LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 8/15 pp. 21-24
  • Jgħixu u Jippridkaw fl-Inħawi Qrib Vulkan

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jgħixu u Jippridkaw fl-Inħawi Qrib Vulkan
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • It-​Theddida tal-​Vulkan
  • Ix-​Xhieda taʼ Jehovah Jibqgħu Attivi
  • Kif Tistaʼ Tkun Ippreparat?
  • Twissija fuq Skala Akbar
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 8/15 pp. 21-24

Jgħixu u Jippridkaw fl-​Inħawi Qrib Vulkan

“HIJA esperjenza tal-​biżaʼ. Tistaʼ xxebbahha maʼ tmiem id-​dinja li titkellem dwaru l-​Bibbja. Irridu nibqgħu attenti u nżommu waqfa tajba quddiem Alla Jehovah l-​ħin kollu.” Dak huwa l-​kliem taʼ Víctor, wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, waqt li kien qed jirrakkonta l-​esperjenza tiegħu dwar li jgħix viċin ħafna tal-​vulkan Popocatépetl, li huwa magħruf sew bħala Popo, fil-​Messiku.

Dan il-​vulkan li jkarwat ilu fl-​aħbarijiet internazzjonali mill-​1994.a L-​awtoritajiet ikkonkludew li kulma jinsab f’raġġ taʼ 30 kilometru mill-​bokka tal-​vulkan qiegħed f’żona taʼ periklu kbir. Fuq in-​naħa tan-​Nofsinhar tal-​vulkan huwa speċjalment perikoluż minħabba li l-​bokka hija mmejla lejn dik id-​direzzjoni u hemm bosta widien fondi minn fejn jistgħu jgħaddu l-​lava u t-​tajn li joħorġu mill-​bokka tal-​vulkan.

Naturalment, ħafna jitħassbu x’jistaʼ jiġrilha l-​Belt tal-​Messiku kieku l-​vulkan kellu jiżbroffa waħda sew. Hija din il-​belt fil-​periklu? Imbagħad, hemm ukoll dawk in-​nies kollha fl-​istat taʼ Morelos lejn in-​Nofsinhar tal-​vulkan. Huma dawk kollha li jgħixu f’dawk l-​inħawi wkoll fil-​periklu? U kif inhi l-​ħajja fl-​inħawi qrib il-​vulkan, minħabba li ma tkunx taf x’jistaʼ jiġri minn jum għal ieħor?

It-​Theddida tal-​Vulkan

Il-​qalba tal-​Belt tal-​Messiku hija madwar 70 kilometru lejn il-​Majjistral taʼ Popocatépetl, għalkemm ftit subborgi huma inqas minn 40 kilometru ’l bogħod. Teknikament, l-​inħawi metropolitani kollha, bil-​popolazzjoni tagħhom taʼ 20 miljun, jinsabu barra miż-​żona taʼ periklu. Madankollu, skond id-​direzzjoni tar-​riħ, dawn l-​inħawi jistgħu jiġu effettwati jekk toħroġ kwantità kbira taʼ rmied mill-​vulkan.

L-effetti taʼ l-​irmied tal-​vulkan normalment ikunu iktar serji fuq in-​naħa tal-​Lvant tal-​vulkan. Dik il-​parti tinkludi l-​belt taʼ Puebla u bosta bliet u rħula iżgħar, li fihom hemm madwar 200,000 ruħ jgħixu fl-​inħawi taʼ periklu kbir. Il-​Ħadd, 11 taʼ Mejju, 1997, il-​vulkan rema ’l barra tunnellati taʼ rmied fl-​arja u xerridhom maʼ dawn l-​inħawi kollha, u dawn laħqu sa l-​istat taʼ Veracruz, iktar minn 300 kilometru lejn il-​Lvant. Lejn in-​naħa tan-​Nofsinhar tal-​vulkan, fl-​istat taʼ Morelos, hemm diversi bliet u rħula fejn b’kollox joqogħdu madwar 40,000 ruħ li jistgħu wkoll ikunu f’periklu kbir.

Hemm Xhieda taʼ Jehovah li qed jgħixu u jaħdmu f’nofs dan kollu. Fil-​Belt tal-​Messiku, hemm iktar minn 90,000 minnhom f’madwar 1,700 kongregazzjoni. Il-​fergħa tal-​Watch Tower Society qiegħda barra l-​Belt tal-​Messiku lejn il-​Grigal, madwar 100 kilometru ’l bogħod mill-​vulkan. Hemm iktar minn 800 volontier jaqdu f’dik il-​fergħa, minbarra xi 500 volontier ieħor li qed jaħdmu fuq proġett kbir taʼ bini. Kollha kemm huma qegħdin barra miż-​żona taʼ periklu.

Fl-istat taʼ Morelos, hemm madwar 50 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah b’iktar minn 2,000 pubblikatur tas-​Saltna. Xi wħud minn dawn, li qegħdin f’Tetela del Volcán u fil-​Hueyapan, jinsabu madwar 20 kilometru ’l bogħod mill-​bokka tal-​vulkan. Iktar minn hekk, lejn il-​Lvant fl-​istat taʼ Puebla, hemm kongregazzjonijiet li fihom madwar 600 pubblikatur li jgħixu minn 20 sa 30 kilometru ’l bogħod mill-​vulkan. M’għandniex xi ngħidu, dawn jistgħu jkunu f’periklu kbir.

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah Jibqgħu Attivi

Minkejja t-​theddida kostanti, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma waqqfux ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħhom f’dawn l-​inħawi. Huma żammew ukoll l-​iskeda tagħhom tal-​laqgħat Kristjani, li jagħtuhom sens taʼ unità u fiduċja taħt dawn iċ-​ċirkustanzi xejn favorevoli. (Lhud 10:24, 25) Rapport minn kongregazzjoni minnhom jgħid: “Seħħet bidla rimarkevoli fl-​attitudni tan-​nies lejn l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Per eżempju, f’raħal żgħir, reċentement 18-il ruħ aċċettaw studju tal-​Bibbja fid-​dar.”

Kongregazzjoni oħra, li tinsab 20 kilometru ’l bogħod mill-​vulkan, tirrapporta: “Iż-​żjieda kienet taʼ l-​għaġeb. Din il-​kongregazzjoni ġiet stabbilita f’Novembru taʼ l-​1996. Matul is-​sitt xhur taʼ wara, 10 individwi kkwalifikaw biex jieħdu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Xi pubblikaturi jgħixu madwar 20 kilometru biss ’il bogħod mill-​bokka tal-​vulkan. Hemmhekk qed jinżammu l-​laqgħat Kristjani li għalihom jattendu madwar 40 ruħ.”

Magdalena, li tgħix f’San Agustín Ikstahuikstla, fil-​Puebla, 25 kilometru biss ’il bogħod mill-​vulkan, għadha żżomm lilha nfisha attiva billi tikkonduċi studji tal-​Bibbja. Hi tirrakkonta dwar x’ġara wara li kien żbroffa sew.

“Ġejna avżati li kellna nħallu djarna, u dan għamilnieh​—f’xita taʼ rmied. Minkejja s-​sitwazzjoni urġenti, jien ħsibt fil-​familja Dorado li kont qed nistudja l-​Bibbja magħhom. Jien u xi aħwa morna għandhom biex ngħinuhom imorru f’post iktar fiż-​żgur. Fil-​belt viċin Puebla, il-​kumitat t’għajnuna tax-​Xhieda taʼ Jehovah kien diġà beda jagħmel xi arranġamenti. Il-​familja Dorado tassew kienet impressjonata bil-​mod kif aħna lkoll ġejna ttrattati hemmhekk. Ħutna Kristjani kienu diġà ppreparawlna akkomodazzjonijiet, f’postijiet differenti. Ma kien jonqosna xejn, avolja konna ’l bogħod mid-​dar. Din il-​familja kienet attendiet xi laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna, imma baqgħu mistagħġbin bl-​imħabba li wrewhom dawk l-​aħwa li qatt ma kienu ltaqgħu magħhom qabel. Xi ftit ġimgħat wara li morna lura lejn djarna, din il-​familja bdiet tattendi għal-​laqgħat kollha regolarment. F’qasir żmien ikkwalifikaw bħala pubblikaturi taʼ l-​aħbar tajba. Tnejn minnhom issa tgħammdu. Huma qdew bħala pijunieri awżiljarji għal ftit xhur u issa qed jippjanaw li jidħlu fis-​servizz taʼ pijunier regulari.”

Martha, tfajla taʼ 20 sena li tgħix 21 kilometru ’l bogħod mill-​bokka tal-​vulkan, ma ħallietx id-​difett fiżiku li kellha jżommha lura milli tieħu vantaġġ minn kull opportunità biex tippriedka. Saret taf bil-​verità tliet snin ilu meta l-​vulkan reġaʼ sar attiv. Minflok ma tuża s-​siġġu tar-​roti, minħabba li jkun diffiċli biex timmaniġġah peress li fejn toqgħod hemm ħafna tlajjaʼ, hi tirkeb fuq ħmar biex tieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Hi tmur ukoll bil-​ħmar għal-​laqgħat. Martha hija grata ferm lejn Jehovah talli hi parti mill-​fratellanza kollha mħabba, ladarba tiddependi fuq l-​għajnuna taʼ l-​aħwa nisa fil-​kongregazzjoni biex titlaʼ u tinżel minn fuq il-​ħmar. Kull xahar, hi tqattaʼ iktar minn 15-il siegħa fil-​ministeru.

F’dawn l-​inħawi iżolati, ix-​Xhieda taʼ Jehovah taʼ spiss jiffaċċjaw pressjoni mill-​ġirien tagħhom sabiex jingħaqdu magħhom f’li jiċċelebraw il-​btajjel reliġjużi. F’Tulcingo, raħal li qiegħed madwar 20 kilometru ’l bogħod mill-​vulkan, wieħed raġel ġie inkarigat iżur lix-​Xhieda biex jiġbor donazzjonijiet għal dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet. L-​aħwa bil-​paċenzja spjegawlu għala ma setgħux jipparteċipaw f’dawn il-​btajjel reliġjużi. Ir-​raġel tant kien persistenti f’li jipprova jiġbor donazzjonijiet mingħand l-​aħwa li beda jassoċja magħhom, u sadattant beda jsir jaf xi affarijiet li kienu jemmnu. Kien jieħu pjaċir isib it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħu fil-​Bibbja Kattolika tiegħu stess. Flimkien maʼ martu u bintu, ilu sena jattendi għal-​laqgħat regolarment u issa wera x-​xewqa tiegħu li jsir pubblikatur taʼ l-​aħbar tajba.

Kif Tistaʼ Tkun Ippreparat?

Il-​vulkanologi jikkonduċu l-​istudji tagħhom u joħorġu rapporti uffiċjali dwar il-​Popocatépetl minaċċuż, imma ħadd ma jaf eżatt x’se jiġri jew meta. Skond il-​mezzi tax-​xandir u n-​nies li jgħixu fil-​viċin, il-​vulkan jistaʼ jiżbroffa fi kwalunkwe mument. It-​theddida hija reali. M’għandniex xi ngħidu, l-​awtoritajiet huma kkonċernati ferm u jridu jagħmlu kulma jistgħu biex ikunu għal-​lest f’każ t’emerġenza. Imma wieħed jistaʼ jifhem li jridu jkunu kawti meta jiġu biex jagħtu twissija, ladarba ma jridux iqajmu konfużjoni sħiħa u kulħadd ikun irid jitlaq f’daqqa jekk ma jkunx hemm periklu imminenti. Allura, wieħed x’għandu jagħmel?

“Min hu bil-​għaqal jara l-​għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih,” jgħid proverbju Bibliku. (Proverbji 22:3) Għalhekk, il-​korsa għaqlija hi li tieħu l-​passi neċessarji biex taċċerta ruħek mis-​sigurezza waqt li għad hemm l-​opportunità, mhux ‘tidħol fih’ qisu qatt m’hu se jiġri xejn, bla ma tagħmel xejn sakemm jiżbroffaw il-​forzi naturali tal-​biżaʼ bħal dawn. Dan hu l-​mod kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’dawn l-​inħawi jqisu din il-​kwistjoni.

Reċentement, xi rappreżentanti mill-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society ltaqgħu maʼ l-​indokraturi li jivvjaġġaw fl-​istat taʼ Puebla, li huma f’kuntatt mill-​qrib mal-​kongregazzjonijiet fiż-​żona taʼ periklu. Saru pjanijiet sabiex l-​indokraturi li jivvjaġġaw u membri taʼ kumitat t’għajnuna jżuru kull familja li tgħix 25 kilometru ’l bogħod mill-​bokka tal-​vulkan. Dawn il-​familji ġew megħjunin biex jikkunsidraw jekk jitilqux miż-​żona taʼ periklu qabel ma jiżbroffa. Ġew ipprovduti trasport u akkomodazzjonijiet għal 1,500 ruħ fil-​belt taʼ Puebla. Xi familji marru joqogħdu mal-​qraba fi bliet oħrajn.

Twissija fuq Skala Akbar

Id-​duħħan, in-​nar, u t-​tkarwit mill-​Popocatépetl huma indikazzjonijiet ċari li jkun wasal biex jiżbroffa. Dawk kollha li jixtiequ jaħarbu jridu jagħtu kas it-​twissijiet maħruġin mill-​awtoritajiet u jieħdu azzjoni xierqa. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​inħawi viċin ħafna tal-​vulkan dejjem jinsabu attenti biex jaċċertaw ruħhom li jsalvaw ħajjithom kif ukoll biex jgħinu lil oħrajn jaraw il-​periklu u jaġixxu qabel ma jkun tard wisq.

Fuq skala akbar, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma dejjem attenti wkoll għall-​ġrajjiet tad-​dinja fid-​dawl tal-​profeziji Bibliċi. Il-​gwerer, it-​terremoti, il-​ġuħ, u l-​kriminalità huma sinjifikanti sewwa sew bħalma huma l-​attivitajiet tal-​vulkan. Huma elementi taʼ sinjal kompost li Ġesù bassar li kellhom jimmarkaw “tmiem id-​dinja.” Għalkemm ħadd ma jaf eżatt meta ġej it-​tmiem, m’hemm l-​ebda dubju li dan ġej u li hu verament qrib.—Mattew 24:3, 7-14, 32-39.

Il-bżonn urġenti tal-​lum huwa li n-​nies kullimkien jieħdu b’serjetà kbira t-​twissija taʼ Ġesù: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-​ikel u x-​xorb żejjed u s-​sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-​ħafna tħassib għall-​ħtiġiet tal-​ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-​Jum fuqkom għal għarrieda.” (Luqa 21:34) Tassew li din hi l-​korsa għaqlija li għandek tieħu. Sewwa sew bħalma s-​sinjali taʼ twissija tal-​vulkan m’għandhomx jittieħdu ħafif ħafif, hekk ukoll ma rridux ninjoraw l-​avviċinar taʼ Bin il-​bniedem, Ġesù Kristu, li ħeġġeġ: “Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-​siegħa li fiha jiġi Bin il-​bniedem.”—Mattew 24:44.

[Nota taʼ taħt]

a Ir-rivista Stenbaħ! taʼ Jannar-Marzu, 1997, irrapportat dwar dan il-​vulkan minaċċuż.

[Stampi f’paġna 23]

Martha (fuq il-​ħmar) u oħrajn waqt li qed jagħtu xiehda fl-​inħawi qrib taʼ Popocatépetl

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja