Mietet Marija b’Kawżi Naturali?
SKOND il-gazzetta Vatikana L’Osservatore Romano, id-duttrina Kattolika taʼ l-Assunzjoni tiddikjara: “Il-Verġni Immakulata, ħielsa minn kull tebgħa tad-dnub tan-nisel, ġiet imtellaʼ bir-ruħ u l-ġisem fil-glorja tas-sema, wara li ntemmet ħajjitha fid-dinja.” Dan it-tagħlim wassal lil xi teologi Kattoliċi biex isostnu li Marija “ma mitetx u li immedjatament ġiet imqajma minn ħajja fid-dinja għall-glorja fis-sema,” tgħid il-gazzetta.a
Dan l-aħħar, il-Papa Ġwanni Pawlu II xeħet dawl differenti fuq din il-kwistjoni. Fl-Udjenza Ġenerali fil-Vatikan nhar il-25 taʼ Ġunju, 1997, hu qal: “It-Testment il-Ġdid ma jipprovdi l-ebda informazzjoni fuq iċ-ċirkustanzi tal-mewt taʼ Marija. Dan is-silenzju jwassal lil dak li jkun biex jissoponi li din ġrat b’mod naturali, bl-ebda dettall partikulari taʼ min isemmih. . . . L-opinjonijiet li jixtiequ jeskluduha minn mewta b’kawżi naturali jidhru li m’għandhomx bażi.”
L-istqarrija tal-Papa Ġwanni Pawlu tiftaħ xaqq kbir fid-domma tal-Kunċizzjoni Immakulata. Jekk omm Ġesù kienet “ħielsa minn kull tebgħa tad-dnub tan-nisel,” kif setgħet Marija tmut “b’kawżi naturali” li jirriżultaw mid-dnub li ġie mgħoddi mill-midneb Adam? (Rumani 5:12) Din id-dilemma teoloġika hija minħabba l-ħarsa mgħawġa li l-Knisja Kattolika għandha dwar omm Ġesù. M’hix ħaġa kbira, allura, li qamet firda u konfużjoni fuq din il-kwistjoni fil-Knisja Kattolika.
Filwaqt li l-Bibbja tiddeskrivi lil Marija bħala li kienet umlija, leali, u devota, ma tattribwixxix dawn il-kwalitajiet lil xi “kunċizzjoni immakulata.” (Luqa 1:38; Atti 1:13, 14) Il-Bibbja tgħid sempliċement: “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla.” (Rumani 3:23) Iva, Marija wirtet id-dnub u l-imperfezzjoni bħall-bqija taʼ l-umanità, u m’hemm l-ebda evidenza li tagħti prova li hi ma mitetx b’kawżi naturali.—Qabbel l-1 Ġwann 1:8-10.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “The Assumption—A Dogma Revealed by God?” (L-Assunzjoni—Domma Rrivelata minn Alla?) fil-Watchtower tal-15 taʼ Frar, 1994, paġni 26-9.