħut.—Atti 13:2, 4; 14:14.

Wara li vvjaġġaw minn ġo Ċipru u kkonvertew lil Serġju Pawlu, il-​gvernatur provinċjali Ruman tal-​gżira, huma ssoktaw lejn Perga, li tinsab fuq il-​kosta tan-​Nofsinhar taʼ l-​Asja Minuri, fejn Ġwanni Marku rtira u reġaʼ lura lejn Ġerusalemm. (Atti 13:13) Mid-​dehra, sa dakinhar Barnaba kellu rwol ewlieni, forsi bħala l-​wieħed li kellu l-​iktar esperjenza. Minn issa ’l quddiem, huwa Sawl (issa msejjaħ Pawlu) li jieħu t-​tmexxija. (Qabbel Atti 13:7, 13, 16; 15:2) Ħassu mweġġaʼ Barnaba minħabba dan l-​iżvilupp? Le, hu kien Kristjan matur li b’umiltà rrikonoxxa li Jehovah kien qed juża wkoll lil sieħbu b’mod setgħan. Permezz tagħhom, Jehovah ried li jerġaʼ iżjed territorji jisimgħu l-​aħbar tajba.

Fil-fatt, qabel ma t-​tnejn li huma ġew imkeċċijin ’il barra minn Antjokja taʼ Pisidija, dawk l-​inħawi kollha kienu semgħu l-​kelma t’Alla mingħand Pawlu u Barnaba, u għadd taʼ nies aċċettaw il-​messaġġ. (Atti 13:43, 48-52) F’Ikonju, “kotra kbira taʼ nies, sew Lhud u sew Griegi, emmnu.” Dan qanqal lil Pawlu u ’l Barnaba biex iqattgħu perijodu taʼ żmien mhux ħażin hemmhekk, ‘jitkellmu bi qlubija kbira fuq il-​Mulej. U sinjali u mirakli kienu jsiru permezz tagħhom.’ Meta semgħu li kienet qed issir konfoffa sabiex jiġu mħaġġrin, iż-​żewġt irġiel kienu għaqlin u ħarbu, u komplew xogħolhom f’Likaonja, Listra u Derbi. Minkejja li għaddew minn esperjenzi li kienu taʼ theddida għal ħajjithom, kemm Barnaba u kemm Pawlu komplew “jagħmlu l-​qalb lid-​dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-​fidi, għaliex, kif kienu jgħidulhom, jeħtiġilna nbatu ħafna [b]iex nidħlu fis-​Saltna taʼ Alla.”—Atti 14:1-7, 19-22.

Dawn iż-​żewġ predikaturi dinamiċi ma kienu se jħallu xejn ibeżżagħhom. Għall-​kuntrarju, huma reġgħu lura biex isaħħu lill-​Kristjani ġodda f’postijiet fejn kienu diġà ltaqgħu maʼ oppożizzjoni ħarxa, x’aktarx billi għenu rġiel kwalifikati jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjonijiet il-​ġodda.

Il-​Kwistjoni taċ-​Ċirkonċiżjoni

Xi 16-il sena wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Barnaba kien involut f’episodju storiku rigward il-​kwistjoni taċ-​ċirkonċiżjoni. “[F’Antjokja tas-​Sirja] niżlu xi wħud mill-​Lhudija u bdew jgħallmu lill-​aħwa: ‘Jekk ma toqogħdux għaċ-​ċirkonċiżjoni skond id-​drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw.’” Barnaba u Pawlu kienu jafu mill-​esperjenza li dan ma kienx minnu, u ddibattewh dan il-​punt. Minflok ma qagħdu jħaqquha dwar l-​awtorità li kellhom, huma rrikonoxxew li din kienet problema li kellha tiġi solvuta għall-​benefiċċju tas-​sħubija kollha kemm hi taʼ l-​aħwa. Għalhekk, irreferew il-​problema lill-​ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm, fejn ir-​rapporti tagħhom għenu biex tiġi solvuta l-​kwistjoni. Wara dan, Pawlu u Barnaba, deskritti bħala “l-​għeżież tagħna . . . nies li ddedikaw ħajjithom għall-​isem taʼ Sidna Ġesù Kristu,” kienu fost dawk inkarigati biex jikkomunikaw id-​deċiżjoni lill-​aħwa f’Antjokja. Meta nqrat l-​ittra mingħand il-​ġemgħa li tiggverna u ngħataw xi taħditiet, l-​aħwa fil-​kongregazzjoni “ferħu għall-​faraġ li tathom” u ‘ġew imwettqin.’ (Korsiv tagħna.)—Atti 15:1, 2, 4, 25-32.

“Kellhom xi Jgħidu Sewwa”

Wara tant rakkonti pożittivi dwaru, forsi nħossu li qatt ma nistgħu nkunu bħal Barnaba. Madankollu, “bin il-​faraġ” kien imperfett bħalna. Waqt li hu u Pawlu kienu qed jippjanaw it-​tieni vjaġġ missjunarju biex iżuru lill-​kongregazzjonijiet, huma kellhom xi jgħidu. Barnaba kien iddeterminat li jieħu magħhom lill-​kuġin tiegħu Ġwanni Marku, imma Pawlu ma kienx jaħseb li kien xieraq li jagħmlu hekk, ladarba Ġwanni Marku kien telaqhom waqt vjaġġ missjunarju. “Kellhom xi jgħidu sewwa, hekk li nfirdu minn xulxin. Barnaba ħa miegħu lil Marku u telaq bil-​baħar lejn Ċipru,” fil-​waqt li “Pawlu għażel għal miegħu lil Sila u telaq” f’direzzjoni oħra.—Atti 15:36-40.

X’ħasra! Minkejja dan kollu, dan l-​inċident jgħidilna xi ħaġa oħra dwar il-​personalità taʼ Barnaba. “Il-​fatt li kien ippreparat li jagħtih ċans ieħor u għal darb’oħra juri fiduċja f’Marku dejjem se jibqaʼ jġiblu unur lil Barnaba,” jgħid wieħed studjuż. Bħalma jissuġġerixxi dan il-​kittieb, għandu mnejn li “l-​fiduċja li Barnaba wera fih għenitu biex jerġaʼ jibni l-​kunfidenza li kellu fih innifsu u serviet biex tqanqlu ħalli jerġaʼ jikkommetti ruħu.” Iż-​żmien wera li dik il-​fiduċja ġiet iġġustifikata għalkollox, għax wasal il-​jum li anki Pawlu rrikonoxxa kemm Marku kien utli fis-​servizz Kristjan.—2 Timotju 4:11; qabbel Kolossin 4:10.

L-eżempju taʼ Barnaba jistaʼ jistimulana biex nieħdu l-​ħin biex nisimgħu, nifhmu, u ninkuraġġixxu lil uħud li għandhom qalbhom maqtugħa u nipprovdu għajnuna prattika kull meta naraw li hemm il-​bżonn. Ir-​rekord taʼ kemm kien lest li jaqdi lil ħutu bil-​ħlewwa u l-​kuraġġ, kif ukoll ir-​riżultati eċċellenti li dan ipproduċa, huwa inkuraġġiment minnu nnifsu. X’barka hi li jkollna wħud bħal Barnaba fil-​kongregazzjonijiet tagħna llum!

[Noti taʼ taħt]

a  Li wieħed jissejjaħ “bin” xi kwalità jenfasizza karatteristika li tispikka. (Ara Dewteronomju 3:18, NW, nota taʼ taħt.) Fl-​ewwel seklu, kienet ħaġa komuni li jintużaw il-​laqmijiet biex jiġbdu l-​attenzjoni lejn il-​kwalitajiet taʼ individwu. (Qabbel Mark 3:17, NW.) Kienet forma taʼ rikonoxximent pubbliku.

b Meta kkunsidraw dak li kien ġie stabbilit mil-​Liġi Mosajka, xi wħud staqsew kif Barnaba, li kien Levita, kellu l-​art tiegħu. (Numri 18:20) Madankollu, irid jiġi nnotat li m’huwiex ċar jekk il-​propjetà kinitx fil-​Palestina jew f’Ċipru. Iżjed minn hekk, huwa possibbli li din kienet sempliċement biċċa art li tintuża għad-​dfin u li Barnaba kien kiseb fl-​inħawi taʼ Ġerusalemm. Kien x’kien il-​każ, Barnaba rrinunzja l-​propjetà tiegħu biex jgħin lil oħrajn.

[Stampa f’paġna 23]

Barnaba “kien raġel tajjeb, mimli bl-​Ispirtu s-​Santu u bil-​fidi”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja