LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 10/15 pp. 8-13
  • Ġerusalemm—Il-“Belt tas-Sultan il-Kbir”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġerusalemm—Il-“Belt tas-Sultan il-Kbir”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Post tat-​“Tron tal-​Mulej”
  • Minn Paċi għal Ħerba
  • Opponuta minn Ġirien taʼ Reliġjon Falza
  • Jidher il-​Messija!
  • Dehriet bil-​Quddiem taʼ Paċi Dejjiema
  • Ġerusalemm li Ġġib Unur lil Isimha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ġerusalemm il-Ġdida—X’inhi?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 10/15 pp. 8-13

Ġerusalemm—Il-​“Belt tas-​Sultan il-​Kbir”

“Taħilfu xejn . . . lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-​Belt tas-​Sultan il-​kbir.”—MATTEW 5:34, 35.

1, 2. Liema ħaġa għandha mnejn tħawwad l-​imħuħ taʼ xi wħud rigward Ġerusalemm?

ĠERUSALEMM​—isimha biss iqanqal sentimenti qawwijin f’nies taʼ reliġjonijiet differenti. Fil-​fatt, ħadd minna ma jistaʼ jinjora lil din il-​belt antika, peress li spiss tissemma fl-​aħbarijiet. B’sogħba, iżda, ħafna rapporti juru li Ġerusalemm m’hijiex dejjem post taʼ paċi.

2 Dan għandu mnejn iħawwad l-​imħuħ taʼ xi qarrejja tal-​Bibbja. Fil-​passat l-​isem imqassar taʼ Ġerusalemm kien Salem, li jfisser “sliem.” (Ġenesi 14:18; Salm 76:3 [Salm 76:2, NW]; Lhud 7:1, 2) Għalhekk, forsi tistaqsi, ‘Għala fiż-​żminijiet reċenti belt b’dan l-​isem kellha daqstant nuqqas taʼ paċi?’

3. Fejn nistgħu nsibu informazzjoni taʼ min joqgħod fuqha dwar Ġerusalemm?

3 Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, irridu mmorru lura ħafna fl-​istorja u nitgħallmu dwar Ġerusalemm tal-​qedem. Imma forsi xi wħud jaħsbu, ‘M’għandniex ċans nistudjaw l-​istorja taʼ l-​antik.’ Minkejja dan, għarfien eżatt dwar l-​istorja bikrija taʼ Ġerusalemm huwa taʼ valur għalina lkoll. Il-​Bibbja tindika r-​raġuni b’dan il-​kliem: “Kull ma nkiteb fl-​Iskrittura fl-​imgħoddi, nkiteb għat-​tagħlim tagħna, biex bis-​sabar u bil-​faraġ li tagħtina l-​Iskrittura, aħna jkollna t-​tama.” (Rumani 15:4) Għarfien mill-​Bibbja dwar Ġerusalemm jistaʼ jagħtina faraġ​—iva, u tama għall-​paċi, mhux biss f’dik il-​belt imma madwar id-​dinja kollha.

Il-​Post tat-​“Tron tal-​Mulej”

4, 5. David kif kien involut f’li jgħin lil Ġerusalemm ikollha rwol fundamentali fit-​twettiq taʼ l-​iskop t’Alla?

4 Fil-​ħdax-il seklu Q.E.K., Ġerusalemm saret famuża mad-​dinja kollha bħala l-​kapitali taʼ ġens b’sigurtà u paċi. Alla Jehovah ġiegħel li ż-​żagħżugħ David jiġi midluk bħala sultan fuq dak il-​ġens tal-​qedem​—Iżrael. Bis-​sede tal-​gvern f’Ġerusalemm, David u d-​dixxendenti rjali tiegħu bdew jokkupaw “it-​tron tas-​saltna tal-​Mulej,” jew “it-​tron tal-​Mulej.”—1 Kronaki 28:5; 29:23.

5 David​—Iżraelit mit-​tribù taʼ Ġuda u raġel li kellu l-​biżaʼ t’Alla—​ħataf lil Ġerusalemm minn taħt il-​Ġebusin, nies idolatrużi. Dak iż-​żmien il-​belt kienet tokkupa biss għolja msejħa Sijon, imma dak l-​isem sar sinonimu maʼ Ġerusalemm infisha. Maż-​żmien, David ord­na li l-​arka tal-​patt t’Alla maʼ Iżrael tinġab f’Ġerusalemm, fejn kienet tinżamm f’tinda. Snin qabel, Alla kien tkellem mal-​profeta tiegħu Mosè minn sħaba fuq dik l-​Arka sagra. (Eżodu 25:1, 21, 22; Levitiku 16:2; 1 Kronaki 15:1-3) L-​Arka kienet tissimbolizza l-​preżenza t’Alla, għax Jehovah kien il-​veru Sultan taʼ Iżrael. Għalhekk, b’sinjifikat doppju setaʼ jingħad li Alla Jehovah kien jaħkem mill-​belt taʼ Ġerusalemm.

6. Jehovah liema wegħda għamel rigward David u Ġerusalemm?

6 Jehovah wiegħed lil David li s-​saltna tad-​dar irjali tiegħu, irrappreżentata minn Sijon, jew Ġerusalemm, ma kellhiex tintemm. Dan kien ifisser li dixxendent taʼ David kellu jiret id-​dritt li jaħkem għal dejjem bħala l-​Midluk t’Alla​—il-​Messija, jew Kristu.a (Salm 132:11-14; Luqa 1:31-33) Il-​Bibbja tirrivela wkoll li dan l-​eredi permanenti għat-​“tron tal-​Mulej” kellu jaħkem fuq il-​ġnus kollha, u mhux biss fuq Ġerusalemm.—Salm 2:6-8; Danjel 7:13, 14.

7. Is-​Sultan David kif ippromwova l-​qima pura?

7 Attentati biex iniżżlu minn fuq it-​tron lill-​midluk t’Alla, is-​Sultan David, kienu bla suċċess. Minflok, ġnus għedewwa ġew imrażż­nin, u t-​truf taʼ l-​Art Imwiegħda ġew estiżi sa l-​estremità li Alla kien ħatar għalihom. David utilizza din is-​sitwazzjoni biex jippromwovi l-​qima pura. U ħafna mis-​salmi taʼ David ifaħħru lil Jehovah bħala s-​Sultan veru taʼ Sijon.—2 Samwel 8:1-15; Salm 9:2, 12 [Salm 9:1, 11, NW]; Salm 24:1, 3, 7-10; Salm 65:2-4 [Salm 65:1, 2, NW]; Salm 68:2, 25, 30 [Salm 68:1, 24, 29, NW]; Salm 110:1, 2; 122:1-4.

8, 9. Kif espandiet il-​qima vera f’Ġerusalemm fi żmien ir-​renju tas-​Sultan Salamun?

8 Matul ir-​renju taʼ Salamun, bin David, il-​qima taʼ Jehovah laħqet proporzjonijiet ġodda. Salamun estenda lil Ġerusalemm lejn it-​Tramuntana biex tinkludi l-​għolja Morija (il-post fejn illum hemm il-​Koppla tal-​Blata). Fuq din l-​għolja li kienet tissupera lill-​oħrajn, hu kien ipprivileġġat li jibni tempju manjifiku għat-​tifħir taʼ Jehovah. L-​arka tal-​patt tpoġġiet fl-​Iktar Qaddis taʼ dak it-​tempju.—1 Slaten 6:1-38.

9 Il-​ġens taʼ Iżrael gawda l-​paċi waqt li n-​nies taw l-​appoġġ b’qalbhom kollha lill-​qima taʼ Jehovah, iċċentrata f’Ġerusalemm. Waqt li tiddeskrivi din is-​sitwazzjoni b’mod mill-​isbaħ, l-​Iskrittura tgħid: “Il-​poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien kotran bħar-​ramel tal-​baħar; u kienu lkoll ferħana jieklu u jixorbu. . . . Kien isaltan is-​sliem fl-​inħawi kollha taʼ madwaru. Il-​poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien jgħix fiż-​żgur, kulħadd taħt id-​dielja u t-​tina tiegħu.”—1 Slaten 4:20; 5:4, 5 [1 Slaten 4:20, 24, 25, NW].

10, 11. L-​arkeoloġija kif tikkonferma dak li tgħid il-​Bibbja dwar Ġerusalemm meta kien jirrenja Salamun?

10 Sejbiet arkeoloġiċi jagħtu appoġġ lil dan ir-​rakkont dwar ir-​renju prosperuż taʼ Salamun. Fil-​ktieb tiegħu The Archaeology of the Land of Israel, il-​Professur Yohanan Aharoni jgħid: “Il-​ġid li kien igelgel għal ġol-​palazz irjali minn kull direzzjoni, u l-​kummerċ li ffjorixxa . . . ġabu rivoluzzjoni mgħaġġla u notevoli f’kull aspett tal-​kultura materjali. . . . Il-​bidla fil-​kultura materjali . . . tidher mhux biss f’oġġetti taʼ lussu imma speċjalment ukoll fiċ-​ċeramika. . . . Il-​kwalità tal-​fuħħar u s-​sengħa tiegħu tjiebu b’mod taʼ l-​għaġeb.”

11 Bl-​istess mod, Jerry M. Landay kiteb: “Taħt Salamun, il-​kultura materjali Iżraelita avanzat iktar fi tletin sena milli kienet għamlet matul il-​mitejn sena taʼ qabel. Fl-​istrati taʼ Salamun insibu l-​fdalijiet taʼ bini monumentali, bliet kbar bi swar massiċċi, żjieda f’daqqa taʼ kwartieri residenzjali bi gzuz taʼ djar mibnijin tajjeb għall-​għonja, qabża tremenda fil-​profiċjenza teknika tal-​fuħħari u l-​proċessi tal-​manifattura tiegħu. Insibu wkoll il-​fdalijiet taʼ oġġetti magħmulin bl-​idejn, li jirrappreżentaw merkanzija magħmula f’postijiet ’il bogħod, indikazzjonijiet taʼ kummerċ u negozju internazzjonali vigorużi.”​—The House of David.

Minn Paċi għal Ħerba

12, 13. Kif kien li l-​qima vera ma baqgħetx tiġi avanzata f’Ġerusalemm?

12 Il-​paċi u l-​prosperità taʼ Ġerusalemm, il-​belt fejn kien jinsab is-​santwarju taʼ Jehovah, kienu suġġett xieraq għat-​talb. David kiteb: “Itolbu s-​sliem għal Ġerusalemm: ‘Ħa jkoll­hom is-​sliem dawk kollha li jħobbuk! Ħa jkun hemm is-​sliem ġewwa l-​ħitan tiegħek, u l-​ġid fil-​palazzi tiegħek!’ Minħabba ħuti u ħbiebi, ħallini ngħidlek: ‘Is-​sliem għalik!’” (Salm 122:6-8) Għalkemm Salamun kien ipprivileġġat li jibni t-​tempju manjifiku f’dik il-​belt taʼ paċi, hu eventwalment iżżewweġ ħafna nisa pagani. Fi xjuħitu, huma sseduċewh f’li jipp­romwovi l-​qima t’allat foloz taʼ dak iż-​żmien. Din l-​apostasija kellha effett korruttibbli fuq in-​nazzjon kollu, u serqet il-​paċi ġenwina lilu u lill-​abitanti tiegħu.—1 Slaten 11:1-8; 14:21-24.

13 Kmieni fir-​renju taʼ Reħobogħam, bin Salamun, għaxar tribujiet irribellaw u fformaw is-​saltna tat-​Tramuntana taʼ Iżrael. Minħabba l-​qima tagħhom lejn l-​idoli, Alla ppermetta li dik is-​saltna tiġi megħluba mill-​Assirja. (1 Slaten 12:16-30) Is-​saltna taż-​żewġ tribujiet fin-​Nofsinhar taʼ Ġuda baqgħet iċċentrata f’Ġerusalemm. Imma maż-​żmien dawn ukoll abbandunaw il-​qima pura, u għalhekk Alla ppermetta li dik il-​belt ixxellerata tinqered mill-​Babiloniżi fis-​607 Q.E.K. Għal 70 sena l-​eżiljati Lhud infnew bħala rsiera f’Babilonja. Imbagħad, bil-​ħniena t’Alla, tħallew jirritornaw lejn Ġerusalemm u jirrestawraw il-​qima vera.—2 Kronaki 36:15-21.

14, 15. Ġerusalemm kif reġgħet kisbet irwol fundamentali wara l-​eżilju f’Babilonja, imma b’liema bidla?

14 Wara 70 sena taʼ ħerba, il-​fdalijiet tal-​bini żgur li kienu miksijin bil-​ħaxix ħażin. Is-​swar taʼ Ġerusalemm kienu mġarrfin, b’fetħiet kbar fihom fejn darba kien hemm bibien u turretti t’appoġġ. Madankollu, il-​Lhud li rritornaw għamlu l-​qalb. Bnew artal fil-​post fejn qabel kien hemm it-​tempju u bdew joff­ru sagrifiċċji taʼ kuljum lil Jehovah.

15 Dan kien bidu promettenti, imma dik il-​Ġerusalemm irrestawrata qatt ma kellha terġaʼ tkun il-​kapitali taʼ saltna b’dixxendent tas-​Sultan David fuq it-​tron. Minflok, il-​Lhud kienu maħkumin minn gvernatur maħtur minn dawk li kkonkwistaw lil Babilonja u kellhom iħallsu t-​taxxi lis-​sidien Persjani tagħhom. (Neħemija 9:34-37) Għalkemm f’kundizzjoni “mirfusa,” Ġerusalemm kienet għadha l-​unika belt fid-​dinja kollha, iffavorita b’mod speċjali minn Alla Jehovah. (Luqa 21:24) Bħala ċ-​ċentru tal-​qima pura, hija kienet tirrappreżenta wkoll id-​dritt t’Alla li jeżerċita s-​sovranità tiegħu fuq id-​dinja permezz taʼ dixxendent tas-​Sultan David.

Opponuta minn Ġirien taʼ Reliġjon Falza

16. Il-​Lhud li rritornaw minn Babilonja għala ma komplewx jirrestawraw lil Ġerusalemm?

16 Il-​Lhud li kienu rritornaw lejn Ġerusalemm mill-​eżilju ma damux ma qiegħdu l-​pedament taʼ tempju ġdid. Imma ġirien li kienu jipprattikaw reliġjon falza bagħtu ittra taʼ malafama lis-​Sultan Artasersi tal-​Persja, billi sostnew li l-​Lhud kienu se jirribellaw. Min-​naħa tiegħu, Artasersi pprojbixxa li jsir iktar bini f’Ġerusalemm. Tistaʼ timmaġina li kieku int kont tgħix fil-​belt f’dak iż-​żmien, żgur kont titħasseb dwar il-​futur tagħha. Kif ġraw l-​affarijiet, il-​Lhud ma baqgħux jibnu t-​tempju u ntefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom għall-​ġiri wara l-​interessi materjali tagħhom stess.—Esdra 4:11-24; Ħaggaj 1:2-6.

17, 18. Jehovah b’liema mezzi ħa ħsieb li Ġerusalemm tinbena mill-​ġdid?

17 Madwar 17-il sena wara li rritornaw, Alla qajjem lill-​profeti Ħaggaj u Żakkarija biex jikkoreġu l-​mod taʼ ħsieb tal-​poplu tiegħu. Imqanqlin għall-​indiema, il-​Lhud komplew il-​bini mill-​ġdid tat-​tempju. Sadattant, Darju kien sar is-​sultan tal-​Persja. Hu vverifika l-​ordni tas-​Sultan Ċiru li jerġaʼ jinbena t-​tempju taʼ Ġerusalemm. Darju bagħat ittra lill-​ġirien tal-​Lhud, u wissiehom biex ‘iżommu ruħhom ’il bogħod minn Ġerusalemm’ u biex jipprovdu appoġġ finanzjarju mit-​taxxa tas-​sultan sabiex jitlesta x-​xogħol tal-​bini.—Esdra 6:1-13.

18 Il-​Lhud lestew it-​tempju madwar 22 sena wara r-​ritorn tagħhom. Żgur li tapprezza li dan l-​avveniment importanti kellu jkun xi ħaġa li tiġi ċċelebrata b’ferħ kbir. Madankollu, Ġerusalemm u s-​swar tagħha kienu għadhom imġarrfin b’mod konsiderevoli. Il-​belt irċeviet l-​attenzjoni meħtieġa “fi żmien Neħemija, il-​gvernatur, u Esdra, il-​qassis u skriba.” (Neħemija 12:26, 27) Milli jidher, sa tmiem il-​ħames seklu Q.E.K., Ġerusalemm kienet inbniet mill-​ġdid għalkollox bħala belt ewlenija tad-​dinja tal-​qedem.

Jidher il-​Messija!

19. Il-​Messija kif irrikonoxxa l-​pożizzjoni unika taʼ Ġerusalemm?

19 Iżda, ejjew naqbżu ftit sekli u niġu għal ġrajja taʼ importanza universali, it-​twelid taʼ Ġesù Kristu. L-​anġlu t’Alla Jehovah kien qal lill-​omm verġni taʼ Ġesù: “Il-​Mulej Alla jagħtih it-​tron taʼ David missieru . . . u ma jkunx hemm tmiem għas-​saltna tiegħu.” (Luqa 1:32, 33) Snin wara, Ġesù ta l-​Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja. Fiha, hu offra inkuraġġiment u pariri dwar ħafna suġġetti. Per eżempju, hu ħeġġeġ lis-​semmiegħa tiegħu biex iwettqu l-​wegħdi li jkunu għamlu lil Alla imma biex joqogħdu attenti li ma jiħdux ġuramenti għal kull ħaġa taʼ xejn. Qal Ġesù: “Smajtu wkoll x’intqal lin-​nies taʼ dari, ‘Tonqosx mill-​wegħda li ħlift imma rodd lill-​Mulej il-​wegħdiet li ħliftlu.’ Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-​sema, għax hu t-​tron taʼ Alla, u la bl-​art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-​Belt tas-​Sultan il-​kbir.” (Mattew 5:33-35) Taʼ min jinnota li Ġesù rrikonoxxa l-​pożizzjoni unika taʼ Ġerusalemm​—waħda li kienet ilha tgawdi għal sekli sħaħ. Iva, kienet il-​“Belt tas-​Sultan il-​kbir,” Alla Jehovah.

20, 21. Liema bidla drammatika seħħet fl-​attitudni taʼ ħafna li kienu jgħixu f’Ġerusalemm?

20 Lejn tmiem il-​ħajja tiegħu fuq l-​art, Ġesù ppreżenta lilu nnifsu lir-​residenti taʼ Ġerusalemm bħala s-​Sultan tagħhom maħtur kif jixraq. B’reazzjoni għal dik il-​ġrajja eċċitanti, ħafna għajtu bil-​ferħ: “Mbierek min ġej f’isem il-​Mulej! Mbierka s-​Saltna li ġejja taʼ David missierna.”—Mark 11:1-10; Ġwann 12:12-15.

21 Madankollu, f’inqas minn ġimgħa, il-​folol ħallew lill-​mexxejja reliġjużi taʼ Ġerusalemm idawruhom kontra Ġesù. Hu wissa li l-​belt taʼ Ġerusalemm u l-​ġens kollu kemm hu kienu se jitilfu l-​pożizzjoni ffavorita tagħhom quddiem Alla. (Mattew 21:23, 33-45; 22:1-7) Per eżempju, Ġesù ddikjara: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, int li toqtol il-​profeti u tħaġġar il-​messaġġiera mibgħutin lilek, kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek bħalma l-​qroqqa tiġbor il-​flieles taħt ġwenħajha, u int ma ridtx! Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba!” (Mattew 23:37, 38) Fi żmien il-​Qbiż tas-​sena 33 E.K., l-​opponenti taʼ Ġesù qatluh inġustament barra l-​ħitan taʼ Ġerusalemm. Minkejja dan, Jehovah rxoxta lill-​Midluk tiegħu u gglorifikah b’ħajja immortali bħala spirtu f’Sijon tas-​sema, azzjoni straordinarja li lkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw minnha.—Atti 2:32-36.

22. Wara l-​mewt taʼ Ġesù, liema applikazzjoni għandhom ħafna mir-​referenzi għal Ġerusalemm?

22 Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, il-​biċċa l-​kbira mill-​profeziji dwar Sijon, jew Ġerusalemm, li għadhom ma twettqux nistgħu nifhmuhom bħala li japplikaw għal arranġamenti tas-​sema jew għas-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù. (Salm 2:6-8; 110:1-4; Isaija 2:2-4; 65:17, 18; Żakkarija 12:3; 14:12, 16, 17) Huwa ċar li għadd taʼ referenzi għal “Ġerusalemm” jew “Sijon” miktubin wara l-​mewt taʼ Ġesù għandhom sens figurattiv u ma japplikawx għall-​belt jew il-​post litterali. (Galatin 4:26; Lhud 12:22; 1 Pietru 2:6; Apokalissi 3:12; 14:1; 21:2, 10) Evidenza finali li Ġerusalemm ma baqgħetx il-​“Belt tas-​Sultan il-​kbir” ġiet fis-​sena 70 E.K. meta armati Rumani għamluha ħerba, bħalma kien ipprofetizzat minn Danjel u minn Ġesù Kristu. (Danjel 9:26; Luqa 19:41-44) La l-​kittieba tal-​Bibbja u lanqas Ġesù nnifsu ma pprofetizzaw li Ġerusalemm taʼ l-​art kellha terġaʼ tiġi rrestawrata għall-​favur speċjali li darba kienet tgawdi m’Alla Jehovah.—Galatin 4:25; Lhud 13:14.

Dehriet bil-​Quddiem taʼ Paċi Dejjiema

23. Għala għandna nibqgħu interessati f’Ġerusalemm?

23 Wara li rrevedejna l-​istorja bikrija taʼ Ġerusalemm taʼ l-​art, ħadd ma jistaʼ jiċħad li l-​belt ġabet unur lit-​tifsir taʼ isimha​—“Pussess [jew, Pedament] taʼ Paċi Doppja”—​matul ir-​renju taʼ paċi tas-​Sultan Salamun. Madankollu, dan kien biss dehra bil-​quddiem tal-​paċi u l-​prosperità li dalwaqt se jitgawdew minn dawk li jħobbu lil Alla li se jkunu jgħixu fuq dinja mibdula f’ġenna.—Luqa 23:43.

24. X’nistgħu nitgħallmu mill-​kundizzjonijiet li kienu jeżistu meta kien jirrenja Salamun?

24 Salm 72 jirrifletti l-​kundizzjonijiet li kienu jeżistu matul ir-​renju tas-​Sultan Salamun. Imma dik l-​għanja sabiħa tipprofetizza l-​barkiet għall-​umanità taħt il-​ħakma mis-​sema tal-​Messija, Ġesù Kristu. Dwaru, is-​salmista kanta: “Tħaddar f’jiemu l-​ġustizz­ja, u sliem kotran sa ma jintemm il-​qamar. . . . Hu jeħles lill-​fqir li jsejjaħlu, u lill-​imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-​dgħajjef u għall-​fqajjar; il-​ħajja tal-​fqajrin isalva. Jeħlishom mill-​qerq u mill-​moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh. Ikun kotran il-​qamħ fuq l-​art, jogħla sal-​qċaċet taʼ l-​għoljiet.”—Salm 72:7, 8, 12-14, 16.

25. Għala għandna nkunu rridu nitgħallmu iżjed dwar Ġerusalemm?

25 Kemm jipprovdi faraġ u tama dan il-​kliem għal dawk li jħobbu ’l Alla f’Ġerusalemm jew fi kwalunkwe post ieħor fid-​dinja! Int tistaʼ tkun fost dawk li se jgawdu paċi mad-​dinja kollha taħt is-​Saltna Messjanika t’Alla. Għarfien dwar il-​passat taʼ Ġerusalemm jistaʼ jgħinna nifhmu l-​iskop t’Alla għall-​umanità. L-​artikli li jmiss se jiffokaw fuq ġrajjiet li seħħew madwar sebgħin jew tmenin sena wara li l-​Lhud irritornaw mill-​eżilju f’Babilonja. Dan joffri faraġ lil dawk kollha li jixtiequ jagħtu qima aċċettabbli lil Alla Jehovah, is-​Sultan il-​Kbir.

[Nota taʼtaħt]

a  It-titli “Messija” (addattat minn kelma Ebrajka) u “Kristu” (mill-Grieg) it-​tnejn ifissru “Midluk.”

Tiftakar Int?

◻ Kif kien li Ġerusalemm saret il-​post tat-​“tron tal-​Mulej”?

◻ Salamun liema rwol sinjifikanti kellu fl-​avvanz tal-​qima vera?

◻ Kif nafu li Ġerusalemm ma baqgħetx iċ-​ċentru tal-​qima taʼ Jehovah?

◻ Għala aħna interessati li nitgħallmu iżjed dwar Ġerusalemm?

[Stampa f’paġna 10]

Il-​Belt taʼ David kienet fuq għolja tawwalija fin-​Nofsinhar, imma Salamun espanda l-​belt lejn it-​Tramuntana u bena t-​tempju

[Sors]

Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 8]

Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja