Ġrajja fi Franza li Ma Tintesiex
“LE GĦALL-BELT TAʼ JEHOVAH!” ddikjaraw il-kartelluni mwaħħlin mal-belt kollha. “Kollha Flimkien Kontra l-Proġett taʼ Jehovah” ħeġġeġ wieħed mill-gruppi taʼ kontra. Litteralment mijiet t’artikli li ġew stampati ħarġu din il-kwistjoni fil-beraħ. Ġew iffirmati xi petizzjonijiet, u l-kaxxi taʼ l-ittri lokali ġew imballati b’dilluvju taʼ iktar minn nofs miljun fuljett li fihom issemma dan il-proġett. X’kien dan il-proġett li kiser il-paċi tal-belt taʼ Louviers, fil-Majjistral taʼ Franza, li normalment hija trankwilla? Il-bini li ġie pproponut taʼ uffiċċju tal-fergħa u residenza ġodda tax-Xhieda taʼ Jehovah.
Jehovah Jġagħalha Tikber
L-attività tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza ilha għaddejja mit-tmiem tas-seklu 19. L-ewwel maħżen għall-letteratura Biblika ġie miftuħ fl-1905 f’Beauvène, fin-Nofsinhar taʼ Franza, u mill-1919 beda jopera uffiċċju żgħir f’Pariġi. Fl-1930 infetaħ uffiċjalment uffiċċju tal-fergħa f’din il-belt, u s-sena taʼ wara, l-istaff taʼ l-uffiċċju bdew joqogħdu f’Dar Betel li kienet tinsab f’Enghien-les-Bains, fit-Tramuntana taʼ Pariġi. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-familja taʼ Betel reġgħet marret toqgħod Pariġi, u fl-1959 il-fergħa ġiet ittrasferita għal ġo bini b’ħames sulari f’Boulogne-Billancourt, li jinsab fil-Punent, barra l-belt kapitali.
Minħabba l-espansjoni tax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna, fl-1973 l-istamperija u d-dipartiment inkarigat f’li jibgħat l-affarijiet bil-baħar ġew ittrasferiti għal Louviers, li tinsab 100 kilometru lejn il-Punent taʼ Pariġi, fil-waqt li l-uffiċċji baqgħu f’Boulogne-Billancourt. Madankollu, minħabba ż-żjieda fin-numru taʼ pubblikaturi fi Franza, il-faċilitajiet f’Louviers saru inadegwati, minkejja l-estensjonijiet li saru fl-1978 u fl-1985. Għalhekk, ġie deċiż li ssir espansjoni biex il-familja taʼ Betel tinġieb kollha flimkien f’post wieħed. Dan il-proġett mhux kulħadd ħa pjaċir bih, bħalma diġà ssemma fil-bidu. Minkejja din l-oppożizzjoni, instabet biċċa art li kienet biss kilometru u nofs ’il bogħod mill-istamperija. Dan ġie segwit minn sitt snin taʼ xogħol iebes, u fl-aħħar, wara 23 sena taʼ separazzjoni, il-familja taʼ Betel kollha kemm hi ngħaqdet f’Louviers f’Awissu taʼ l-1996.
Kien għalhekk li b’ferħ kbir, ġemgħa hienja li kienet tgħodd maʼ l-1,187 persuna, inklużi t-300 membru tal-familja taʼ Betel taʼ Franza, u 329 delegat minn 42 fergħa oħra, inġabret nhar is-Sibt, 15 taʼ Novembru, 1997, biex tismaʼ t-taħdita tad-dedikazzjoni li ngħatat minn Ħuna Lloyd Barry, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. Madankollu, meta wieħed iqis il-fatt li din id-dedikazzjoni kienet qed issir fi żmien taʼ ostilità u waqt li kienet għaddejja kampanja kontinwa taʼ malafama mill-mezzi tax-xandir kontra x-Xhieda taʼ Jehovah maʼ Franza kollha, inħass li x-Xhieda Franċiżi kollha kellu jkollhom sehem f’li jiċċelebraw din ir-rebħa. Minħabba f’hekk, nhar il-Ħadd, 16 taʼ Novembru, ġiet organizzata laqgħa speċjali bit-tema “Ibqaʼ fl-Imħabba taʼ Kristu,” fil-Villepinte Exhibition Center, li jinsab ftit ’il fuq minn Pariġi. Ġew mistednin ix-Xhieda taʼ Jehovah kollha taʼ Franza flimkien maʼ Xhieda li jitkellmu bil-Franċiż mill-Belġju u mill-Isvizzera, kif ukoll xi kongregazzjonijiet mill-Britannja, mill-Ġermanja, mill-Lussemburgu, u mill-Olanda.
Laqgħa Storika
Il-preparazzjonijiet għal-laqgħa bdew minn sitt xhur qabel. Imbagħad, ħmistax biss qabel id-dedikazzjoni, is-sewwieqa tat-trakkijiet Franċiżi għamlu strajk, u b’hekk imblokkaw it-toroq ewlenin u l-provvisti tal-fjúwil. Kienu se jaslu fil-ħin is-siġġijiet u xi tagħmir ieħor li kellu jasal? Kienu r-rowdblokks se jżommuhom lura lill-aħwa milli jiġu? B’xorti tajba għal kulħadd, l-istrajk intemm fi żmien ġimgħa, u t-toroq reġgħu nfetħu għat-traffiku. Il-Ġimgħa fil-għaxija qabel il-wikend tad-dedikazzjoni, ġew użati 38 trakk biex jieħdu 84,000 siġġu fiż-żewġ swali spazjużi li ġew mikrijin għall-okkażjoni. Iktar minn 800 ħu u oħt ħadmu bla heda matul il-lejl sad-disgħa u nofs tas-Sibt fil-għodu biex jinstallaw is-siġġijiet, il-pletform, it-tagħmir tas-sawnd, u disaʼ vidjo skrins ġganteski.
Il-Ħadd fis-6:00 a.m. nfetħu l-bibien, u l-folol bdew deħlin. B’kollox kien hemm 17-il ferrovija li nkrew għall-okkażjoni u dawn ġabu iktar minn 13,000 Xhud lejn il-belt kapitali. ’Il fuq minn mitejn ħu u oħt lokali kienu fl-istazzjonijiet tal-ferrovija biex jilqgħu lill-vjaġġaturi u biex jakkumpanjawhom fi gruppi lejn il-post fejn kienet se tinżamm il-konvenzjoni. Waħda oħt qalet li permezz taʼ dan l-arranġament taʼ mħabba “ħassewhom siguri u komdi.”
Oħrajn ġew Pariġi bl-ajruplan jew bil-karozza. Il-maġġuranza, iżda, ġew f’953 karozza tal-linja, fil-waqt li x-Xhieda mill-inħawi taʼ Pariġi wżaw it-trasport pubbliku biex jivvjaġġaw sa l-Exhibition Center. Ħafna kienu ilhom jivvjaġġaw il-lejl kollu jew kienu telqu minn djarhom kmieni ħafna fil-għodu, imma kulħadd setaʼ jara x’eċċitament kellhom għax kienu se jattendu għal din il-laqgħa. Ħbieb li kienu ilhom snin ma jaraw lil xulxin bdew jgħajtu bil-ferħ u jitgħannqu kordjalment x’ħin reġgħu ltaqgħu. Il-kostumi nazzjonali kkuluriti taw lill-folla ferriħija dehra internazzjonali. Bla dubju, kienet se tiġri xi ħaġa straordinarja.
Sa ma wasal biex jibda l-programm, fl–10:00 a.m., ma kienx fadal iktar postijiet vojti, u madankollu, kienu għadhom qed jaslu mijiet taʼ nies kull minuta. Kulfejn tħares, kont tistaʼ tara ħafna wċuħ daħkana. Eluf baqgħu bil-wieqfa jew inkella qagħdu bil-qiegħda fuq l-art tal-konkos. Fl-ispirtu tat-tema taʼ l-assemblea, ħafna żgħażagħ qagħdu bil-wieqfa ħalli jkunu jistgħu joqogħdu bil-qiegħda dawk imdaħħlin fiż-żmien. “Kemm konna ferħanin li ċedejna postna lil aħwa li ma konniex nafuhom, imma li huma tant għeżież għalina!” kitbet koppja. Ħafna wrew attitudni mill-aħjar taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom: “Qgħadna bil-wieqfa l-ġurnata kollha ħdejn is-siġġijiet li konna għenna biex jiġu rranġati f’posthom il-Ġimgħa bil-lejl. Imma l-fatt biss li konna preżenti, ġagħalna nimtlew bil-gratitudni lejn Jehovah.”
Minkejja l-għeja jew l-iskomdu, id-delegati qagħdu jisimgħu b’attenzjoni sħiħa r-rapporti minn pajjiżi oħrajn u t-taħditiet minn Lloyd Barry u Daniel Sydlik, li huwa wkoll membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. Ħuna Barry żviluppa s-suġġett “Jehovah Jagħmel is-Setgħa Sħiħa Toktor,” u enfasizza ferm kif Jehovah bierek lill-poplu tiegħu b’żjieda minkejja diversi provi. It-taħdita taʼ Ħuna Sydlik kienet intitolata “Hieni Huwa l-Poplu li Alla Tiegħu Hu Jehovah!” Iż-żewġ taħditiet kienu partikolarment f’waqthom meta tqis l-oppożizzjoni li qed jiffaċċjaw fil-preżent ix-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza. Ħuna Sydlik wera li l-hena veru ma jiddependix fuq fatturi esterni imma fuq ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah u l-attitudni tagħna lejn il-ħajja. Il-mistoqsija tiegħu lill-udjenza, “Intom ferħanin?” ġiet imwieġba b’applaws li jtarrxek.
Waħda oħt li kienet “tilfet il-ferħ tagħha” wara kitbet: “F’daqqa waħda rrealizzajt li kien possibbli għalija li nikseb il-ferħ. Kont qiegħda nidderieġi l-isforzi tiegħi ħażin, u permezz taʼ din it-taħdita, Jehovah wrieni b’liema mod kelli bżonn ninbidel.” Ħu ieħor stqarr: “Issa rrid nissielet biex inferraħ qalb Jehovah. Ma rrid inħalli xejn ineħħili l-ferħ li qed inħoss fil-fond taʼ qalbi.”
Hekk kif il-laqgħa qorbot lejn it-tmiem, kien b’entużjażmu kbir li ċ-ċêrmen ħabbar l-attendenza: 95,888—l-akbar laqgħa tax-Xhieda taʼ Jehovah li qatt saret fi Franza!
Wara l-għanja taʼ l-għeluq, li ħafna kantawha bi dmugħ taʼ ferħ f’għajnejhom, u t-talba taʼ l-għeluq, l-aħwa telqu għall-vjaġġ lura lejn id-dar b’kull xorta taʼ emozzjonijiet. L-atmosfera kordjali u taʼ ħbiberija li kien hemm waqt il-laqgħa kienet xi ħaġa li kulħadd setaʼ jinduna biha. Ix-xufiera tal-karozzi tal-linja għamlu ħafna kummenti pożittivi dwar l-attitudni tad-delegati. Baqgħu impressjonati wkoll bl-organizzar li għamilha possibbli għad-953 karozza tal-linja kollha biex jitilqu mill-Exhibition Center f’temp taʼ sagħtejn mingħajr ma ġġammja t-traffiku mqar darba! Il-kondotta tad-delegati kienet apprezzata ħafna wkoll minn dawk li jaħdmu fuq il-ferrovija u fit-trasport pubbliku. Dan irriżulta f’ħafna diskussjonijiet tajbin, u ngħatat xiehda tajba.
“Oasi fid-Deżert”
L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb. . . . Agħmlu l-qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-Jum.” (Lhud 10:24, 25) Ċertament, din il-laqgħa speċjali kienet sors taʼ inkuraġġiment kbir għal kulħadd, “oasi fid-deżert”, bħalma ddeskrivietha waħda oħt. “Tlaqna minn hemmhekk imsaħħin, inkuraġġiti, mibnijin, u ddeterminati iktar minn qatt qabel biex inkunu ferħanin fis-servizz taʼ Jehovah,” kitbu l-aħwa mill-fergħa taʼ Togo. “Dawk li kienu qalbhom sewda marru d-dar ferħanin,” qal indokratur tas-circuit. “L-aħwa mtlew bil-ħeġġa u ġew imqanqlin biex jaġixxu,” stqarr ieħor. “Qatt qabel ma konna nħossuna daqshekk qrib taʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah,” ġiet imqanqla biex tikteb koppja.
“Jien b’riġli wieqaf fil-wita; fil-ġemgħat, Mulej, lilek inbierek,” iddikjara s-salmista. (Salm 26:12) Laqgħat Kristjani bħal dawn jgħinu lilna lkoll biex nerġgħu nieqfu sodi fuq saqajna spiritwalment meta niffaċċjaw l-ostakli. “Ikunu x’ikunu t-tribulazzjonijiet,” ikkonfermat waħda oħt, “dawn il-mumenti straordinarji ġew imnaqqxin fil-fond taʼ qalbna u dejjem se jkunu hemm biex ifarrġuna.” Bl-istess ħsieb f’moħħu, wieħed indokratur li jivvjaġġa kiteb: “Meta niffaċċjaw żminijiet diffiċli, il-memorja taʼ meta doqna bil-quddiem kif se tkun il-Ġenna se tgħinna biex inkampaw magħhom.”
“Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli, agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa,” iħeġġeġ Salm 96:7. Bla dubju, id-dedikazzjoni tal-faċilitajiet ġodda tal-fergħa fi Franza hija rebħa kbira għal Jehovah li se tibqaʼ tissemma. Hu biss setaʼ għamilha possibbli li jitlesta dan il-proġett minkejja daqstant oppożizzjoni ddeterminata u mifruxa. Ix-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza huma ddeterminati iktar minn qatt qabel li ‘jibqgħu fl-imħabba taʼ Kristu’ u li jħallu ‘d-dawl tagħhom jiddi.’ (Ġwann 15:9; Mattew 5:16) Dawk kollha li attendew għall-programm tad-dedikazzjoni jħossuhom eżatt kif ħassu s-salmista: “Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa taʼ l-għaġeb f’għajnejna.”—Salm 118:23.
[Stampa f’paġna 26]
Lloyd Barry
[Stampa f’paġna 26]
Daniel Sydlik
[Stampa f’paġna 26]
95,888 attendew għall-programm speċjali fil-Villepinte Exhibition Center
[Stampi f’paġna 28]
Eluf minn dawk li attendew qagħdu bil-wieqfa jew bil-qiegħda fl-art biex jisimgħu