X’Inhu T-talmud?
“It-Talmud huwa bla dubju wieħed mill-iktar xogħlijiet letterarji rimarkevoli taż-żminijiet kollha.”—The Universal Jewish Encyclopedia.
“[It-Talmud huwa] wieħed mit-twettiqiet intellettwali kbar taʼ l-ispeċi umana, dokument tant diffiċli, tant sinjifikanti, tant sottili li żamm lil imħuħ eċċellenti okkupati għal iktar minn millennju u nofs.”—Jacob Neusner, studjuż u awtur Lhudi.
“It-Talmud huwa l-pilastru ċentrali [tal-Ġudaiżmu] li fuqu jistrieħ l-edifiċju spiritwali u intellettwali kollu kemm hu tal-ħajja Lhudija.”—Adin Steinsaltz, studjuż u rabbi Talmudiku.
IT-TALMUD bla dubju kellu influwenza tremenda fuq il-poplu Lhudi għal sekli sħaħ. Madankollu, b’kuntrast maʼ l-espressjonijiet taʼ tifħir ikkwotati hawn fuq, it-Talmud ġie mmaqdar u msejjaħ “baħar taʼ oskurità u tajn.” Ġie ddenunzjat bħala xogħol mimli dagħa tax-Xitan. Permezz taʼ digriet papali, dan ġie ripetutament iċċensurat, ikkonfiskat, u saħansitra maħruq f’għedud kbar fil-pjazez pubbliċi taʼ l-Ewropa.
X’inhu eżattament dan ix-xogħol li qanqal daqshekk kontroversja? X’inhu dak li jagħmel lit-Talmud uniku fost il-kitbiet Lhud? Għala nkiteb? Kif ġie li jkollu impatt bħal dan fuq il-Ġudaiżmu? Ifisser xi ħaġa għad-dinja li mhix Lhudija?
Matul il-150 sena li segwew il-qerda tat-tempju f’Ġerusalemm fis-sena 70 E.K., xi akkademji taʼ għorrief rabbiniċi f’Iżrael kollu fittxew b’urġenza bażi ġdida biex jikkonservaw il-prattika Lhudija. Huma ddibattew u kkonsolidaw diversi tradizzjonijiet tal-liġi orali tagħhom. Billi bnew fuq dan il-pedament, stabbilew limiti u ħtiġijiet ġodda għall-Ġudaiżmu u taw direzzjoni għal ħajja taʼ qdusija minn jum għal jum mingħajr l-użu taʼ tempju. Dan il-qafas spiritwali ġdid ġie spjegat fil-Mixna, ikkompilata minn Judah ha-Nasi sal-bidu tat-tielet seklu E.K.a
Il-Mixna kienet awtonoma, billi ma fittxitx ġustifikazzjoni fuq il-bażi taʼ referenzi Bibliċi. Il-metodu taʼ diskussjoni tagħha u saħansitra l-istil taʼ l-Ebrajk tagħha kienu uniċi, distinti mill-versi tal-Bibbja. Id-deċiżjonijiet tar-rabbini kkwotati fil-Mixna kellhom jeffettwaw il-ħajjiet minn jum għal jum tal-Lhud kullimkien. Tabilħaqq, Jacob Neusner jikkummenta: “Il-Mixna pprovdiet il-kostituzzjoni taʼ Iżrael. . . . Din esiġiet qbil u konformità mar-regoli tagħha.”
Imma x’kien jiġri meta xi ħadd kien jiddubita jekk l-awtorità taʼ l-għorrief ikkwotata fil-Mixna kinitx verament ugwali maʼ l-Iskrittura rrivelata? Ir-rabbini kien ikollhom juru li t-tagħlim tat-Tannajm (għalliema tal-liġi orali) misjub fil-Mixna kien f’armonija perfetta maʼ l-Iskrittura Ebrajka. Kien hemm bżonn taʼ iktar kummentarju. Huma ħassew il-ħtieġa li jispjegaw u jiġġustifikaw il-Mixna u jagħtu prova li din oriġinat mal-Liġi mogħtija lil Mosè fuq is-Sinaj. Ir-rabbini ħassewhom imġagħlin jagħtu prova li l-liġi orali u dik miktuba huma taʼ spirtu u skop wieħed. Minflok ma kienet l-aħħar kelma fuq il-Ġudaiżmu, allura, il-Mixna saret pedament ġdid għal diskussjoni u dibattitu reliġjużi.
It-Tiswir tat-Talmud
Ir-rabbini li laqgħu din l-isfida ġdida kienu magħrufin bħala Amorajm—“interpreti,” jew “fissirin,” tal-Mixna. Kull akkademja kienet tiċċentra fuq xi rabbi prominenti. Grupp żgħir taʼ studjużi u studenti kien ikollhom diskussjonijiet is-sena kollha. Imma s-sessjonijiet l-iktar importanti kienu jsiru darbtejn fis-sena, matul ix-xhur taʼ Adar u Elul, meta x-xogħol agrikolu kien ibatti u mijiet jew saħansitra eluf iktar setgħu jattendu.
Adin Steinsaltz jispjega: “Il-kap taʼ l-akkademja kien jippresiedi, bil-qiegħda fuq siġġu jew fuq twapet speċjali. Fir-ringieli taʼ quddiem faċċata tiegħu kienu joqogħdu bil-qiegħda l-istudjużi importanti, inklużi l-kollegi jew l-allievi li kienu jispikkaw tiegħu, u warajhom l-istudjużi l-oħrajn kollha. . . . L-ordni kif kienu joqogħdu bil-qiegħda kien ibbażat fuq ġerarkija ddefinita b’mod preċiż [skond l-importanza].” Porzjon mill-Mixna kien jinqara. Dan kien imbagħad jitqabbel maʼ materjal parallel jew supplimentarju miġbur mit-Tannajm imma mhux inkluż fil-Mixna. Il-proċess taʼ l-analisi kien jibda. Kienu jsiru xi mistoqsijiet, u l-kontradizzjonijiet kienu jiġu analizzati biex tinstab l-armonija interna bejn tagħlim u ieħor. Versi korroborattivi mill-Iskrittura Ebrajka kienu jiġu mfittxijin biex jappoġġjaw it-tagħlim rabbiniku.
Għalkemm kienu jkunu strutturati bil-għaqal, dawn id-diskussjonijiet kienu jkunu intensi, kultant turbulenti. Wieħed mill-għorrief ikkwotati fit-Talmud tkellem dwar “xrar tan-nar” fil-forma taʼ botta u risposta bejn ir-rabbini matul xi dibattitu. (Hullin 137b, Talmud Babilonjan) Steinsaltz jgħid dan dwar dak li kien isir: “Il-kap taʼ l-akkademja, jew l-għaref li kien jagħti l-lezzjoni, kien jagħti l-interpretazzjoni tiegħu stess dwar il-problemi. L-istudjużi fl-udjenza kienu spiss jibbombardjawh b’mistoqsijiet fuq il-bażi taʼ sorsi oħrajn, l-opinjonijiet taʼ kummentaturi oħrajn, jew il-konklużjonijiet loġiċi tagħhom stess. Kultant id-dibattitu kien ikun qasir ferm u ristrett għal tweġiba inekwivoka u konklussiva għal xi mistoqsija speċifika. F’każi oħrajn studjużi oħrajn kienu joffru soluzzjonijiet alternattivi u dibattitu fuq skala kbira kien jirriżulta.” Kulmin kien jattendi kien jitħalla jieħu sehem. Kwistjonijiet iċċarati fis-sessjonijiet kienu jiġu trasmessi lil akkademji oħrajn biex studjużi oħrajn jirreveduhom.
Madankollu, dawn is-sessjonijiet ma kinux biss dibattiti legalistiċi bla tmiem. Kwistjonijiet legali li kellhom x’jaqsmu mar-regoli u r-regolamenti tal-ħajja reliġjuża Lhudija jissejħu Halakah. Dan it-terminu ġej mill-għerq Ebrajk “li wieħed imur” u jindika l-‘mod taʼ ħajja li wieħed għandu jattwa.’ Il-kwistjonijiet l-oħrajn kollha—stejjer dwar rabbini u karattri Bibliċi, qwiel għorrief, konċetti taʼ twemmin u filosofija—jissejħu Haggadah, mill-għerq Ebrajk “li wieħed jgħid.” Halakah u Haggadah kienu jintużaw flimkien ripetutament matul xi dibattitu rabbiniku.
Fil-ktieb tiegħu The World of the Talmud, Morris Adler jikkummenta: “Għalliem għaref kien jinterrompi argument legali, twil u diffiċli, b’digressjoni taʼ natura inqas peżanti u iktar edifikanti. . . . B’hekk insibu leġġenda u storja, xjenza u folklor kontemporanji, tifsir Bibliku u bijografija, diskors reliġjuż u teoloġija minsuġin flimkien f’dak li, għal wieħed li ma kienx familjari mal-modi taʼ l-akkademji, kien jidher li hu taħlita stramba taʼ informazzjoni mhix organizzata.” Għall-istudjużi fl-akkademji, dawn id-digressjonijiet kollha kienu għal skop u kienu relatati mal-punt li kien ikun qed jiġi diskuss. Halakah u Haggadah kienu l-blokok tal-bini taʼ struttura ġdida li kienet qiegħda tinbena fl-akkademji rabbiniċi.
It-Tiswir taʼ Żewġ Talmudijiet
Eventwalment, iċ-ċentru rabbiniku prinċipali fil-Palestina ġie ttrasferit lejn Tiberjas. Akkademji importanti oħrajn kienu jinstabu f’Sepforis, f’Ċesarija, u f’Lidda. Imma s-sitwazzjoni ekonomika li kienet sejra mill-ħażin għall-agħar, l-instabilità politika kostanti, u finalment il-pressjoni u l-persekuzzjoni mill-Kristjanità apostata wasslu għal immigrazzjoni fuq skala kbira lejn ċentru ieħor kbir tal-popolazzjoni Lhudija lejn il-Lvant—Babilonja.
Għal sekli sħaħ, xi studenti kienu nġabru bi ħġarhom minn Babilonja lejn il-Palestina biex jistudjaw taħt ir-rabbini l-kbar fl-akkademji. Wieħed minn dawn l-istudenti kien Abba ben Ibo, imsejjaħ ukoll Abba Arika—Abba l-wieħed twil—imma iktar tard magħruf sempliċement bħala Rab. Hu rritorna lejn Babilonja madwar is-sena 219 E.K. wara li studja taħt Judah ha-Nasi, u dan kien punt taʼ bidla sinjifikanti għall-importanza spiritwali tal-komunità Lhudija f’Babilonja. Rab stabbilixxa akkademja f’Sura, post b’ħafna Lhud imma bi ftit studjużi. L-isem tajjeb tiegħu ġibed 1,200 student regulari lejn l-akkademja tiegħu, b’iktar eluf jattendu matul ix-xhur Lhud taʼ Adar u Elul. Samuel, li kien kontemporanju prominenti taʼ Rab, stabbilixxa akkademja f’Neħardea. Akkademji importanti oħrajn nibtu f’Pumbedita u f’Meħoża.
Issa ma kienx hemm għalfejn li wieħed jivvjaġġa lejn il-Palestina, għax setaʼ jistudja taħt l-istudjużi l-kbar f’Babilonja. Il-formulazzjoni tal-Mixna bħala skrittura separata fetħet it-triq għall-indipendenza kompleta taʼ l-akkademji Babilonjani. Għalkemm stili u metodi differenti taʼ studju issa żviluppaw fil-Palestina u f’Babilonja, il-komunikazzjoni frekwenti u l-bdil taʼ għalliema ppreservaw l-unità taʼ l-akkademji.
Lejn it-tmiem tar-rabaʼ seklu u fil-bidu tal-ħames seklu E.K., is-sitwazzjoni saret partikolarment diffiċli għal-Lhud fil-Palestina. Mewġa wara l-oħra taʼ restrizzjonijiet u persekuzzjoni taħt l-awtorità dejjem iktar qawwija tal-Kristjaneżmu apostat wasslet għad-daqqa finali li aboliet kemm lis-Sinedriju u kemm lill-pożizzjoni taʼ Nasi (patrijarka) sa madwar is-sena 425 E.K. Għalhekk, l-Amorajm Palestinjani bdew jikkonsolidaw b’xogħol wieħed koerenti s-sommarji tad-dibattiti fl-akkademji biex jiżguraw li dawn jiġu ppreservati. Dan ix-xogħol, ikkompilat bil-għaġla fl-aħħar parti tar-rabaʼ seklu E.K., sar magħruf bħala t-Talmud Palestinjan.b
Waqt li l-akkademji fil-Palestina kienu qegħdin ibattu, l-Amorajm Babilonjani kienu qegħdin jilħqu l-quċċata taʼ l-abbiltajiet tagħhom. Abaye u Raba żviluppaw il-livell tad-dibattitu f’argumentazzjoni komplikata u sottili li iktar tard saret il-mudell taʼ l-analisi Talmudika. Imbagħad, Ashi, il-kap taʼ l-akkademja f’Sura (371-427 E.K.), beda jikkompila u jeditja l-minuti tad-dibattiti. Skond Steinsaltz, dan għamlu “billi beżaʼ li, kif kienet diżorganizzata, il-biċċa l-kbira tal-materjal orali kienet fil-periklu li tintesa maż-żmien.”
Din il-massa kbira taʼ materjal kienet iktar milli bniedem wieħed jew saħansitra ġenerazzjoni waħda setgħu jorganizzaw. Il-perijodu taʼ l-Amorajm intemm f’Babilonja fil-ħames seklu E.K., imma x-xogħol taʼ l-editjar finali tat-Talmud Babilonjan tkompla fis-sitt seklu E.K. minn grupp imsejjaħ is-Saborajm, terminu Aramajk li jfisser “il-fissirin,” jew “dawk li għandhom opinjoni.” Dawn l-edituri finali ġabru flimkien l-eluf taʼ trufijiet mhux spiċċuti u s-sekli taʼ dibattiti rabbiniċi, u taw stil u struttura lit-Talmud Babilonjan li għamluh differenti mill-kitbiet Lhud kollha taʼ qablu.
X’Wettaq it-Talmud?
Ir-rabbini tat-Talmud erħewlha biex jagħtu prova li l-Mixna kienet ġejja mill-istess sors bħall-Iskrittura Ebrajka. Imma għala? Jacob Neusner jikkummenta: “Il-kwistjoni mistqarra kienet il-waqfa tal-Mixna. Imma l-qalba tal-kwistjoni jirriżulta li kienet l-awtorità taʼ l-għaref innifsu.” Biex din l-awtorità tiġi rinforzata, kull linja tal-Mixna, u kultant kull kelma, ġiet eżaminata, sfidata, spjegata, u armonizzata b’xi mod speċifiku. Neusner josserva li b’dan il-mod ir-rabbini “xxiftjaw id-direzzjoni tal-Mixna minn passaġġ għal ieħor.” Għalkemm kienet maħluqa bħala xogħol sħiħ fih innifsu, il-Mixna kienet issa ġiet maqsuma f’sezzjonijiet. Matul dan il-proċess, kienet ġiet maħluqa u definita mill-ġdid.
Dan ix-xogħol il-ġdid—it-Talmud—qeda l-iskop tar-rabbini. Stabbilew ir-regoli taʼ l-analisi, u dan għalhekk għallem lin-nies jaħsbu bħar-rabbini. Ir-rabbini kienu jemmnu li l-metodu tagħhom taʼ studju u analisi rrifletta l-moħħ t’Alla. L-istudju Talmudiku nnifsu sar l-objettiv, forma taʼ qima—l-użu tal-moħħ suppost b’imitazzjoni t’Alla. Għal ġenerazzjonijiet sħaħ li segwew, it-Talmud stess kellu jkun analizzat b’dan l-istess metodu. Ir-riżultat? Jikteb Cecil Roth, kittieb taʼ l-istorja: “It-Talmud . . . ta [lil-Lhud] il-marka karatteristika li ddistingwiethom minn oħrajn, kif ukoll il-qawwa rimarkevoli tagħhom taʼ reżistenza u koeżjoni. Id-djalett tiegħu għallimhom jużaw moħħhom, u tahom . . . prontezza mentali. . . . It-Talmud ta lil-Lhudi ppersegwitat tal-Medju Evu dinja oħra li fiha setaʼ jaħrab . . . Tah patrija, li setaʼ jġorrha miegħu kulfejn imur meta pajjiżu stess kien jintilef.”
Billi għallem lil oħrajn il-ħsieb tar-rabbini, it-Talmud ċertament li kellu poter. Imma l-mistoqsija għal kulħadd—kemm għal-Lhud u kemm għal dawk li m’humiex—hija din, It-Talmud jirrifletti verament il-moħħ t’Alla?—1 Korintin 2:11-16.
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar l-iżvilupp u l-kontenut tal-Mixna, ara l-artiklu “The Mishnah and God’s Law to Moses” f’The Watchtower tal-15 taʼ Novembru, 1997.
b It-Talmud Palestinjan huwa magħruf popolarment bħala t-Talmud taʼ Ġerusalemm. Madankollu, dan it-terminu huwa żbaljat, ladarba l-Lhud ma setgħux jidħlu f’Ġerusalemm matul il-biċċa l-kbira tal-perijodu Amorajk.
[Kaxxa f’paġna 31]
Iż-Żewġ Talmudijiet—Kif Jipparagunaw?
Il-kelma Ebrajka “Talmud” tfisser “studju” jew “tagħlim.” L-Amorajm tal-Palestina u taʼ Babilonja kienu rħewlha biex jistudjaw, jew janalizzaw, il-Mixna. Iż-żewġ Talmudijiet (kemm dak Palestinjan u kemm dak Babilonjan) jagħmluh dan, imma kif jipparagunaw? Jacob Neusner jikteb: “L-ewwel Talmud janalizza l-evidenza, it-tieni wieħed jinvestiga l-premessi; l-ewwel wieħed jibqaʼ għalkollox ġewwa l-limiti tal-każ tiegħu, it-tieni wieħed jaqbiżhom bil-kbir.”
L-editjar iktar intensiv u dettaljat mogħti lit-Talmud Babilonjan għamlu mhux biss akbar ferm, imma wkoll iktar profond u iktar penetranti fil-mod taʼ ħsieb u analisi tiegħu. Meta tissemma l-kelma “Talmud,” ġeneralment wieħed ikun qed jirreferi għat-Talmud Babilonjan. Dan huwa t-Talmud li l-iktar li ġie studjat u saru kummenti fuqu matul is-sekli. Skond Neusner, it-Talmud Palestinjan “huwa xogħol taʼ kompetenza,” u t-Talmud Babilonjan “huwa xogħol taʼ ġenju.”