LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 8/15 pp. 3-4
  • Għala Hawn Kriżi f’Dik li Hi Fiduċja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Hawn Kriżi f’Dik li Hi Fiduċja?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sinjal taż-​Żminijiet
  • Il-Fiduċja Tistaʼ Tinkiseb mill-Ġdid!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Insaħħu l-Fiduċja Tagħna fit-Tjieba t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Jehovah Għandu Jkun il-Fiduċja Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama
    Kanta mill-qalb lil Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 8/15 pp. 3-4

Għala Hawn Kriżi f’Dik li Hi Fiduċja?

‘TISTAʼ tafda lil xi ħadd illum il-​ġurnata?’ Forsi ġie li smajt lil xi ħadd frustrat jistaqsi din il-​mistoqsija. Jew forsi staqsejtha int stess meta ħassejtek imħawwad minħabba xi ħaġa li ġratlek f’ħajtek.

Ħadd ma jistaʼ jiċħad li fid-​dinja llum hawn nuqqas taʼ fiduċja fl-​istituzzjonijiet u f’nies oħrajn. Taʼ spiss, dan in-​nuqqas taʼ fiduċja huwa ġġustifikat. Hawn xi ħadd li verament jemmen li l-​biċċa l-​kbira tal-​politikanti se jżommu l-​wegħdi kollha li jkunu għamlu qabel l-​elezzjoni? Stħarriġ li sar fl-​1990 maʼ 1,000 student fil-​Ġermanja wera li fil-​waqt li 16.5 fil-​mija minnhom kienu fiduċjużi li l-​politikanti setgħu jsolvu l-​problemi dinjin, id-​doppju tagħhom esprimew dubji kbar. U l-​biċċa l-​kbira qalu li ma kellhom fiduċja la fl-​abbiltà tal-​politikanti li jsolvu l-​problemi u lanqas f’kemm huma lesti li jagħmluh dan.

Il-gazzetta Stuttgarter Nachrichten ilmentat: “Hemm wisq politikanti li għalihom l-​interessi tagħhom jiġu l-​ewwel u mbagħad, forsi, jiġu dawk tan-​nies li vvotawlhom.” Nies f’pajjiżi oħrajn jaqblu maʼ dan. Il-​gazzetta The European qalet dwar pajjiż minnhom: “Iċ-​ċiniżmu li juru ż-​żgħażagħ lejn il-​politikanti huwa msejjes fuq il-​fatti u dawk akbar minnhom jaqblu magħhom.” Din innotat li ‘l-​elettorat jivvota kull darba biex iniżżel mill-​kariga lill-​partiti politiċi.’ Il-​gazzetta kompliet tgħid: “Kulmin jagħmilha għal ftit taʼ żmien maż-​żgħażagħ [t’hemmhekk] mill-​ewwel jinnota n-​nuqqas taʼ fiduċja li għandhom u s-​sens taʼ dislokazzjoni.” Madankollu, mingħajr fiduċja mill-​pubbliku, gvern demokratiku ma tantx jimxi. John F. Kennedy, ex-president taʼ l-​Istati Uniti, darba qal: “Il-​bażi għal gvern effettiv hija l-​fiduċja tal-​pubbliku.”

Rigward il-​fiduċja fid-​dinja tal-​finanzi, ħafna huma dawk li qed jaħsbuha darbtejn minħabba sfortuni ekonomiċi u skemi li suppost kellhom jagħmluhom sinjuri malajr imma ma rnexxewx. Meta l-​ishma fis-​swieq dinjin għolew u niżlu fil-​valur bla kontroll f’Ottubru taʼ l-​1997, rivista taʼ l-​aħbarijiet tkellmet dwar “nuqqas tremend u xi kultant irrazzjonali taʼ fiduċja” u dwar “il-​kwalità li tittieħed taʼ l-​isfiduċja.” Din qalet ukoll li “l-​fiduċja tant kienet sfat fix-​xejn [f’ċertu pajjiż Asjatiku] li l-​eżistenza nfisha tar-​reġim . . . tidher mhedda.” Fil-​qosor, semmiet dak li huwa ovvju: “L-​ekonomiji jiddependu mill-​fiduċja.”

Ir-​reliġjon ukoll qiegħda tonqos li tispira l-​fiduċja. Il-​ġurnal reliġjuż Ġermaniż Christ in der Gegenwart b’sogħba jikkummenta: “Il-​livell taʼ fiduċja li l-​poplu għandu fil-​Knisja qiegħed ikompli jonqos.” Bejn l-​1986 u l-​1992, l-​għadd taʼ Ġermaniżi b’ħafna, jew għall-​inqas b’ammont sostanzjali taʼ, fiduċja fil-​knisja niżel minn 40 għal 33 fil-​mija. Fil-​fatt, f’dik li qabel kienet il-​Ġermanja tal-​Lvant, dan niżel għal inqas minn 20 fil-​mija. Mill-​banda l-​oħra, dawk in-​nies li kellhom ftit li xejn jew li ma kellhom ebda fiduċja fil-​knisja żdiedu minn 56 għal 66 fil-​mija f’dik li qabel kienet il-​Ġermanja tal-​Punent u laħqu t-​72 fil-​mija f’dik li qabel kienet il-​Ġermanja tal-​Lvant.

In-nuqqas taʼ fiduċja sar evidenti f’oqsma oħrajn minbarra fil-​politika, fil-​finanzi, u fir-​reliġjon​—it-​tliet pilastri tas-​soċjetà umana. Eżempju ieħor insibuh fl-​inforzar tal-​liġi. Toqob fil-​kodiċi kriminali, diffikultajiet f’li tiġi amministrata l-​liġi b’mod ġust, u xi deċiżjonijiet dubjużi tal-​qrati heżhżuha serjament il-​fiduċja tan-​nies. Skond ir-​rivista Time, “il-​frustrazzjonijiet taċ-​ċittadini u l-​pulizija wassluhom biex tilfu l-​fiduċja f’sistema li ripetutament teħles wara ftit lil kriminali perikolużi.” Minħabba l-​akkużi li jsiru taʼ korruzzjoni u brutalità mill-​pulizija, anki l-​fiduċja fil-​pulizija ħadet daqqa taʼ ħarta.

Rigward politika internazzjonali, taħditiet taʼ paċi li ma jwasslu għal imkien u ħafna ftehim għal waqfien mill-​ġlied li ħadd ma jagħti kasu juru li hemm nuqqas taʼ fiduċja. Bill Richardson, l-​ambaxxatur taʼ l-​Istati Uniti għall-​Ġnus Magħquda, laqat il-​musmar fuq rasu meta semma x’inhu l-​ostaklu ewlieni li jtellef milli tinkiseb il-​paċi fil-​Lvant Nofsani, billi sempliċement qal: “Hemm nuqqas taʼ fiduċja.”

Sadattant fuq livell iktar persunali, ħafna nies m’għandhomx fiduċja saħansitra fi qrabathom u fi ħbiebhom, dawk l-​istess uħud li n-​nies normalment imorru għandhom biex jifhmuhom u jfarrġuhom meta jkollhom il-​problemi. Dan jixbah ħafna s-​sitwazzjoni li ddeskriva l-​profeta Ebrew Mikea: “Tafdawx f’għajrkom, isserrħux raskom fuq il-​ħbieb. Oqgħod attent li ma tiftaħx fommok maʼ dik li tistrieħ fi ħdanek.”—Mikea 7:5.

Sinjal taż-​Żminijiet

Il-​psikologu Ġermaniż Arthur Fischer dan l-​aħħar ġie kkwotat li qal: “Il-​fiduċja fl-​iżvilupp tas-​soċjetà u fil-​futur persunali taʼ dak li jkun attwalment naqset drammatikament fl-​aspetti kollha. Iż-​żgħażagħ jiddubitaw kemm jistgħu jgħinuhom l-​istituzzjonijiet tas-​soċjetà. M’għad baqgħalhom fiduċja la fil-​politika, la fir-​reliġjon, u lanqas f’xi organizzazzjoni oħra.” M’huwiex taʼ sorpriża li s-​soċjologu Ulrich Bech jitkellem dwar “kultura taʼ dubju” lejn awtoritajiet, istituzzjonijiet, u esperti li ilhom stabbiliti.

F’kultura bħal din, in-​nies għandhom ħabta jinġibdu lura, jiċħdu kull awtorità, u jgħixu skond ma jidhrilhom huma, billi fid-​deċiżjonijiet li jieħdu ma jagħtu kas taʼ ebda parir jew direzzjoni li jagħtu oħrajn. Xi wħud isiru suspettużi żżejjed, forsi anki jiġu jaqgħu u jqumu, meta jittrattaw maʼ min huma jħossu li m’huwiex taʼ min jafdah iżjed. Din l-​attitudni ġġib magħha atmosfera perikoluża, bħalma nsibu deskritt fil-​Bibbja: “Dan għandek tkun taf: li l-​aħħar tad-​dinja jkun żmien iebes. Il-​bnedmin jingħataw għall-​imħabba tagħhom infushom u tal-​flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-​ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-​tajjeb; tradituri; bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu aktar il-​pjaċir milli ’l Alla; nies li jiċħdu l-​qawwa tat-​tjieba, minkejja li minn barra jagħmluha taʼ tajbin.” (2 Timotju 3:1-5; Proverbji 18:1) Verament, il-​kriżi li nsibu llum f’dik li hi fiduċja hija sinjal taż-​żminijiet, sinjal taʼ “l-​aħħar tad-​dinja.”

F’dinja li qiegħda ssofri minn kriżi f’dik li hi fiduċja, u mimlija nies bħal dawk deskritti hawn fuq, il-​ħajja ma tantx tistaʼ tiġi gawduta bis-​sħiħ. Imma huwa realistiku li naħsbu li l-​affarijiet se jinbidlu? Tistaʼ tiġi megħluba l-​kriżi preżenti f’dik li hi fiduċja? Jekk iva, kif u meta?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja