Attenti Minn Nuqqas taʼ Fidi
“Ħuti, araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin li jwassal għall-firda minn Alla l-ħaj.”—LHUD 3:12.
1. Il-kliem taʼ Pawlu lill-Kristjani Lhud liema realtà li twerwer jiġbed għall-attenzjoni tagħna?
XI ĦSIEB tal-biżaʼ—nies li darba kienu jgawdu relazzjoni persunali maʼ Jehovah jistgħu jiżviluppaw “qalb imħassra” u ‘jinfirdu minn Alla l-ħaj’! U kemm hija twissija qawwija din! Dan il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu kien indirizzat, mhux lil xi nies inkreduli, imma lil nies li kienu ddedikaw ħajjithom lil Jehovah fuq il-bażi tal-fidi fis-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù Kristu.
2. Liema mistoqsijiet jeħtieġ li nikkunsidraw?
2 Kif qatt jistaʼ xi ħadd fi stat spiritwali mbierek bħal dan jiżviluppa “qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin”? Tabilħaqq, kif jistaʼ xi ħadd li daq mill-imħabba u l-ħniena mhix mistħoqqa t’Alla jitbiegħed minnu deliberatament? U jistaʼ dan jiġri lilna? Dawn huma ħsibijiet li jġagħluna nidħlu f’qoxritna, u huwa fl-interess tagħna li naraw ir-raġuni għala ngħatat din it-twissija.—1 Korintin 10:11.
Għala Parir Daqshekk Iebes?
3. Iddeskrivi ċ-ċirkustanzi li kienu jeffettwaw lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu f’Ġerusalemm u madwarha.
3 Jidher li Pawlu indirizza l-ittra tiegħu lill-Kristjani Lhud fil-Ġudea fis-sena 61 E.K. Wieħed storjografu osserva li dan kien żmien meta “ma kien hemm ebda paċi jew sigurtà għall-ebda bniedem serju u onest, la fil-belt taʼ Ġerusalemm u lanqas xi mkien ieħor mal-provinċja kollha.” Kien żmien taʼ ksur il-liġi u vjolenza, imqanqlin b’taħlita tal-preżenza militari Rumana oppressiva, tat-taparsi bravura taż-Żelaturi Lhud kontra Ruma, u l-attivitajiet kriminali taʼ ħallelin li ħadu vantaġġ miż-żminijiet imħawdin. Dan kollu għamel l-affarijiet diffiċli ferm għall-Kristjani, li pprovaw iebes biex ma jiġux involuti f’dawn il-kwistjonijiet. (1 Timotju 2:1, 2) Fil-fatt, minħabba l-pożizzjoni newtrali tagħhom, huma kienu meqjusin minn xi wħud bħala li kienu kontra s-soċjetà, saħansitra bħala sedizjusi. Il-Kristjani kienu spiss stmati ħażin, u batew telf persunali.—Lhud 10:32-34.
4. Il-Kristjani Lhud għal liema pressjoni taʼ natura reliġjuża ġew suġġetti?
4 Kristjani Lhud kienu wkoll taħt pressjoni intensa taʼ natura reliġjuża. Iż-żelu tad-dixxipli leali taʼ Ġesù u l-espansjoni mgħaġġla tal-kongregazzjoni Kristjana li rriżultat minn dan, ipprovokaw l-għira u l-korla tal-Lhud—speċjalment tal-mexxejja reliġjużi tagħhom. Dawn kienu jagħmlu minn kollox biex jattakkaw u jippersegwitaw lis-segwaċi taʼ Ġesù Kristu.a (Atti 6:8-14; 21:27-30; 23:12, 13; 24:1-9) Anki jekk xi Kristjani ma kinux jiġu ppersegwitati direttament, xorta waħda, kienu jintwerew stmerrija u jiġu rridikolati mil-Lhud. Il-Kristjanità kienet mistmerra bħala xi reliġjon ġdida li ma kellhiex l-isplendur tal-Ġudaiżmu, peress li ma kellha ebda tempju, ebda saċerdozju, ebda festi, ebda sagrifiċċji formali, eċċ. Saħansitra l-mexxej tagħhom, Ġesù, ngħata l-mewt bħala kriminal ikkundannat. Biex jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom, il-Kristjani ried ikollhom fidi, kuraġġ, u sabar fit-tul.
5. Għala kien essenzjali għall-Kristjani fil-Ġudea li jibqgħu attenti spiritwalment?
5 Fuq kollox, il-Kristjani Lhud fil-Ġudea kienu qed jgħixu fi żmien kruċjali fl-istorja taʼ dak il-ġens. Ħafna affarijiet li l-Mulej tagħhom, Ġesù Kristu, qal li kellhom jimmarkaw it-tmiem tas-sistema Lhudija kienu, diġà seħħew. It-tmiem ma setax ikun wisq ’il bogħod. Biex jibqgħu ħajjin, il-Kristjani riedu jibqgħu attenti spiritwalment u jkunu lesti biex ‘jaħarbu lejn l-għoljiet.’ (Mattew 24:6, 15, 16) Kien se jkollhom il-fidi u s-saħħa spiritwali meħtieġa biex jieħdu azzjoni immedjata, bħalma kien indikalhom Ġesù? Jidher li kien hemm xi dubju.
6. Il-Kristjani fil-Ġudea x’kienu jeħtieġu b’urġenza?
6 Matul l-aħħar għaxar snin qabel ix-xoljiment tas-sistema t’affarijiet Lhudija kollha kemm hi, Kristjani Lhud kienu biċ-ċar taħt pressjoni qawwija kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-kongregazzjoni. Kellhom bżonn taʼ l-inkuraġġiment. Imma kellhom bżonn ukoll pariri u direzzjoni biex jgħinuhom jaraw li l-korsa li kienu għażlu kienet it-tajba u li ma kinux sofrew u ssaportew għalxejn. B’ferħ, Pawlu laqaʼ l-isfida u tahom l-għajnuna.
7. Għala għandna nkunu interessati f’dak li Pawlu kiteb lill-Kristjani Lhud?
7 Dak li Pawlu kiteb lill-Kristjani Lhud għandu jkun taʼ interess kbir għalina. Għala? Għax aħna qed ngħixu fi żmien li hu parallel maʼ tagħhom. Kuljum inħossu pressjonijiet mid-dinja li qiegħda taħt il-kontroll taʼ Satana. (1 Ġwann 5:19) Quddiem għajnejna qed naraw jitwettqu l-profeziji taʼ Ġesù u l-appostli rigward l-aħħar jiem u “tmiem id-dinja.” (Mattew 24:3-14; 2 Timotju 3:1-5; 2 Pietru 3:3, 4; Apokalissi 6:1-8) Fuq kollox, għandna bżonn nibqgħu attenti spiritwalment sabiex ‘inkunu nifilħu ngħaddu minn kull ma għandu jiġri.’—Luqa 21:36.
Wieħed Akbar minn Mosè
8. Billi qal dak li huwa ddokumentat f’Lhud 3:1, Pawlu x’kien qed iħeġġeġ lill-Kristjani sħabu biex jagħmlu?
8 Waqt li semma punt vitali, Pawlu kiteb: “Aħsbu f’Ġesù [“Ikkunsidraw lil,” NW], l-appostlu u l-qassis il-kbir tar-reliġjon li aħna nistqarru.” (Lhud 3:1) Li “tikkunsidra” jfisser li “tagħraf b’mod ċar . . . , tifhem għalkollox, tikkunsidra mill-qrib.” (Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words) B’hekk, Pawlu kien qed iħeġġeġ lill-kredenti sħabu biex jagħmlu sforz diliġenti sabiex jaslu għal apprezzament veru taʼ l-irwol li Ġesù kellu fil-fidi u s-salvazzjoni tagħhom. Li jagħmlu dan kien se jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħhom biex jibqgħu sodi fil-fidi. X’kien, mela, l-irwol taʼ Ġesù, u għala għandna ‘nikkunsidrawh’?
9. Pawlu għala rrefera għal Ġesù bħala “appostlu” u “qassis il-kbir”?
9 Pawlu applika għal Ġesù t-termini “appostlu” u “qassis il-kbir.” “Appostlu” hu xi ħadd mibgħut u hawn għandu x’jaqsam mal-mezz t’Alla kif jikkomunika maʼ l-umanità. “Qassis il-kbir” hu xi ħadd li permezz tiegħu l-bnedmin jistgħu javviċinaw lil Alla. Dawn iż-żewġ provvedimenti huma essenzjali għall-qima vera, u Ġesù jimliehom it-tnejn. Hu dak li kien mibgħut mis-sema biex jgħallem lill-umanità l-verità dwar Alla. (Ġwann 1:18; 3:16; 14:6) Ġesù hu wkoll il-wieħed maħtur bħala l-Qassis il-Kbir antitipiku fl-arranġament tat-tempju spiritwali taʼ Jehovah għall-maħfra tad-dnubiet. (Lhud 4:14, 15; 1 Ġwann 2:1, 2) Jekk verament napprezzaw il-barkiet li nistgħu niksbu permezz taʼ Ġesù, aħna se jkollna l-kuraġġ u d-determinazzjoni li nibqgħu sodi fil-fidi.
10. (a) Pawlu kif għen lill-Kristjani Lhud biex japprezzaw is-superjorità tal-Kristjanità fuq il-Ġudaiżmu? (b) Pawlu liema verità universali semma biex isaħħaħ il-punt tiegħu?
10 Biex jenfasizza l-valur tal-fidi Kristjana, Pawlu qabbel lil Ġesù maʼ Mosè, li l-Lhud kienu jqisuh bħala l-akbar profeta fost l-antenati tagħhom. Jekk il-Kristjani Lhud setgħu jifhmu b’qalbhom kollha l-fatt li Ġesù hu akbar minn Mosè, ma kienx ikollhom għalfejn jiddubitaw is-superjorità tal-Kristjanità fuq il-Ġudaiżmu. Pawlu indika li filwaqt li Mosè kien meqjus denju li jkun fdat bid-“dar” t’Alla—il-ġens, jew kongregazzjoni, taʼ Iżrael—hu kien biss assistent, jew qaddej leali. (Numri 12:7) Mill-banda l-oħra, Ġesù kien l-Iben, is-sid fuq id-dar. (1 Korintin 11:3; Lhud 3:2, 3, 5) Biex isaħħaħ il-punt li qajjem, Pawlu semma din il-verità universali: “Kull dar jibniha xi ħadd, imma Alla jibni kollox hu.” (Lhud 3:4) Ħadd m’hu se jargumenta li Alla hu akbar minn kulħadd, għax hu l-Bennej, jew Ħallieq, taʼ kollox u kulħadd. Loġikament, mela, ladarba Ġesù kien ħaddiem bi sħab m’Alla, bilfors li hu akbar mill-ħlejjaq l-oħrajn kollha, inkluż Mosè.—Proverbji 8:30; Kolossin 1:15-17.
11, 12. Pawlu maʼ liema ħaġa ħeġġeġ lill-Kristjani Lhud biex iżommu “sodi sat-tmiem,” u kif nistgħu napplikaw il-parir tiegħu?
11 Verament, il-Kristjani Lhud kienu f’pożizzjoni ferm iffavorita. Pawlu fakkarhom li huma ‘kellhom sehem fis-sejħa tas-sema,’ privileġġ li kellhom jgħożżu iktar minn kwalunkwe ħaġa li setgħet toffrilhom is-sistema Lhudija. (Lhud 3:1) Kliem Pawlu żgur li ġagħalhom iħossuhom grati lil dawk il-Kristjani midlukin li kienu f’pożizzjoni li jirċievu wirt ġdid minflok ma jiddispjaċihom li kienu ħallew warajhom affarijiet konnessi mal-wirt Lhudi tagħhom. (Filippin 3:8) Waqt li ħeġġiġhom iżommu sod mal-privileġġ tagħhom u biex jistmawh kif jixraq, Pawlu qal: “Kristu kien fidil fuq id-dar tiegħu [t’Alla] bħala iben. U d-dar taʼ Alla hi aħna, kemm-il darba nżommu sħaħ il-fiduċja u t-tama li bihom niftaħru [“sodi sat-tmiem,” NW].”—Lhud 3:6.
12 Iva, jekk il-Kristjani Lhud riedu jibqgħu ħajjin fil-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet Lhudija li kienet riesqa, huma riedu jibqgħu jżommu mat-tama tagħhom mogħtija minn Alla “sodi sat-tmiem.” Aħna rridu nagħmlu l-istess illum jekk irridu nibqgħu ħajjin fit-tmiem taʼ din is-sistema. (Mattew 24:13) Ma rridux inħallu l-ansjetajiet tal-ħajja, l-apatija tan-nies, jew it-tendenzi imperfetti tagħna stess iġagħluna nċedu l-fidi tagħna fil-wegħdi t’Alla. (Luqa 21:16-19) Sabiex naraw kif nistgħu nsaħħu lilna nfusna, ejjew nagħtu attenzjoni għal dak li jissokta jgħid Pawlu.
“La Twebbsux Qalbkom”
13. Pawlu liema twissija ta, u kif applikah Salm 95?
13 Wara li kkunsidra l-pożizzjoni ffavorita tal-Kristjani Lhud, Pawlu ta din it-twissija: “Kif jgħid l-Ispirtu s-Santu: ‘Jekk illum tisimgħu leħnu, la twebbsux qalbkom bħal f’jum l-irvell, jum it-tiġrib fid-deżert.’” (Lhud 3:7, 8) Pawlu kien qed jikkwota minn Salm 95, u għalhekk setaʼ jgħid, “jgħid l-Ispirtu s-Santu.”b (Salm 95:7, 8; Eżodu 17:1-7) L-Iskrittura hija ispirata minn Alla permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu.—2 Timotju 3:16.
14. L-Iżraeliti kif wieġbu għal dak li Jehovah kien għamel għalihom, u għala?
14 Wara li nħelsu mill-jasar fl-Eġittu, l-Iżraeliti ngħataw l-unur kbir li jidħlu f’relazzjoni taʼ patt maʼ Jehovah. (Eżodu 19:4, 5; 24:7, 8) Madankollu, minflok ma wrew apprezzament għal dak li Alla kien għamel magħhom, huma malajr aġixxew b’mod ribelluż. (Numri 13:25–14:10) Dan kif setaʼ ġara? Pawlu indika l-kawża: it-twebbis taʼ qlubhom. Imma qlub li huma sensittivi u li jwieġbu għall-Kelma t’Alla kif jitwebbsu? U x’irridu nagħmlu biex dan nevitawh?
15. (a) Kif instemaʼ ‘l-leħen t’Alla stess,’ fil-passat u fil-preżent? (b) Liema mistoqsijiet għandna bżonn nistaqsu lilna nfusna rigward ‘leħen Alla’?
15 Pawlu beda t-twissija tiegħu bil-klawsola proviżorja “jekk illum tisimgħu leħnu.” Alla kellem lill-poplu tiegħu permezz taʼ Mosè u profeti oħrajn. Imbagħad, Jehovah kellimhom permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. (Lhud 1:1, 2) Illum, għandna l-Kelma ispirata t’Alla kompleta, il-Bibbja Mqaddsa. Għandna wkoll “l-irsir leali u diskret,” maħtur minn Ġesù biex jipprovdi ‘l-ikel spiritwali fiż-żmien xieraq.’ (Mattew 24:45-47, NW) B’hekk, Alla għadu qed jitkellem. Imma qegħdin aħna nagħtu widen? Per eżempju, kif inwieġbu għal pariri dwar l-ilbies u d-dehra tagħna jew dwar l-għażla taʼ divertiment u mużika? ‘Nisimgħu’ aħna, jiġifieri, nagħtu kas u nobdu dak li nisimgħu? Jekk għandna d-drawwa li nġibu l-iskużi jew li noġġezzjonaw għall-pariri, inkunu qegħdin nesponu lilna nfusna għall-periklu sottili taʼ li nwebbsu qalbna.
16. Liema hu mod wieħed li bih jistgħu jitwebbsu qlubna?
16 Qlubna jistgħu jitwebbsu wkoll jekk inżommu lura milli nagħmlu dak li nistgħu u li suppost qed nagħmlu. (Ġakbu 4:17) Minkejja dak kollu li Jehovah għamel għalihom, l-Iżraeliti naqsu li jeżerċitaw fidi, irribellaw kontra Mosè, għażlu li jemmnu rapport ħażin dwar Kangħan, u rrifjutaw li jidħlu fl-Art Imwiegħda. (Numri 14:1-4) Jehovah għalhekk qatagħhielhom li kellhom iqattgħu 40 sena fix-xagħri—żmien biżżejjed biex imutu l-membri żleali taʼ dik il-ġenerazzjoni. Iddiżgustat bihom, Alla qal: “‘Dawn dejjem mitlufin f’qalbhom; huma ma għarfux triqati.’ Hekk ħlift waqt il-korla tiegħi: ‘Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi.’” (Lhud 3:9-11) Naraw f’dan kollu lezzjoni għalina?
Lezzjoni Għalina
17. L-Iżraeliti għala kienu neqsin mill-fidi avolja raw l-għemejjel setgħanin taʼ Jehovah u semgħu l-pronunzji tiegħu?
17 Il-ġenerazzjoni taʼ Iżraeliti li ħarġu mill-Eġittu raw b’għajnejhom stess u semgħu b’widnejhom stess l-għemejjel setgħanin u l-pronunzji taʼ Jehovah. Xorta waħda, huma ma kellhomx fidi li Alla setaʼ jdaħħalhom salvi fl-Art Imwiegħda. Għala? “Huma ma għarfux triqati,” qal Jehovah. Kienu jafu x’kien qal u x’kien għamel Jehovah, imma ma kinux żviluppaw kunfidenza u fiduċja fl-abbiltà tiegħu li jieħu ħsiebhom. Tant kienu ossessjonati dwar il-ħtiġijiet persunali u x-xewqat tagħhom li ftit li xejn ħasbu dwar it-triqat u l-iskop t’Alla. Iva, kienu neqsin mill-fidi fil-wegħda tiegħu.
18. Skond Pawlu, liema korsa taʼ azzjoni se tirriżulta f’“qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin”?
18 Dan il-kliem li ġej li ntqal lil-Lhud japplika bl-istess qawwa għalina wkoll: “Ħuti, araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin li jwassal għall-firda minn Alla l-ħaj.” (Lhud 3:12) Pawlu laħaq l-għeruq tal-kwistjoni billi indika li “qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin” hija r-riżultat taʼ “firda minn Alla l-ħaj.” Kmieni f’din l-ittra, hu tkellem dwar li “nitbiegħdu” minħabba nuqqas taʼ attenzjoni. (Lhud 2:1) Madankollu, it-terminu Grieg tradott “firda” jfisser “iżżomm ’il bogħod” u huwa rrelatat mal-kelma “apostasija.” Dan jindika reżistenza, żamma lura, u abbandunar apposta u konxju, b’nota taʼ stmerrija miżjuda miegħu.
19. Li nonqsu li nagħtu widen għall-pariri kif jistaʼ jwassal għal konsegwenzi serji? Agħti eżempji.
19 Għalhekk, il-lezzjoni hi li jekk naqgħu fid-drawwa li nonqsu li ‘nisimgħu leħnu,’ billi ninjoraw il-pariri mingħand Jehovah permezz tal-Kelma tiegħu u tal-klassi taʼ l-irsir leali, ma jdumux qlubna ma jsiru bla sentimenti, jitwebbsu. Per eżempju, koppja mhix miżżewġa, għandhom mnejn isiru xi ftit intimi iżżejjed. Xi ngħidu jekk dawn sempliċement jinjoraw il-kwistjoni? Se jipproteġihom milli jirrepetu dak li għamlu, jew se jagħmlu eħfef għalihom li jirrepetuh? Bl-istess mod, meta l-klassi taʼ l-irsir toffri pariri dwar il-ħtieġa li nkunu selettivi fl-għażla tagħna taʼ mużika u divertiment, eċċ., naċċettawhom bi gratitudni u nagħmlu aġġustamenti fejn ikun hemm bżonn? Pawlu ħeġġiġna biex “ma ninqatgħux mill-laqgħat tagħna flimkien.” (Lhud 10:24, 25) Minkejja dan il-parir, xi wħud għandhom ħarsa indifferenti lejn il-laqgħat Kristjani. Forsi jaħsbu li jekk jimmissjaw xi ftit minnhom jew saħansitra jeliminaw ċerti laqgħat għalkollox mhux se jagħmel differenza.
20. Għala huwa essenzjali li nwieġbu b’mod pożittiv għall-pariri Skritturali?
20 Jekk ma nwiġbux b’mod pożittiv għal ‘leħen’ Jehovah, espress b’mod ċar fl-Iskrittura u f’pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, malajr insibu ruħna ‘mifrudin minn Alla l-ħaj.’ Li wieħed jinjora b’mod passiv il-pariri malajr jistaʼ jwassal għal li b’mod attiv iċekkinhom, jikkritikahom, u jirreżistihom. Jekk dan ma jiġix ikkoreġut, ir-riżultat ikun “qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin,” u fejqan minn korsa bħal din normalment huwa diffiċli ferm. (Qabbel Efesin 4:19.) Ġeremija bix-xieraq kiteb: “Qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha?” (Ġeremija 17:9) Għal din ir-raġuni, Pawlu ħeġġeġ lill-kredenti sħabu Lhud: “Agħmlu l-qalb lil xulxin kull jum, sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu ‘illum’, biex ħadd minnkom ma jiġġarraf mid-dnub u jwebbes qalbu.”—Lhud 3:13.
21. Ilkoll kemm aħna liema ħaġa mħeġġin nagħmlu, u xi prospetti għandna?
21 Kemm aħna ferħanin li Jehovah għadu jkellimna llum, permezz tal-Kelma tiegħu u l-organizzazzjoni tiegħu! Aħna grati li “l-irsir leali u diskret” għadu jgħinna biex “inżommu sħiħa sa l-aħħar it-tama li kellna fil-bidu.” (Lhud 3:14) Issa huwa ż-żmien biex aħna nwieġbu għall-imħabba u d-direzzjoni t’Alla. Waqt li nagħmlu dan, nistgħu ngawdu wegħda oħra mill-wegħdi taʼ l-għaġeb taʼ Jehovah—dik li “nidħlu” fil-mistrieħ tiegħu. (Lhud 4:3, 10) Dan huwa s-suġġett li Pawlu jgħaddi biex jiddiskuti mal-Kristjani Lhud, u huwa wkoll dak li se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Josefus irrapporta li ftit wara l-mewt taʼ Festus, Ananus (Ananija) mis-setta tas-Sadduċej sar qassis il-kbir. Hu ġab lil Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm, u xi dixxipli oħrajn quddiem is-Sinedriju u tahom il-kundanna tal-mewt u ġagħal li jiġu mħaġġrin.
b Pawlu evidentement ikkwota mis-Settanta Griega, li tittraduċi l-Lhudi għal “Meriba” u “Massa” bħala “argumentar” u “tiġrib” rispettivament. Ara paġni 350 u 379 fit-Tieni Volum taʼ l-Insight on the Scriptures, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Pawlu għala kiteb pariri daqstant ibsin lill-Kristjani Lhud?
◻ Pawlu kif għen lill-Kristjani Lhud japprezzaw li kellhom xi ħaġa aħjar mill-ħajja taħt il-Ġudaiżmu?
◻ Qalb taʼ individwu kif titwebbes?
◻ X’irridu nagħmlu biex nevitaw li niżviluppaw “qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin”?
[Stampa f’paġna 10]
Qiegħed teżerċita fidi f’Ġesù, Mosè Akbar?